LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 10/15 pp. 30-32
  • “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​E-​MAILS LI TIRĊIEVI DEJJEM TIBGĦATHOM LIL ĦADDIEĦOR?
  • URI RISPETT GĦAL OĦRAJN
  • Għandek il-fatti kollha?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • L-Internet—Nużaw b’Għaqal Din l-Għodda Globali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • L-Użu taʼ l-Internet—Oqgħod Attent mill-Perikli!
    Il-Ministeru tas-Saltna—1999
  • Il-Ġurnata tat-Tieġ Ħafna Ferħ Imma Ħafna Xogħol
    Stenbaħ!—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 10/15 pp. 30-32
Raġel ħosbien qed iħares lejn il-kompjuter tiegħu

“Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ”

“Iblah hu dak ir-​raġel li qatt ma jaqra gazzetta; u saħansitra iktar iblah hu dak ir-​raġel li jemmen kulma jaqra sempliċement għax qiegħed miktub fil-​gazzetta.” —August von Schlözer, storjografu u kittieb Ġermaniż (1735-1809).

IKTAR minn 200 sena ilu, in-​nies ma setgħux jemmnu kulma kien hemm miktub fil-​gazzetti. Illum ma nistgħux nemmnu kulma naqraw jew naraw fuq l-​Internet. Hemm ammont kbir taʼ informazzjoni fuq l-​Internet, u t-​teknoloġija moderna tagħmilhielna faċli biex insibuha. Ħafna informazzjoni hi vera, utli, u ma fiha xejn ħażin, imma ħafna informazzjoni oħra hi falza, bla siwi, u perikoluża. Hu għalhekk li rridu nagħżlu bir-​reqqa dak li naqraw. Meta xi wħud jibdew jużaw l-​Internet, għandhom mnejn jaħsbu li rapport tal-​aħbarijiet bilfors li hu minnu sempliċement għax qiegħed fuq l-​Internet jew għax bagħathulhom ħabib bl-​e-​mail. Jafu jemmnu storja anke jekk tinstemaʼ stramba ħafna. Imma l-​Bibbja twissina: “Kulmin hu bla esperjenza jafda f’kull kelma li jismaʼ, imma min hu prudenti jqis il-​passi tiegħu.”—Proverbji 14:15.

L-​oppost taʼ li nkunu bla esperjenza, jew li nibilgħu kollox, hu li nkunu prudenti, jew għaqlin. Meta nkunu prudenti, noqogħdu attenti u nemmnu biss dak li nafu li hu minnu. Mhux se nitqarrqu u nemmnu storja falza li naqraw fuq l-​Internet, hi kemm hi popolari. X’jistaʼ jgħinek tkun prudenti? L-​ewwel, saqsi lilek innifsek: ‘L-​istorja ġejja minn Websajt uffiċjali taʼ min joqgħod fuqha? Jew inkella hi minn Websajt li tippermetti lil kulħadd jikteb l-​opinjoni tiegħu, jew saħansitra minn sors mhux magħruf? Diġà ntwera li l-​istorja hi falza minn Websajt li tistaʼ toqgħod fuqha?’a (Ara n-​nota taʼ taħt.) Imbagħad, uża “d-​dehen.” (Proverbji 1:3) Jekk rapport tal-​aħbarijiet jidher li ma jitwemminx, mela probabbli mhux minnu. Ukoll, meta taqra xi aħbar negattiva dwar ħaddieħor, aħseb dwar min se jibbenefika jekk tinxtered l-​istorja u għala xi ħadd forsi jkun irid ixerred storja bħal din.

L-​E-​MAILS LI TIRĊIEVI DEJJEM TIBGĦATHOM LIL ĦADDIEĦOR?

Xi nies forsi jibagħtu xi aħbar lill-​kuntatti kollha tagħhom mingħajr ma jiċċekkjaw jekk l-​istorja hix minnha jew le jew mingħajr ma jaħsbu dwar x’jistaʼ jiġri wara li jibagħtuha. Forsi jagħmlu dan għax dejjem iridu l-​attenzjoni tan-​nies u jridu jkunu l-​ewwel nies li jxerrdu l-​aħbar. (2 Samwel 13:28-​33) Imma bniedem prudenti ma jarax biss sal-​ponta taʼ mnieħru iżda jaħseb dwar il-​ħsara li tistaʼ tiġi kkaġunata. Pereżempju, l-​istorja tistaʼ tħassar ir-​reputazzjoni taʼ xi ħadd jew taʼ organizzazzjoni.

Dak li jibgħat l-​aħbar jaf ma jiċċekkjax jekk hix minnha għax biex jagħmel dan jeħtieġ il-​ħin u l-​isforz. Hu sempliċement jaħseb li dawk li jirċievu l-​messaġġ tiegħu jistgħu jiċċekkjaw huma jekk iridu. Imma l-​ħin tagħhom hu prezzjuż ukoll. (Efesin 5:15, 16) Allura minflok ma nibagħtu affarijiet li m’aħniex ċerti minnhom, ikun aħjar jekk naħsbu, “La għandi d-​dubji, żgur mhux utli!”

Saqsi lilek innifsek: ‘Dejjem nibgħat l-​e-​mails li nirċievi lil ħaddieħor? Qatt kelli niskuża ruħi mal-​kuntatti tiegħi talli bgħattilhom xi informazzjoni żbaljata jew saħansitra gideb? Xi ħadd ġieli saqsieni biex nieqaf nibgħatlu l-​e-​mails?’ Tinsiex li jekk il-​ħbieb tiegħek għandhom e-​mail, huma wkoll jistgħu jużaw l-​Internet u m’għandhomx bżonn l-​għajnuna tiegħek biex ifittxu għal affarijiet li jinteressawhom. Ma jridux jirċievu ħafna e-​mails li jinkludu stejjer, vidjows, jew stampi tad-​daħq. Ukoll, ma jkunx għaqli li tibgħat rekordings jew noti dettaljati taʼ taħditiet Bibliċi.b (Ara n-​nota taʼ taħt.) U ftakar li dak li jkun se jibbenefika l-​iktar jekk jagħmel ir-​riċerka tiegħu, ifittex l-​iskritturi, jew jipprepara t-​tweġibiet tiegħu stess għal-​laqgħat, milli jekk tibgħatlu din l-​informazzjoni int.

Raġel bilqiegħda quddiem il-kompjuter tiegħu qed jaħseb dwar kif se tkun ir-reazzjoni tal-ħbieb tiegħu jekk jibagħtilhom l-e-mail li rċieva

Għandi jien nibgħat din l-e-mail li rċivejt lil ħaddieħor?

X’għandek tagħmel jekk tara xi ħaġa fuq l-​Internet li tgħid gideb sfaċċat dwar l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova? Irrifjuta dak il-​gideb mill-​ewwel! Temmnux. Ma jkunx għaqli li taqsam dak li taqra m’oħrajn u ssaqsihom għall-​opinjoni tagħhom għax dan se jservi biss biex tkompli tinxtered din l-​informazzjoni li tagħmel ħsara. Jekk xi ħaġa li rajt fuq l-​Internet tkiddek, itlob lil Ġeħova għall-​għerf u tkellem m’aħwa maturi. (Ġakbu 1:5, 6; Ġuda 22, 23) M’għandniex niskantaw li n-​nies jgħidu l-​gideb dwarna. In-​nies qalu l-​gideb dwar Ġesù, u hu wissa lid-​dixxipli tiegħu li l-​għedewwa tagħhom kienu se jippersegwitawhom u “bil-​gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen” kontrihom. (Mattew 5:11; 11:19; Ġwanni 10:19-​21) Għalhekk, jekk int għaqli u taħseb sew, se tkun tistaʼ tagħraf meta xi ħadd qed jigdeb u jipprova jqarraq b’ħaddieħor.—Proverbji 2:10-​16.

URI RISPETT GĦAL OĦRAJN

Irridu noqogħdu attenti wkoll meta naqsmu xi aħbar dwar ħutna rġiel u nisa jew meta naqsmu xi esperjenza li smajna m’oħrajn. Xi kultant ma jkunx sew jew taʼ mħabba li naqsmu ċerta informazzjoni, anke jekk din tkun minnha. (Mattew 7:12) Pereżempju, ma jkunx taʼ mħabba jew inkuraġġanti li taqsam maʼ ħaddieħor informazzjoni negattiva dwar xi ħadd. (2 Tessalonikin 3:11; 1 Timotju 5:13) U xi affarijiet jafu jkunu kunfidenzjali. Dak li jkun forsi jrid jgħid din l-​informazzjoni iktar tard jew b’xi mod speċifiku. Għalhekk, għandna nirrispettaw id-​dritt tiegħu li jiddeċiedi meta u kif se jaqsam l-​informazzjoni. Infatti, jekk naqsmu din l-​informazzjoni m’oħrajn qabel ma jkun il-​waqt, jistaʼ jkun li nagħmlu ħafna ħsara.

Illum il-​ġurnata, malajr tiġri l-​kelma, kemm jekk hi minnha u kemm jekk le, kemm jekk hi utli u kemm jekk mhijiex, kemm jekk ma fiha xejn ħażin u kemm jekk hi perikoluża. Anke jekk tibgħat messaġġ lil persuna waħda biss, dik il-​persuna tistaʼ tibagħtu lil ħafna nies madwar id-​dinja fi ftit sekondi biss. Għalhekk, irreżisti t-​tentazzjoni li malajr tibgħat informazzjoni li rċivejt lil kull min taf. Għalkemm l-​imħabba “kollox temmen” u ma tissuspettax ħażin, m’għandniex inkunu bla esperjenza u nemmnu kull storja ġdida u eċċitanti li nisimgħu. (1 Korintin 13:7) U qatt ma rridu nemmnu gideb jew affarijiet mill-​agħar li jintqalu dwar l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova u ħutna, li tant inħobbu. Ftakar li dawk li jibdew u jxerrdu dan il-​gideb ikunu qed jogħġbu lil Satana x-​Xitan, “missier il-​gidba.” (Ġwanni 8:44) Għalhekk, jalla nkunu prudenti u dejjem naħsbu bis-​serjetà dwar kif nużaw l-​ammont kbir taʼ informazzjoni li hu disponibbli għalina kuljum. Kif tgħid il-​Bibbja: “Dawk taʼ bla esperjenza jiksbu l-​bluha, imma dawk li huma prudenti se jkollhom l-​għarfien.”—Proverbji 14:18.

a Kultant, taf terġaʼ tidher storja avolja diġà kien intwera li kienet falza fil-​passat. Jistaʼ jkun li jsirulha xi bidliet żgħar biex tidher li hi vera.

b Ara l-​Ministeru tas-​Saltna t’April 2010, “Kaxxa għall-​Mistoqsija.”

MISTOQSIJIET BIEX ISSAQSI LILEK INNIFSEK QABEL MA TIBGĦAT E-​MAIL:

Xi ħadd b’mowbajl f’idejh
  • Ċert jien li din l-​informazzjoni hi minnha?

  • Hi kunfidenzjali din l-​informazzjoni?

  • Din l-​informazzjoni se tħassar ir-​reputazzjoni taʼ xi ħadd?

  • Ġieli kien hemm xi ħadd li saqsieni biex nieqaf nibgħatlu e-​mails li nkun irċivejt jien?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja