LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 2/8 pp. 4-8
  • Il-Ġurnata tat-Tieġ Ħafna Ferħ Imma Ħafna Xogħol

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ġurnata tat-Tieġ Ħafna Ferħ Imma Ħafna Xogħol
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Preparamenti
  • L-​Ispejjeż
  • Għandna Nsegwu t-​Tradizzjoni?
  • Ferħ u Emozzjoni
  • Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • “L-Isbaħ Jum taʼ Ħajjitna”
    Stenbaħ!—2002
  • Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-Ħarsa t’Alla u tal-Bniedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Tiġijiet Ferriħin li Jġibu Unur lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 2/8 pp. 4-8

Il-​Ġurnata tat-​Tieġ Ħafna Ferħ imma Ħafna Xogħol

IL-​BIBBJA turina li kien Alla Jehovah—li m’hemm ħadd li jaf lillbnedmin iktar minnu—illi żewweġ lill-​ewwel koppja. Hu waqqaf iż-​żwieġ bħala l-​pedament bażiku tas-​soċjetà umana. (Ġenesi 2:18-24) U fil-​Kelma ispirata t’Alla, il-​Bibbja, insibu diversi prinċipji li jistgħu jiggwidawna meta nkunu qed nagħmlu l-​pjanijiet tat-​tieġ.

Per eżempju, Ġesù qal li l-​Kristjani għandhom ‘jagħtu lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari.’ (Mattew 22:21) B’hekk, għandhom jobdu l-​liġi tal-​pajjiż. Żwieġ li jaqbel mal-​ħtiġijiet legali jipproteġi lil dawk involuti b’ħafna modi, bħal per eżempju juri ċar x’inhuma r-​responsabbiltajiet lejn it-​tfal (inkluż il-​manteniment u l-​edukazzjoni) kif ukoll id-​drittijiet tal-​wirt. Hemm ukoll liġijiet imfasslin biex jipproteġu lill-​membri tal-​familja mill-​abbuż u milli ħaddieħor jieħu vantaġġ minnhom.a

Il-​Preparamenti

Ladarba tnejn jiddeċiedu li se jiżżewġu u li ż-​żwieġ se jkun jaqbel kemm mal-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja kif ukoll mal-​liġijiet tal-​pajjiż, x’inhuma xi kwistjonijiet prattiċi li għandhom jikkunsidraw? Fosthom hemm id-​data u t-​tip taʼ tieġ li jixtiequ.

“Għandu mnejn li l-​ideat tal-​koppja ma jkunux jaqblu eżatt maʼ dawk tal-​ġenituri, u [l-għarajjes] jistgħu jħossuhom maqsumin bejn li jagħżlu eżattament dak li jridu huma u li jsegwu t-​tradizzjonijiet tal-​familja,” jgħid ktieb wieħed fuq dan is-​suġġett. X’jistaʼ jsir? “M’hemmx soluzzjonijiet faċli għal dan, ħlief li jisimgħu bit-​tattika, jiddiskutu l-​problemi, u jagħmlu kompromessi. Dan huwa żmien emozzjonali għal kulħadd, u bi ftit ħsieb bil-​quddiem u billi kulħadd jifhem lil xulxin, l-​arranġamenti jkunu jistgħu jsiru iktar faċilment.”—The Complete Wedding Organiser and Record.

Għalkemm il-​ġenituri li jħobbu lil uliedhom jistgħu jgħinu ħafna biex dan il-​jum jirnexxi, għandhom jirreżistu t-​tentazzjoni li jimponu x-​xewqat tagħhom stess. Mill-​banda l-​oħra, għalkemm id-​deċiżjonijiet finali se jsiru mill-​għarus u l-​għarusa, dawn għandhom jisimgħu mill-​pariri li jingħataw b’intenzjoni tajba. Meta l-​għarajjes jiġu biex jiddeċiedu liema suġġerimenti se jaċċettaw, jagħmlu tajjeb li jiftakru l-​parir tal-​Bibbja: “Kollox hu sewwa, iżda mhux kollox jaqbel; kollox jiswa, iżda mhux kollox jedifika. Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor.”—1 Korintin 10:23, 24.

Il-preparamenti jinkludu diversi attivitajiet, fosthom li jintbagħtu l-​inviti u jiġi organizzat ir-​riċeviment. “Iktar ma l-​preparamenti jsiru bl-​ordni, iktar ma jkun hemm ħsieb bil-​quddiem u ppjanar, inqas se jkun hemm għeja u tensjoni,” jgħid H. Bowman fil-​ktieb tiegħu Marriage for Moderns. “Saħansitra fl-​aqwa ċirkustanzi,” iwissi hu, “jistaʼ jkun hemm ċerta għeja, u jagħmel sens li jsir kull sforz biex wieħed inaqqasha.”

Se jkun hemm qadjiet xi jsiru u forsi xi mistidnin li jridu jintwerew ospitalità. Jistgħu l-​ħbieb u tal-​familja joffru l-​għajnuna tagħhom? Jistgħu xi affarijiet li m’hemmx għalfejn li bilfors jagħmluhom l-​għarajjes jiġu fdati f’idejn uħud responsabbli oħrajn?

L-​Ispejjeż

Huwa essenzjali li tnejn jikkalkulaw b’mod realistiku kemm jistgħu jonfqu flus u kif se jonfquhom. M’huwiex raġunevoli u lanqas m’huwa att taʼ mħabba li wieħed jistenna li l-​koppja jew il-​ġenituri jidħlu fid-​dejn biex iħallsu tieġ li jqum iktar milli jaffordjaw. Ħafna li jifilħu għal tieġ iktar elaborat xorta jagħżlu li jżommuh sempliċi. Jagħmlu x’jagħmlu, xi koppji sabuha tajba li jkollhom lista taʼ kemm bi ħsiebhom jonfqu għal kull ħaġa u kemm fil-​fatt jonfqu. Ikun tajjeb ukoll li jkollkom lista tad-​dati taʼ meta tridu tlestu l-​affarijiet kollha li jridu jiġu organizzati. Jekk dawn id-​dati żżommuhom f’moħħkom biss x’aktarx li se jikkaġunawlkom stress kbir.

Kemm se jqum it-​tieġ? Il-​prezzijiet ivarjaw minn post għall-​ieħor, imma tgħixu fejn tgħixu, ikun għaqli li tistaqsu lilkom infuskom: ‘Naffordjawhom l-​affarijiet kollha li ppjanajna? Veru għandna bżonnhom?’ Tina, li għadha kemm iżżewġet qalet: “Ċerti affarijiet li dak iż-​żmien dehrilna li ‘ma stajniex ngħaddu mingħajrhom’ fl-​aħħar sibna li ma kinux bżonnjużi.” Ġesù ta dan il-​parir li tajjeb li nikkunsidrawh: “Min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-​ewwelnett iqis in-​nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-​aħħar?” (Luqa 14:28) Jekk ma taffordjawx kulma tixtiequ, naqqsu xi affarijiet. Anki jekk taffordjaw iżjed, forsi xorta tistgħu tkunu tridu żżommu l-​affarijiet sempliċi.

Fl-​Italja, waqt fiera tat-​tiġijiet li kienet toffri servizzi u affarijiet għal dik l-​okkażjoni, ħarġu ċerti ċifri taʼ kemm normalment l-​għarusa Taljana tonfoq bejn wieħed u ieħor. Għall-​kosmetiċi u x-​xagħar, Lm195; il-​kiri taʼ karozza lussuża, Lm130; il-​vidjo tal-​ġurnata, Lm260; l-​album tar-​ritratti (mingħajr ir-​ritratti), Lm55-215; il-​fjuri, minn Lm260; l-​ikla, Lm20-40 r-​ras; il-​libsa, iktar minn Lm520. Meta tqis li l-​okkażjoni hija importanti, tistaʼ tifhem li dak li jkun ikollu x-​xewqa li jagħmel xi ħaġa speċjali. Imma kulma jiġi deċiż għandu jsir bil-​bilanċ.

Għalkemm xi wħud jonfqu ħafna flus, oħrajn jagħmlu ekonomija għax hekk jippreferu—jew inkella għax ma jkollhom l-​ebda għażla oħra. “It-​tnejn li aħna konna pijunieri [evanġelizzaturi full-time], u ma kellniex flus, imma ma kienx jimporta,” qalet waħda miżżewġa friska. “Il-​kunjata xtratli d-​drapp għal-​libsa, u ħabibti ħitithieli bħala r-​rigal tat-​tieġ. Ir-​raġel tiegħi għamel l-​inviti hu stess, u ħabib Kristjan silifna l-​karozza tiegħu. Għar-​riċeviment, xtrajna l-​affarijiet essenzjali, u kien hemm persuna li tatna l-​inbid. Ma kien hemm xejn elaborat, imma kien biżżejjed.” Raġel li għadu kemm iżżewweġ jgħid li meta l-​familja u l-​ħbieb jagħtu għajnuna prattika, “l-​ispejjeż jonqsu ferm.”

Tkun xi tkun is-​sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, koppji Kristjani ċertament li se jkunu jridu jevitaw kull ħaġa eċċessiva, kull influwenza dinjija, u kwalunkwe dandin. (1 Ġwann 2:15-17) Kemm ikun taʼ dispjaċir jekk okkażjoni taʼ ferħ bħalma hu tieġ tkun kaġun li xi ħadd jonqos li jsegwi l-​prinċipji Skritturali tal-​moderazzjoni. Dawn iwissu kontra l-​ikel u x-​xorb żejjed, jew kwalunkwe ħaġa oħra li tistaʼ ġġiegħel lil xi ħadd biex ma jitqiesx bħala “bniedem li ma ssibx xi tgħid fih”!—Proverbji 23:20, 21; 1 Timotju 3:2.

Evitaw it-​tendenza li wieħed jipprova jkollu tieġ akbar u aħjar minn t’oħrajn. Per eżempju, nieħdu l-​mant li kellha l-​għarusa f’żewġ tiġijiet differenti fl-​istess pajjiż—wieħed kien wiesaʼ 13-il metru u kien jiżen xi 220 kilo; l-​ieħor kien twil 300 metru, u kien hemm bżonn taʼ 100 bridesmaid biex iżommuh. Jekk wieħed jimita spettakli bħal dawn, ikun hu qed jimxi fi qbil mal-​parir tal-​Bibbja dwar ir-​raġunevolezza?—Filippin 4:5, NW.

Għandna Nsegwu t-​Tradizzjoni?

It-​tradizzjonijiet tat-​tiġijiet ivarjaw minn pajjiż għal ieħor, u għalhekk huwa impossibbli li nikkummentaw dwarhom kollha. Meta tnejn jiġu biex jiddeċiedu jekk isegwux ċerta drawwa jew le, jagħmlu tajjeb li jistaqsu lilhom infushom: ‘Xi tfisser din id-​drawwa? Hija marbuta maʼ xi superstizzjoni li tawgura xorti tajba jew fertilità—bħalma hi d-​drawwa li jiġi mitfugħ ir-​ross fuq il-​miżżewġin friski? Għandha x’taqsam mar-​reliġjon falza jew maʼ prattiċi oħra li l-​Bibbja tikkundannahom? Hija din id-​drawwa nieqsa mir-​raġunevolezza jew mill-​imħabba? Tistaʼ timbarazza jew tfixkel lil ħaddieħor? Tistaʼ tqajjem xi dubji dwar il-​motivi taʼ l-​għarajjes? Hija f’lokha?’ Jekk jeżistu xi dubji dwar xi wieħed minn dawn il-​punti, ikun aħjar li tevitaw it-​tradizzjoni u, jekk hemm bżonn, għarrfu bil-​quddiem lill-​mistidnin bid-​deċiżjoni tagħkom.

Ferħ u Emozzjoni

L-​emozzjonijiet f’dak il-​jum speċjali jistgħu jvarjaw minn hena kbir għal biki. “Tant kont ferħana, li kienet donnha xi ħolma qed issir realtà,” tgħid waħda li għadha kemm iżżewġet. Imma raġel li żżewweġ ftit ilu jiftakar: “Kienet l-​agħar imma wkoll l-​isbaħ ġurnata taʼ ħajti. Il-​kunjati kienu qed jolfqu għax kont se noħdilhom lil binthom il-​kbira, marti bdiet tibki għax il-​ġenituri tagħha kienu qed jibku, u fl-​aħħar, jien ukoll infqajt nibki għax ma flaħtx nissaporti iktar.”

Wieħed m’għandux jinħasad li jkun hemm dawn ir-​reazzjonijiet—dawn jiġru minħabba l-​ansjetà. Lanqas m’għandu wieħed jiħodha bi kbira jekk ir-​relazzjoni taʼ bejn il-​membri tal-​familja, anki taʼ bejn il-​koppja stess, tkun mimlija tensjoni. “Wara kollox, x’aktarx li din hija l-​ewwel esperjenza tagħhom li jippjanaw xi ħaġa kbira ħafna flimkien, u l-​eċċitament żgur li se jeffettwa r-​relazzjoni tagħhom b’xi mod jew ieħor,” jgħid The Complete Wedding Organiser and Record. “Ma tantx jagħmel ġid li tkun imdejjaq għax l-​affarijiet ma jimxux kif tkun xtaqt; li tfittex il-​pariri u l-​appoġġ t’oħrajn fi żmien bħal dan jistaʼ jagħmel il-​mirakli.”

Wieħed miżżewweġ frisk qal: “Kont napprezza ħafna, u dejjem iddispjaċieni li ma kellix lil xi ħadd li jagħtini l-​pariri, xi ħadd li stajt niftaħ qalbi miegħu u ngħidlu eżatt x’kont qed inħoss.” Min qatt jistaʼ jagħmel dan aħjar minn ħabib jew qarib matur jew xi ħadd ieħor t’esperjenza fil-​kongregazzjoni Kristjana?

Meta l-​ġenituri jaraw lil xi ħadd mit-​tfal tagħhom jitlaq mid-​dar, jistgħu jesperjenzaw taħlita taʼ ferħ, kburija, nostalġija, u biżaʼ. Madankollu, bla egoiżmu għandhom jirrealizzaw li wasal iż-​żmien għal uliedhom li ‘jħallu lil missierhom u lil ommhom’ u jingħaqdu mal-​persuna l-​oħra li se jiżżewġu u “jsiru ġisem wieħed,” bħalma hu l-​iskop tal-​Ħallieq. (Ġenesi 2:24) Waħda omm ikkummentat dwar kif irreaġixxiet hi meta żżewweġ it-​tifel il-​kbir tagħha, u qalet: “Bkejt ħafna, imma ma kienx biss biki taʼ dwejjaq, imma wkoll biki taʼ ferħ għax kont se nikseb tifla għażiża.”

Biex jagħmlu l-​okkażjoni pjaċevoli u li tibni, il-​ġenituri—bħall-​għarajjes—jeħtieġu juru l-​kwalitajiet Kristjani tal-​kooperazzjoni, il-​kalma, in-​nuqqas t’egoiżmu, u t-​tolleranza.—1 Korintin 13:​4-8; Galatin 5:​22-24; Filippin 2:​2-4.

Xi kultant l-​għarusa tibżaʼ li xi ħaġa se tmur ħażin għall-​aħħar dak in-​nhar tat-​tieġ—li l-​karozza tispiċċa b’xi panċer u tasal tard għaċ-​ċerimonja, it-​temp ikun ikrah, jew fl-​aħħar minuta titqattgħalha l-​libsa tat-​tieġ u ma tkunx tistaʼ tirranġaha. Probabbilment li ma jiġri xejn minn dan. Madankollu, kunu realistiċi. Mhux kollox jistaʼ jkun perfett. Ikollkom taċċettaw l-​affarijiet li jiġu kontrikom. (Koħèlet 9:11) Ipprovaw titilfux is-​sens t’umoriżmu meta tiffaċċjaw diffikultajiet, u żommu ħarsa pożittiva. Jekk xi ħaġa tmur żmerċ, ftakru li fis-​snin li ġejjin, għandkom mnejn tidħqu dwarha hekk kif tirrakkontaw il-​ġrajja. Tħallux inkwiet żgħir itellfilkom il-​ferħ tat-​tieġ innifsu.

[Nota taʼ taħt]

a F’dan ir-​rigward, ħafna pajjiżi jipprojbixxu l-​bigamija, l-​inċest, il-​frodi, il-​vjolenza bejn il-​miżżewġin, u ż-​żwieġ taħt l-​età.

[Kumment f’paġna 7]

“Ċerti affarijiet li dak iż-​żmien dehrilna li ‘ma stajniex ngħaddu mingħajrhom’ fl-​aħħar sibna li ma kinux bżonnjużi.”—TINA, MIŻŻEWĠA FRISKA

[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]

EŻEMPJU TAʼ LISTA GĦALL-​PREPARAMENTIb

6 xhur jew iktar qabel

❑ Iddiskuti l-​pjanijiet mar-​raġel jew il-​mara futura, mal-​kunjati, u l-​ġenituri

❑ Iddeċiedu x’tip taʼ tieġ tixtiequ

❑ Ikkalkulaw kemm tistgħu tonfqu flus u kif se tonfquhom

❑ Iċċekkjaw il-​ħtiġijiet legali

❑ Ibbukkjaw il-​post tar-​riċeviment

❑ Ikkuntattjaw lill-​fotografu

4 xhur

❑ Agħżlu (mill-ħwejjeġ li diġà għandkom), ixtru, jew ħitu l-​ħwejjeġ tat-​tieġ

❑ Ordnaw il-​fjuri

❑ Agħżlu u ordnaw l-​inviti

Xahrejn

❑ Ibagħtu l-​inviti

❑ Ixtru ċ-​ċrieket

❑ Iksbu d-​dokumenti meħtieġa

Xahar

❑ Ipprovaw il-​ħwejjeġ tat-​tieġ

❑ Ikkonfermaw l-​ordnijiet u l-​appuntamenti li għamiltu

❑ Iktbu noti taʼ ringrazzjament għal xi rigali li tkunu diġà rċivejtu

Ġimagħtejn

❑ Ibdew ġorru l-​affarijiet persunali tagħkom fid-​dar il-​ġdida

Ġimgħa

❑ Kunu ċerti li dawk kollha li se jgħinukom jafu eżatt x’inhu mistenni minnhom

❑ Agħmlu arranġamenti biex kull ħaġa li se tikru jew tissellfu tingħata lura

❑ Ħallu f’idejn oħrajn kwalunkwe xogħol li jistgħu jagħmlu huma

[Nota taʼ taħt]

b Din tistaʼ titranġa biex taqbel mal-​ħtiġijiet legali tal-​post u skond iċ-​ċirkustanzi persunali.

[Stampa f’paġna 8]

“Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-​bniedem”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja