LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 10/15 pp. 18-23
  • Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-Ħarsa t’Alla u tal-Bniedem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-Ħarsa t’Alla u tal-Bniedem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żwieġ Onorabbli —Żwieġ Legali
  • Żwiġijiet Ċivili u Tradizzjonali
  • Żomm iż-​Żwieġ Onorabbli
  • Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Tiġijiet Ferriħin li Jġibu Unur lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
  • Uri l-Fidi Tiegħek bil-Mod Kif Tgħix Ħajtek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 10/15 pp. 18-23

Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-​Ħarsa t’Alla u tal-​Bniedem

“Kien hemm festa tat-​tieġ f’Kana . . . Ġesù u d-​dixxipli tiegħu wkoll kienu mistidnin għall-​festa tat-​tieġ.”​—ĠWANNI 2:​1, 2.

1. Lejn xiex jiġbed l-​attenzjoni r-​rakkont dwar Ġesù f’Kana?

ĠESÙ, ommu, u ftit mid-​dixxipli tiegħu kienu jafu x’ferħ iġib tieġ onorabbli fost il-​poplu t’Alla. Kristu saħansitra għamel tieġ minnhom jispikka minħabba li fih wettaq l-​ewwel miraklu dokumentat tiegħu, u b’hekk għamel lil din il-​ġrajja iktar pjaċevoli. (Ġwanni 2:​1-​11) Forsi int attendejt u gawdejt tiġijiet taʼ Kristjani li jridu jaqdu lil Ġeħova bħala koppja miżżewġa u ferħana. Jew forsi qed tħares ’il quddiem biex ikollok tieġ bħal dan għalik jew li tgħin lil xi ħbieb jagħmlu t-​tieġ tagħhom taʼ suċċess. X’jistaʼ jgħin biex jintlaħaq dan l-​għan?

2. Liema informazzjoni fiha l-​Bibbja dwar it-​tiġijiet?

2 Il-​Kristjani jafu li l-​pariri misjubin fil-​Kelma ispirata t’Alla huma tassew utli meta raġel u mara jkunu qed jippjanaw li jiżżewġu. (2 Timotju 3:​16, 17) Huwa minnu li l-​Bibbja ma ssemmix proċeduri dettaljati dwar kif għandu jsir tieġ Kristjan. Dan huwa raġunevoli ladarba d-​drawwiet u saħansitra l-​ħtiġijiet legali jvarjaw skond il-​post u ż-​żmien. Per eżempju, f’Iżrael tal-​qedem ma kienx hemm ċerimonja formali tat-​tieġ. Fil-​ġurnata tat-​tieġ, l-​għarus kien jieħu lill-​għarusa fid-​dar tiegħu jew f’dik taʼ missieru. (Ġenesi 24:67; Isaija 61:10; Mattew 1:24) Dan il-​pass pubbliku kien iseħħ bħala t-​tieġ, mingħajr ċerimonja formali li hija komuni f’ħafna tiġijiet illum.

3. Ġesù għal liema ġrajja f’Kana kkontribwixxa?

3 L-​Iżraelin irrikonoxxew li dan il-​pass kien ifisser iż-​żwieġ jew it-​tieġ. Wara, huma setgħu jieħdu sehem fiċ-​ċelebrazzjoni taʼ festa, bħal dik imsemmija fi Ġwanni 2:1. Ħafna verżjonijiet tal-​Bibbja jittraduċu dan il-​vers b’dan il-​mod: “Mbagħad fit-​tielet jum sar tieġ f’Kana.” Imma fil-​lingwa oriġinali spiss il-​kelma tiġi tradotta “festa tat-​tieġ” jew “ikla tat-​tieġ.”a (Mattew 22:​2-10; 25:10; Luqa 14:8) Ir-​rakkont jurina biċ-​ċar li Ġesù kien preżenti u li kkontribwixxa f’festa konnessa maʼ tieġ Lhudi. Però, punt importanti hu li tieġ taʼ dak iż-​żmien kien differenti mit-​tiġijiet li jsiru llum.

4. Liema tip taʼ tieġ jagħżlu xi Kristjani, u għala?

4 F’ħafna pajjiżi llum, il-​Kristjani li jridu jiżżewġu jridu jilħqu ċerti ħtiġijiet legali. Ladarba jagħmlu dan, huma jkunu jistgħu jiżżewġu bi kwalunkwe mod li jkun aċċettat legalment. Dan jistaʼ jkun b’ċerimonja żgħira u sempliċi li tkun immexxija minn imħallef, sindku, jew ministru reliġjuż awtorizzat mill-​Istat. Xi wħud jistgħu jagħżlu li jiżżewġu b’dan il-​mod, forsi billi jistaqsu lil ftit qraba jew ħbieb Kristjani biex ikunu preżenti bħala xhieda legali jew sempliċement biex jaqsmu magħhom il-​ferħ taʼ din l-​okkażjoni importanti. (Ġeremija 33:11; Ġwanni 3:29) B’mod simili, Kristjani oħrajn jistgħu jagħżlu li ma jkollhomx festa tat-​tieġ kbira jew riċeviment kbir li jkun jeħtieġ ammont konsiderevoli taʼ ppjanar u spejjeż. Minflok, huma forsi jħejju ikla għall-​kwiet maʼ xi ħbieb tal-​qalb. Huma x’inhuma l-​preferenzi persunali tagħna f’dan ir-​rigward, aħna għandna nirrikonoxxu li Kristjani maturi oħrajn jistgħu jkollhom ħarsa differenti minn tagħna.​—Rumani 14:​3, 4.

5. Ħafna Kristjani għala jkunu jridu taħdita tat-​tieġ meta jiżżewġu, u din dwar xiex tkun?

5 Ħafna koppji Kristjani jagħżlu li fit-​tieġ tagħhom ikollhom taħdita bbażata fuq il-​Bibbja.b Huma jirrikonoxxu li Ġeħova oriġina ż-​żwieġ u jipprovdi l-​Kelma tiegħu biex tagħtina pariri għaqlin dwar kif iż-​żwieġ jistaʼ jirnexxi u jġib il-​ferħ. (Ġenesi 2:​22-​24; Marku 10:​6-9; Efesin 5:​22-​33) U ħafna koppji jridu li l-​qraba u l-​ħbieb Kristjani jieħdu sehem f’din l-​okkażjoni taʼ ferħ. Madankollu, kif għandna nħarsu lejn il-​varjetà kbira taʼ ħtiġijiet legali, proċeduri, u anki drawwiet lokali komuni? Dan l-​artiklu se jikkunsidra sitwazzjonijiet f’postijiet differenti. Xi wħud għandhom mnejn ikunu differenti ħafna minn dawk li taf bihom int jew minn dak li jsir f’pajjiżek. Minkejja dan, tistaʼ tinnota ċerti prinċipji jew aspetti prattiċi li huma importanti għall-​qaddejja t’Alla.

Żwieġ Onorabbli —Żwieġ Legali

6, 7. Għala għandna nkunu interessati fl-​aspetti legali taż-​żwieġ, u kif nistgħu nuru dan l-​interess?

6 Filwaqt li Ġeħova oriġina ż-​żwieġ, il-​gvernijiet umani għandhom ammont taʼ kontroll fuq l-​azzjonijiet taʼ dawk li jkunu se jiżżewġu. Dan hu xieraq. Ġesù qal: “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” (Marku 12:17) B’mod simili l-​appostlu Pawlu ta din id-​direzzjoni: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-​awtoritajiet superjuri, għax m’hemm l-​ebda awtorità jekk mhux minn Alla; l-​awtoritajiet li jeżistu tqiegħdu fil-​pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla.”​—Rumani 13:1; Titu 3:1.

7 F’ħafna pajjiżi, Ċesari, jew l-​awtoritajiet ċivili, jiddetermina min hu eliġibbli għaż-​żwieġ. Għalhekk, meta żewġ Kristjani li huma liberi Skritturalment jagħżlu li jiżżewġu, huma jobdu l-​liġijiet lokali konnessi maż-​żwieġ. Dan jistaʼ jinvolvi li tinkiseb liċenzja, li jintuża aġent li jżewweġ awtorizzat mill-​Istat, u forsi li jiġi reġistrat iż-​żwieġ li jkun sar. Meta Ċesari Awgustu kien jeħtieġ “reġistrazzjoni,” Marija u Ġużeppi obdew, u vvjaġġaw lejn Betlehem “biex jiġu reġistrati.”​—Luqa 2:​1-5.

8. Iż-​żwieġ b’liema mod jorbot lill-​koppja, u liema prattika tax-​Xhieda taʼ Ġeħova tirrifletti dan il-​fatt?

8 Meta żewġ Kristjani jiżżewġu b’tali mod li jkun legali u rikonoxxut, huma jidħlu f’rabta dejjiema mill-​ħarsa t’Alla. Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jirripetux il-​wegħdi taż-​żwieġ permezz taʼ ċerimonji legali ripetuti, lanqas ma jġeddu l-​wegħdi taż-​żwieġ tagħhom, bħal meta koppja tagħlaq 25 jew 50 sena miżżewġa. (Mattew 5:​37) (Xi reliġjonijiet jinjoraw ċerimonja taż-​żwieġ biċ-​ċivil li huwa rikonoxxut legalment, għaliex jgħidu li dan m’huwiex il-​mod xieraq kif wieħed jiżżewweġ sakemm qassis jew membru tal-​kleru ma jagħmilx ir-​ritwal jew sakemm dan ma jiddikjarax lill-​koppja bħala li huma miżżewġin.) F’ħafna pajjiżi, il-​gvern jagħti l-​permess li ministru tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jagħmel iċ-​ċerimonja solenni taż-​żwieġ. Jekk dan hu possibbli, hu x’aktarx li jkun irid jagħmel dan flimkien maʼ taħdita tat-​tieġ fis-​Sala tas-​Saltna. Dan hu l-​post lokali fejn tingħata qima vera u hu post xieraq għal taħdita dwar dan l-​arranġament, li oriġina minn Alla Ġeħova.

9. (a) Fil-każ taʼ żwieġ ċivili, koppja Kristjana x’tistaʼ tagħżel li tagħmel? (b) Kif għandhom mnejn ikunu involuti l-​anzjani fil-​pjanijiet tat-​tieġ?

9 F’pajjiżi oħrajn, il-​liġi titlob li koppja tiżżewweġ f’uffiċċju tal-​gvern, bħal per eżempju fil-​kunsill lokali, jew quddiem aġent ċivili li jkun ġie inkarigat. Il-​Kristjani spiss jagħżlu li jsegwu dan il-​pass legali b’taħdita tat-​tieġ fis-​Sala tas-​Saltna fl-​istess jum jew l-​għada. (Huma mhux se jippermettu li jgħaddu ħafna ġranet bejn iċ-​ċerimonja ċivili u t-​taħdita Biblika, għaliex huma kunsidrati bħala miżżewġin quddiem Alla u l-​bniedem, inkluż quddiem il-​kongregazzjoni Kristjana.) Jekk koppja li jkun se jkollha żwieġ ċivili tixtieq li jkollha t-​taħdita f’ċerta Sala tas-​Saltna, din għandha titlob il-​permess minn qabel lill-​anzjani li jifformaw il-​Kumitat tas-​Servizz tal-​Kongregazzjoni. Minbarra li jikkonfermaw li l-​koppja għandha reputazzjoni tajba, dawn l-​indokraturi se jkunu jridu jaċċertaw ruħhom li l-​ħin tat-​tieġ ma jkunx waqt il-​ħin tal-​laqgħat regulari u taʼ programmi li jkunu fl-​iskeda tas-​sala. (1 Korintin 14:​33, 40) Huma se jirrivedu wkoll kwalunkwe tħejjijiet li l-​koppja tistaʼ titlob u se jiddeċiedu jekk għandux ikun hemm avviż dwar l-​użu tas-​Sala.

10. Jekk ikun hemm bżonn żwieġ biċ-​ċivil, dan kif se jeffettwa t-​taħdita tat-​tieġ?

10 L-​anzjan li jagħti t-​taħdita tat-​tieġ se jistinka biex jagħmel id-​diskussjoni waħda dħulija, li tibni spiritwalment, u dinjituża. Jekk il-​koppja l-​ewwel daħlet fir-​rabta taż-​żwieġ permezz taʼ żwieġ ċivili, hu se juri ċar u tond li huma żżewġu fi qbil mal-​liġi taʼ Ċesari. Jekk il-​wegħdi taż-​żwieġ ikunu għadhom ma sarux fiċ-​ċerimonja ċivili, il-​koppja għandha mnejn tkun trid tagħmel dan matul it-​taħdita.c Jekk din iċ-​ċerimonja ċivili tkun inkludiet il-​wegħdi imma l-​koppja li tkun għadha kif iżżewġet tkun trid tgħid il-​wegħdi quddiem Ġeħova u l-​kongregazzjoni, huma jistgħu jagħmlu dan billi jgħiduhom fil-​passat, u juru lil kulħadd li huma diġà ġew ‘magħqudin flimkien.’​—Mattew 19:6; 22:21.

11. F’ċerti postijiet, koppja kif tiżżewweġ, u dan kif jeffettwa t-​taħdita tat-​tieġ?

11 F’ċerti postijiet, il-​liġi forsi ma titlobx li koppja tiżżewweġ b’xi ċerimonja, lanqas quddiem aġent tal-​gvern. Iż-​żwieġ iseħħ meta jippreżentaw reġistrazzjoni taż-​żwieġ iffirmata lil xi uffiċjal. Minn dakinhar joħroġ ċertifikat reġistrat. B’dan il-​mod il-​koppja titqies bħala raġel u mara miżżewġin, u din tkun id-​data taż-​żwieġ tagħhom. Bħalma nnotajna qabel, il-​koppja li jiżżewġu b’dan il-​mod għandhom mnejn ikunu jridu li eżatt wara r-​reġistrazzjoni jkun hemm taħdita bbażata fuq il-​Bibbja fis-​Sala tas-​Saltna. Il-​ħu matur spiritwalment li jintgħażel biex jagħti t-​taħdita se jinforma lil kulmin jattendi li l-​koppja huma miżżewġin minħabba r-​reġistrazzjoni li tkun għadha kif saret. Kwalunkwe wegħda se ssir bħalma hu msemmi fil-​paragrafu 10 u n-​nota taʼ taħt tiegħu. Dawk fl-​attendenza fis-​Sala tas-​Saltna se jifirħu mal-​koppja u jibbenefikaw mill-​parir li jingħata mill-​Kelma t’Alla.​—Għanja taʼ Salamun 3:​11.

Żwiġijiet Ċivili u Tradizzjonali

12. Xi jkun żwieġ tradizzjonali, u x’parir jingħata li għandu jiġi applikat wara żwieġ bħal dan?

12 F’xi pajjiżi, il-​koppji jagħmlu dak li jistaʼ jissejjaħ żwieġ tradizzjonali (jew, tribwali). Dan ma jirreferix għal żewġ individwi li jkunu sempliċement qed jgħixu flimkien, lanqas ma jirreferi għal min jgħix flimkien mingħajr żwieġ legali li jistaʼ jkun rikonoxxut sa ċertu punt f’xi postijiet imma ma jkunx żwieġ legali għalkollox.d Qed nitkellmu dwar żwieġ li koppja tidħol fih billi timxi skond it-​tradizzjoni, tat-​tribù jew tan-​nies tal-​post, li jkollha rikonoxximent pubbliku. Dan jistaʼ jinvolvi ħlas komplet u rikonoxximent tal-​prezz taʼ l-​għarusa, li bih il-​koppja tkun miżżewġa legalment u Skritturalment. Il-​gvern iħares lejn dan iż-​żwieġ li jkun tradizzjonali bħala li hu validu, legali, u li ma jistax jinbidel. Wara dan ġeneralment ikun possibbli li ż-​żwieġ tradizzjonali jiġi mniżżel bil-​miktub jew reġistrat, u meta tagħmel dan il-​koppja tistaʼ tingħata ċertifikat uffiċjali. Ir-​reġistrazzjoni tistaʼ toffri l-​protezzjoni lill-​koppja jew lill-​mara jekk tormol u lit-​tfal li jistgħu jitwieldu fil-​futur. Il-​kongregazzjoni għandha tħeġġeġ lil kulmin jidħol fi żwieġ bħal dan biex jirreġistrah malajr kemm jistaʼ jkun. Huwa taʼ interess li taħt il-​Liġi Mosajka, iż-​żwiġijiet u t-​twelid kienu jiġu reġistrati uffiċjalment.​—Mattew 1:​1-​16.

13. Wara żwieġ tradizzjonali, xi jkun xieraq għat-​taħdita tat-​tieġ?

13 Il-​koppja li tidħol f’rabta legali b’dan il-​proċess tradizzjonali jsiru raġel u mara miżżewġin meta dan iż-​żwieġ iseħħ. Bħalma nnotajna qabel, il-​Kristjani li jidħlu fi żwieġ legali bħal dan għandhom mnejn ikunu jixtiequ li jkollhom taħdita taż-​żwieġ, billi jagħmlu l-​wegħdi taż-​żwieġ, fis-​Sala tas-​Saltna. Jekk dan isir, il-​kelliemi jirrikonoxxi li l-​koppja diġà żżewġet fi qbil mal-​liġi taʼ Ċesari. Ikun hemm biss taħdita waħda bħal din. Hemm żwieġ wieħed biss, f’dan il-​każ iż-​żwieġ tradizzjonali (tribwali) validu legalment, u taħdita waħda bbażata fuq l-​Iskrittura. Ikun aħjar li ż-​żewġ aspetti jsiru qrib xulxin kemm jistaʼ jkun, preferibbilment fl-​istess ġurnata, għaliex dan se jikkontribwixxi biex jonora liż-​żwieġ Kristjan fil-​komunità.

14. Kristjan x’jistaʼ jagħmel jekk ikun possibbli li jiżżewweġ kemm b’mod tradizzjonali u kemm biċ-​ċivil?

14 F’ċerti pajjiżi fejn iż-​żwieġ tradizzjonali jkun rikonoxxut legalment, ikun hemm ukoll provvedimenti biex isir żwieġ ċivili (jew, statutarju). Żwieġ ċivili ġeneralment isir quddiem aġent tal-​gvern, u dan jistaʼ jinkludi kemm il-​wegħdi taż-​żwieġ u kemm l-​iffirmar tar-​reġistru. Xi koppji Kristjani jippreferu dan iż-​żwieġ ċivili milli wieħed tradizzjonali. M’hemm ebda ħtieġa legali li jsiru t-​tnejn; kull proċedura hija valida legalment. Dak li ssemma f’paragrafi 9 u 10 dwar it-​taħdita tat-​tieġ u l-​wegħdi taż-​żwieġ japplikaw anki f’dan il-​każ. L-​iktar ħaġa importanti hi li ż-​żwieġ tal-​koppja jkun onorabbli quddiem Alla u l-​bniedem.​—Luqa 20:25; 1 Pietru 2:​13, 14.

Żomm iż-​Żwieġ Onorabbli

15, 16. L-​unur kif għandu jkun parti essenzjali miż-​żwieġ?

15 Meta qamet problema fiż-​żwieġ taʼ sultan Persjan, wieħed kap li jagħti l-​pariri bl-​isem taʼ Memukan ta parir li setaʼ kellu effett pożittiv—li “n-​nisa kollha . . . jweġġħu ’l żwieġhom.” (Ester 1:​20, Saydon) Fiż-​żwiġijiet Kristjani, dan il-​parir m’għandux għalfejn joħroġ minn xi sultan uman; in-​nisa jkunu jridu jweġġħu, jew jonoraw, lil żwieġhom. B’mod simili, l-​irġiel Kristjani jonoraw lin-​nisa tagħhom u jfaħħruhom. (Proverbji 31:​11, 30; 1 Pietru 3:7) Aħna m’għandniex nonoraw iż-​żwieġ tagħna biss wara li jgħaddu ħafna snin. Għandna nibdew nonoraw lil xulxin mill-​ewwel, tabilħaqq, mill-​ġurnata tat-​tieġ ’il quddiem.

16 Mhux biss ir-​raġel u l-​mara li jkunu se jiżżewġu għandhom juru unur dakinhar tat-​tieġ. Jekk anzjan Kristjan ikun se jagħti taħdita tat-​tieġ, din għandha tingħata b’mod onorabbli. It-​taħdita trid tkun indirizzata lill-​koppja. Ladarba t-​taħdita trid tonora lill-​koppja, il-​kelliemi mhux se juża ċajt jew qwiel tad-​dinja. Hu m’għandux jinkludi affarijiet li osserva li huma persunali żżejjed u li jistgħu jimbarazzaw lill-​koppja u lis-​semmiegħa. Minflok, hu se jistinka biex juri mħabba u jinkuraġġixxi, waqt li jenfasizza lill-​Oriġinatur taż-​żwieġ u l-​pariri Tiegħu li jispikkaw. Iva, it-​taħdita tat-​tieġ dinjituża li jagħti l-​anzjan se tikkontribwixxi biex iż-​żwieġ iġib unur lil Alla Ġeħova.

17. Għala hemm aspett legali fiż-​żwieġ Kristjan?

17 Probabbilment innotajt li f’dan l-​artiklu hawn ħafna punti dwar id-​dettalji legali taż-​żwieġ. Ċerti aspetti jistgħu ma japplikawx direttament għal-​lokalità tiegħek. Però, ilkoll kemm aħna rridu nkunu attenti għal kemm hu importanti li l-​arranġamenti tat-​tieġ fost ix-​Xhieda taʼ Ġeħova juru rispett lejn il-​liġijiet lokali, lejn il-​ħtiġijiet taʼ Ċesari. (Luqa 20:25) Pawlu ħeġġiġna: “Agħtu lil kulħadd dak li għandu jieħu, lil min jitlob it-​taxxa, it-​taxxa; lil min jitlob id-​dazju, id-​dazju; . . . lil min jirrikjedi l-​unur, l-​unur.” (Rumani 13:7) Iva, huwa xieraq li l-​Kristjani, mill-​bidunett fil-​ġurnata tat-​tieġ, jonoraw l-​arranġament li Alla għandu fil-​preżent.

18. Liema aspett ieħor li jistaʼ jseħħ f’tieġ jistħoqqlu li nikkunsidrawh, u fejn nistgħu nsibu informazzjoni fuq dan is-​suġġett?

18 Ħafna żwiġijiet Kristjani jkunu segwiti minn laqgħa soċjali—festa tat-​tieġ, ikla, jew riċeviment. Ftakar li Ġesù għażel li jkun preżenti f’festa bħal din. Jekk se jkun hemm riċeviment bħal dan, kif jistgħu l-​pariri tal-​Bibbja jgħinuna nkunu ċerti li dan ukoll se jonora lil Alla u se jirrifletti b’mod favorevoli fuq il-​koppja l-​ġdida u fuq il-​kongregazzjoni Kristjana? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra eżattament din il-​kwistjoni.e

[Noti taʼ taħt]

a L-istess kelma tistaʼ tintuża għal festa li ma kinitx konnessa maʼ żwieġ.—Ester 9:​22, Settanta.

b Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw outline għal taħdita taż-​żwieġ taʼ 30 minuta bl-​isem “Żwieġ Onorabbli mill-​Ħarsa t’Alla.” Din fiha pariri Skritturali mill-​aqwa meħudin mill-​ktieb Is-​Sigriet taʼ l-​Hena fil-​Familja u pubblikazzjonijiet oħrajn tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Id-​diskussjoni hija taʼ benefiċċju għall-​koppja li tkun se tiżżewweġ u għal dawk kollha li jattendu t-​tieġ.

c Sakemm il-​liġi lokali ma tkunx tgħid mod ieħor, jintużaw dawn il-​wegħdi li jonoraw lil Alla. Għall-​għarus: “Jien [l-isem taʼ l-​għarus] nieħu lilek [l-isem taʼ l-​għarusa] biex tkun marti; biex inħobbok u ngħożżok fi qbil mal-​liġi divina kif miktuba fl-​Iskrittura Mqaddsa għall-​irġiel miżżewġin Kristjani, sakemm it-​tnejn li aħna ngħixu flimkien fuq l-​art skond l-​arranġament t’Alla għaż-​żwieġ.” Għall-​għarusa: “Jien [l-isem taʼ l-​għarusa] nieħu lilek [l-isem taʼ l-​għarus] biex tkun żewġi; biex inħobbok u ngħożżok u nirrispettak profondament fi qbil mal-​liġi divina kif miktuba fl-​Iskrittura Mqaddsa għan-​nisa miżżewġin Kristjani, sakemm it-​tnejn li aħna ngħixu flimkien fuq l-​art skond l-​arranġament t’Alla għaż-​żwieġ.”

d The Watchtower taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1962, paġna 287, joffri kummenti dwar min jgħix flimkien mingħajr żwieġ legali.

e Ara wkoll l-​artiklu “Żid mal-​Ferħ u d-​Dinjità tal-​Ġurnata tat-​Tieġ Tiegħek,” f’paġna 28.

Tiftakar Int?

• Għala għandhom jinteressawna kemm l-​aspetti legali kif ukoll spiritwali tat-​tiġijiet?

• Jekk żewġ Kristjani jiżżewġu b’ċerimonja ċivili, x’jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu eżatt wara?

• It-​taħditiet tat-​tieġ għala jingħataw fis-​Sala tas-​Saltna?

[Stampa f’paġna 18]

F’tieġ f’Iżrael tal-​qedem, l-​għarus kien iġib lill-​għarusa f’daru jew f’dar missieru

[Stampa f’paġna 21]

Wara żwieġ tradizzjonali, il-​Kristjani jistgħu jagħżlu li jkollhom taħdita fis-​Sala tas-​Saltna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja