LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 10/15 pp. 23-27
  • Uri l-Fidi Tiegħek bil-Mod Kif Tgħix Ħajtek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri l-Fidi Tiegħek bil-Mod Kif Tgħix Ħajtek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Laqgħat Soċjali Żgħar
  • Kif Se Tkun il-​Laqgħa?
  • It-​Tiġijiet u r-​Riċevimenti
  • “Il-​Kap tal-​Festa”
  • Rigali tat-​Tieġ
  • Tiġijiet Ferriħin li Jġibu Unur lil Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2008
  • Tiġijiet li Huma Onorabbli fil-Ħarsa t’Alla u tal-Bniedem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 10/15 pp. 23-27

Uri l-​Fidi Tiegħek bil-​Mod Kif Tgħix Ħajtek

“Il-​fidi, jekk m’għandhiex għemejjel, hi mejta fiha nfisha.”—ĠAKBU 2:​17.

1. Il-​Kristjani tal-​bidu għala qagħdu attenti kemm għall-​fidi u kemm għall-​għemejjel?

B’MOD ġenerali, il-​Kristjani tal-​bidu taw prova tal-​fidi tagħhom bil-​mod kif għexu ħajjithom. Id-​dixxiplu Ġakbu ħeġġeġ lill-​Kristjani kollha: “Qisu li tagħmlu l-​kelma, u mhux tisimgħuha biss.” Hu żied: “Bħalma l-​ġisem mingħajr l-​ispirtu hu mejjet, hekk ukoll il-​fidi mingħajr l-​għemejjel hi mejta.” (Ġakbu 1:​22; 2:​26) Xi 35 sena wara li kiteb dan, ħafna Kristjani kienu għadhom qed jagħtu prova tal-​fidi tagħhom permezz t’għemejjel xierqa. Imma b’dispjaċir, xi wħud ma kinux qed jagħmlu dan. Ġesù faħħar lill-​kongregazzjoni taʼ Żmirna; però, lil ħafna wħud fil-​kongregazzjoni f’Sardi, hu qalilhom: “Naf l-​għemejjel tiegħek, li għandek il-​fama li int ħaj, imma int mejjet.”​—Rivelazzjoni 2:​8-​11; 3:1.

2. Il-​Kristjani x’għandhom jistaqsu lilhom infushom dwar il-​fidi tagħhom?

2 Minħabba f’hekk, Ġesù inkuraġġixxa lil dawk f’Sardi​—u b’mod iktar estensiv lil dawk kollha li iktar tard qraw kliemu​—biex jagħtu prova taʼ l-​ewwel imħabba tagħhom għall-​verità Kristjana u biex ikunu mqajmin spiritwalment. (Rivelazzjoni 3:​2, 3) Kull wieħed minna jistaʼ jistaqsi lilu nnifsu: ‘X’nistaʼ ngħid dwar l-​għemejjel tiegħi? L-​azzjonijiet tiegħi juru ċar u tond li qed nagħmel l-​almu tiegħi biex nagħti prova tal-​fidi tiegħi b’dak kollu li nagħmel, anki f’aspetti li m’humiex konnessi direttament max-​xogħol taʼ l-​ippridkar jew mal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni?’ (Luqa 16:10) Ħafna aspetti tal-​ħajja jistgħu jiġu kunsidrati, imma ejja nittrattaw aspett wieħed biss: il-​laqgħat soċjali, inkluż dawk li spiss jiġu wara t-​tiġijiet Kristjani.

Laqgħat Soċjali Żgħar

3. X’inhi l-​ħarsa tal-​Bibbja dwar li nattendu laqgħat soċjali?

3 Ħafna minna nieħdu gost meta niġu mistidnin biex niltaqgħu maʼ Kristjani henjin. Ġeħova hu “l-​Alla l-​hieni,” li jrid li l-​qaddejja tiegħu jkunu henjin. (1 Timotju 1:​11) Hu ried li Salamun jinkludi fil-​Bibbja din ir-​realtà: “Jien infaħħar it-​tgawdija, għax il-​bniedem m’għandux hena ieħor taħt ix-​xemx ħlief li jiekol u jixrob, u jkun ferħan; ħa jkunu dawn sħabu fit-​taħbit tiegħu tul l-​għomor [tiegħu].” (Koħèlet 3:​1, 4, 13; 8:​15) Dan l-​hena jistaʼ jitgawda waqt ikla tal-​familja jew waqt xi laqgħa soċjali żgħira oħra m’aduraturi veri.—Ġob 1:​4, 5, 18; Luqa 10:​38-​42; 14:​12-​14.

4. Persuna li tkun qed tħejji laqgħa soċjali dwar xiex għandha toqgħod attenta?

4 Jekk qed tħejji laqgħa bħal din u int responsabbli għaliha, għandek taħseb sew dwar dak li tippjana, anki jekk qed tistieden biss lil ftit minn ħutek fit-​twemmin għal ikla jew għal konversazzjoni pjaċevoli. (Rumani 12:13) Int se tkun trid tara li “jsir kollox bid-​deċenza,” gwidat mill-​“għerf li ġej minn fuq.” (1 Korintin 14:40; Ġakbu 3:​17) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk tieklu jew tixorbu jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-​glorja t’Alla. Tkunux taʼ tfixkil.” (1 Korintin 10:​31, 32) Liema huma xi aspetti li jirrikjedu attenzjoni partikulari? Ikkunsidrahom minn qabel biex tkun ċert li dak li tagħmel int jew il-​mistidnin tiegħek juri li int tipprattika dak li temmen.​—Rumani 12:2.

Kif Se Tkun il-​Laqgħa?

5. Għala għandu l-​wieħed li jistieden jaħseb bir-​reqqa dwar jekk hux se jservi x-​xorb alkoħoliku u jekk għandux ikun hemm il-​mużika?

5 Ħafna wħud li jilqgħu lill-​mistidnin iffaċċjaw il-​kwistjoni dwar jekk għandhomx iservu xorb alkoħoliku. Dan ix-​xorb m’huwiex neċessarju biex laqgħa tkun inkuraġġanti. Ftakar li Ġesù pprovda ikla għal grupp kbir mhux ħażin taʼ nies li marru jisimgħuh​—hu kattar il-​ħobż u l-​ħut. Ir-​rakkont ma jgħidx li pprovda l-​inbid b’mod mirakoluż, għalkemm nafu li hu kien kapaċi jagħmel dan. (Mattew 14:​14-​21) Jekk tiddeċiedi li sservi x-​xorb alkoħoliku f’laqgħa, kun moderat dwar l-​ammont li se sservi, u kun ċert li jkun hemm xorb tajjeb ieħor li m’huwiex alkoħoliku għal dawk li jippreferuh. (1 Timotju 3:​2, 3, 8; 5:​23; 1 Pietru 4:3) Qatt tagħmel pressjoni fuq dak li jkun biex jixrob xi ħaġa li tistaʼ tkun tigdem “bħal serp.” (Proverbji 23:​29-​32) Xi ngħidu għall-​mużika jew il-​kant? Jekk il-​laqgħa se tkun tinkludi l-​mużika, żgur li se tagħżel id-​diski bir-​reqqa, u se tikkunsidra kemm ir-​ritmu u kemm il-​kliem. (Kolossin 3:8; Ġakbu 1:​21) Ħafna Kristjani sabu li meta jdoqqu jew anki jkantaw l-​Għanjiet tas-​Saltna jkollhom atmosfera pjaċevoli. (Efesin 5:​19, 20) U m’għandniex xi ngħidu, oqgħod attent għall-​volum b’mod regulari ħalli l-​mużika ma ttellifx il-​konversazzjoni pjaċevoli u lanqas ma ddejjaq lill-​ġirien.​—Mattew 7:​12.

6. Kif jistaʼ min jistieden juri li għandu fidi ħajja permezz tal-​konversazzjoni tiegħu jew f’attivitajiet oħrajn?

6 F’laqgħa soċjali, il-​Kristjani jistgħu jitkellmu dwar diversi suġġetti, jaqraw xi materjal b’leħen għoli, jew jirrakkontaw esperjenzi interessanti. Jekk il-​konversazzjoni ma tibqax skond il-​livelli Kristjani, il-​wieħed li jistieden għandu jdawwar id-​diskors bit-​tattika. Hu għandu wkoll ikun attent li ebda persuna ma tiddomina l-​konversazzjoni. Jekk jara li dan iseħħ, hu jistaʼ jesprimi ruħu b’mod diskret u jinkludi lill-​oħrajn fil-​konversazzjoni, forsi billi jistieden liż-​żgħar biex jesprimu ruħhom jew jintroduċi suġġett li jqanqal lil kulħadd biex jikkummenta. Kemm il-​kbar u kemm iż-​żgħar se jieħdu gost b’dan l-​aspett tal-​laqgħa. Jekk int, bħala l-​wieħed li torganizza, tiggwida l-​affarijiet bl-​għaqal u bit-​tattika, kulmin hu preżenti ‘se jkun jaf kemm int raġunevoli.’ (Filippin 4:5) Se jindunaw li l-​fidi tiegħek hi ħajja, waħda li teffettwa lil kull aspett taʼ ħajtek.

It-​Tiġijiet u r-​Riċevimenti

7. Għala huwa xieraq li nikkunsidraw l-​ippjanar tat-​tiġijiet u r-​riċevimenti konnessi magħhom?

7 Tieġ Kristjan hu okkażjoni speċjali taʼ ferħ. Il-​qaddejja t’Alla tal-​qedem, inkluż Ġesù u d-​dixxipli tiegħu, minn qalbhom ħadu sehem fi ġrajjiet taʼ ferħ bħal dawn, anki fl-​iffesteġġjar konness magħhom. (Ġenesi 29:​21, 22; Ġwanni 2:​1, 2) Madankollu, dan l-​aħħar l-​esperjenza wriet li l-​ippjanar taʼ riċeviment konness mat-​tiġijiet jeħtieġ sforz speċjali jekk dan se jirrifletti r-​raġunevolezza u l-​bilanċ Kristjan. Però, dawn huma aspetti normali tal-​ħajja li jagħtu lil Kristjan opportunità biex juri l-​fidi tiegħu.

8, 9. Il-​prattiki f’ħafna tiġijiet kif jikkonfermaw dak li hemm miktub fl-​1 Ġwanni 2:​16, 17?

8 Ħafna nies li la jafu l-​prinċipji t’Alla u lanqas jimpurtahom minnhom iħarsu lejn it-​tieġ bħala okkażjoni biex imorru fl-​estrem, jew forsi okkażjoni fejn l-​estremi jiġu tollerati. F’rivista Ewropea, mara li kienet għadha kif iżżewġet qalet dan dwar it-​tieġ “irjali” tagħha: ‘Irkibna fuq il-​karozzella tagħna b’erbat iżwiemel segwiti minn tnax-il karozzin miġbudin miż-​żwiemel, u karozzella ġarret il-​grupp li kien qed idoqq il-​mużika. Imbagħad kellna ikla delizzjuża u mużika eċċellenti; kollox kien tassew meraviljuż. Eżatt kif xtaqt, kont reġina għal ġurnata waħda.’

9 Waqt li l-​prattiki jistgħu jvarjaw minn pajjiż għall-​ieħor, dawn is-​sentimenti sempliċement jikkonfermaw b’mod ċar dak li kiteb l-​appostlu Ġwanni: “Kulma hemm fid-​dinja—ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja—ma joriġinax mill-​Missier, imma mid-​dinja.” Tistaʼ timmaġina li koppja Kristjana matura tkun trid tieġ “irjali” b’riċeviment lussuż bħal taʼ l-​istejjer? Minflok, fil-​ħarsa tagħha għandha tikkunsidra li “min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwanni 2:​16, 17.

10. (a) L-ippjanar għala huwa neċessarju biex tieġ ikun raġunevoli? (b) Kif għandhom isiru deċiżjonijiet dwar dawk li jiġu mistidnin?

10 Il-​koppji Kristjani jridu jkunu kemm realistiċi u kemm raġunevoli, u l-​Bibbja tistaʼ tgħinhom. Għalkemm il-​ġurnata tat-​tieġ hija importanti, huma jafu li hija biss il-​bidu tal-​ħajja miżżewġa taʼ żewġ Kristjani li għandhom il-​ħajja taʼ dejjem quddiemhom. Huma m’humiex obbligati li jkollhom riċeviment kbir. Jekk jagħżlu li jkollhom riċeviment, huma se jkunu jridu jikkalkulaw l-​ispejjeż u jikkunsidraw x’tip taʼ riċeviment se jkun. Fil-​ħajja Kristjana tagħhom flimkien, ir-​raġel se jkun il-​kap skond l-​Iskrittura. (1 Korintin 11:3; Efesin 5:​22, 23) Allura l-​għarus huwa primarjament responsabbli għar-​riċeviment tat-​tieġ. M’għandniex xi ngħidu, hu bl-​imħabba se jikkonsulta maʼ dik li se tkun martu dwar kwistjonijiet bħal lil min jixtiequ jew jistgħu jistiednu għar-​riċeviment tat-​tieġ. Għandu mnejn ma jkunx possibbli jew prattiku li jistiednu lil sħabhom u l-​qraba tagħhom kollha; għalhekk, ikollhom jieħdu ċerti deċiżjonijiet bil-​modestja. Il-​koppja għandu jkollha fiduċja li jekk ma tistax tistieden lil xi Kristjani sħabha, dawn se jifhmuha u mhux se jieħdu għalihom.​—Koħèlet 7:9.

“Il-​Kap tal-​Festa”

11. “Il-​kap tal-​festa” liema rwol jistaʼ jkollu fit-​tieġ?

11 Jekk koppja tagħżel li jkollha riċeviment biex tiċċelebra t-​tieġ, kif tistaʼ tkun ċerta li l-​okkażjoni tibqaʼ waħda dinjituża? Għal ħafna snin, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fehmu kemm hu għaqli li jinkludu aspett imsemmi b’konnessjoni mar-​riċeviment li Ġesù attenda f’Kana. F’din l-​okkażjoni kien hemm “il-​kap tal-​festa,” li żgur kien ħu fit-​twemmin li kien responsabbli. (Ġwanni 2:​9, 10) Bl-​istess mod, għarus li jkun għaqli se jagħżel ħu Kristjan matur u responsabbli għal dan l-​irwol importanti. Malli jkun jaf eżatt x’inhuma x-​xewqat u l-​gosti taʼ l-​għarus, il-​kap tal-​festa jistaʼ jsegwi d-​dettalji kemm qabel ir-​riċeviment u kemm matulu.

12. L-​għarus x’għandu jikkunsidra dwar l-​użu tax-​xorb alkoħoliku?

12 Fi qbil maʼ dak li ddiskutejna f’paragrafu 5, xi koppji jagħżlu li jħallu barra x-​xorb alkoħoliku mir-​riċeviment biex ma jkunx hemm xi abbuż li jtellef il-​ferħ u s-​suċċess taʼ l-​okkażjoni. (Rumani 13:13; 1 Korintin 5:​11) Però, jekk jinkludu x-​xorb alkoħoliku, l-​għarus għandu jara li dan jiġi servut jew ikun disponibbli b’moderazzjoni. Fil-​festa tat-​tieġ li attenda Ġesù f’Kana kien hemm l-​inbid, u hu pprovda nbid taʼ kwalità tajba. Huwa interessanti li l-​kap tal-​festa kkummenta: “Kulħadd joħroġ l-​ewwel l-​aħjar inbid, u meta n-​nies ikunu xurbana, imbagħad joħroġ l-​inferjuri. Int żammejt l-​aħjar inbid s’issa.” (Ġwanni 2:​10) Żgur li Ġesù ma inkuraġġiex is-​sokor, għaliex hu kien jarah bħala li m’huwiex aċċettabbli. (Luqa 12:​45, 46) Meta baqaʼ sorpriż minħabba l-​kwalità taʼ l-​inbid, il-​kap wera biċ-​ċar li kien osserva xi okkażjonijiet meta xi mistidnin għat-​tieġ kienu fis-​sakra. (Atti 2:​15; 1 Tessalonikin 5:7) Għalhekk, kemm l-​għarus u kemm il-​Kristjan taʼ min jafdah li jiġi inkarigat bħala l-​kap tal-​festa għandhom ikunu ċerti li kulmin ikun preżenti jsegwi d-​direzzjoni ċara: “Tiskrux bl-​inbid, li fih hemm il-​ħajja bla rażan.”​—Efesin 5:​18; Proverbji 20:1; Hosegħa 4:​11.

13. Koppja x’għandha tikkunsidra jekk se jkollha l-​mużika fir-​riċeviment tat-​tieġ, u għala?

13 Bħalma hu minnu fil-​każ taʼ laqgħat oħrajn, jekk għandu jkun hemm il-​mużika, trid tingħata attenzjoni għall-​volum sabiex dak li jkun jistaʼ jsibha faċli jkellem lil oħrajn. Anzjan Kristjan wieħed innota: “Hekk kif jidħol il-​lejl, meta l-​konversazzjoni ssir iktar allegra u jibda ż-​żfin, kultant il-​volum tal-​mużika jogħla. Dik li tibda bħala mużika fl-​isfond tistaʼ ssir tant għolja li ma tkunx tistaʼ titkellem sew. Riċeviment tat-​tieġ joffri opportunità għal sħubija pjaċevoli. X’ħasra li kieku l-​mużika għolja kellha ttellef din l-​opportunità!” F’dan il-​każ ukoll, l-​għarus u l-​kap tal-​festa jridu jaġixxu b’mod responsabbli, mhux iħallu r-​responsabbiltà f’idejn il-​mużiċisti biex jikkontrollaw it-​tip taʼ mużika li tindaqq u l-​volum tagħha, kemm jekk dawn ikunu mikrijin u kemm jekk le. Pawlu kiteb: “Kulma tgħidu jew tagħmlu, agħmluh f’isem il-​Mulej Ġesù.” (Kolossin 3:​17) Meta l-​mistidnin imorru lura d-​dar wara riċeviment tat-​tieġ, se jiftakru huma fil-​mużika bħala li tirrifletti fuq il-​koppja bħala li huma wħud li kienu qed jagħmlu kollox f’isem Ġesù? Hekk għandu jkun.

14. Il-​Kristjani liema memorji għandhom jgħożżu dwar tieġ?

14 Iva, tieġ imħejji sew jistaʼ jħalli memorja pjaċevoli. Adam u Edyta, li ilhom miżżewġin 30 sena, ikkummentaw hekk dwar tieġ li attendew: “Tassew stajt tħoss l-​atmosfera Kristjana. Kien hemm għanjiet li jfaħħru lil Ġeħova imma wkoll xi divertiment sabiħ ieħor. Iż-​żfin u l-​mużika kienu taʼ importanza sekondarja. Kienet ġrajja pjaċevoli u inkuraġġanti, u kollox kien fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja.” Jidher ċar li hemm ħafna x’jistgħu jagħmlu l-​għarus u l-​għarusa biex juru l-​fidi tagħhom b’għemilhom.

Rigali tat-​Tieġ

15. Liema parir tal-​Bibbja għandu jiġi applikat rigward ir-​rigali tat-​tieġ?

15 F’ħafna pajjiżi huwa komuni li l-​ħbieb u l-​qraba jagħtu rigal lil dawk li jkunu se jiżżewġu. Jekk int tagħżel li tagħmel dan, x’inhuma xi affarijiet li għandek iżżomm f’moħħok? Ftakar fil-​kumment taʼ l-​appostlu Ġwanni dwar “l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja.” Hu ma qabbilx dan l-​iffanfrar maʼ Kristjani li juru l-​fidi tagħhom bl-​għemil, imma mad-​‘dinja li qed tgħaddi.’ (1 Ġwanni 2:​16, 17) Meta tqis l-​osservazzjoni ispirata taʼ Ġwanni, għandha l-​koppja ġdida tħabbar pubblikament l-​isem taʼ kulmin jagħti rigal? Il-​Kristjani mill-​Maċedonja u mill-​Akaja għamlu kontribuzzjonijiet għall-​aħwa f’Ġerusalemm, imma m’hemm ebda indikazzjoni li isimhom ġie rikonoxxut fil-​pubbliku. (Rumani 15:26) Ħafna Kristjani li jagħtu rigal tat-​tieġ ikunu jixtiequ li jibqgħu anonimi minflok ma jiġbdu attenzjoni żejda lejhom infushom. F’dan ir-​rigward, irrivedi l-​kliem taʼ Ġesù misjub f’Mattew 6:​1-4.

16. Kif tistaʼ koppja li tkun għadha kif iżżewġet tevita li tweġġaʼ s-​sentimenti t’oħrajn b’konnessjoni mar-​rigali tat-​tieġ?

16 Il-​fatt li dak li jkun jidentifika lil min jagħti r-​rigali jistaʼ ‘jqanqal il-​kompetizzjoni’ dwar liema rigal hu l-​aqwa u liema jiswa l-​iktar flus. Għalhekk, koppja Kristjana li tkun għadha kif iżżewġet tuża l-​għaqal meta toqgħod lura milli tħabbar pubblikament l-​isem taʼ min jagħti r-​rigali. It-​tħabbir taʼ dawk li taw ir-​rigali jistaʼ jimbarazza lill-​oħrajn li forsi ma kinux jaffordjaw jagħtu rigal. (Galatin 5:​26; 6:​10) Huwa minnu li m’huwiex ħażin li l-​għarus u l-​għarusa jkunu jafu min ta ċertu rigal. Dan jistgħu jsiru jafuh minn kartolina adattata li takkumpanja lir-​rigal imma li ma tinqarax fil-​pubbliku. Meta nixtru, nagħtu, jew naqilgħu rigal tat-​tieġ, aħna lkoll għandna ċ-​ċans nagħtu prova li anki f’affarijiet privati bħal dawn, il-​fidi tagħna teffettwa l-​għemejjel tagħna.a

17. Il-​Kristjani liema mira għandu jkollhom rigward il-​fidi u l-​għemejjel tagħhom?

17 Il-​fatt li nagħtu prova tal-​fidi tagħna żgur li jinvolvi iktar milli ngħixu ħajja b’morali għoljin, nattendu l-​laqgħat Kristjani, u nieħdu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Jalla lkoll kemm aħna jkollna fidi ħajja li teffettwa lil dak kollu li nagħmlu. Iva, nistgħu nuru l-​fidi tagħna bl-​għemejjel tagħna “mwettqin bis-​sħiħ,” inkluż fl-​aspetti tal-​ħajja li ddiskutejna f’dan l-​artiklu.​—Rivelazzjoni 3:2.

18. Kif jistaʼ l-​kliem fi Ġwanni 13:17 ikun minnu b’konnessjoni mat-​tiġijiet u l-​laqgħat soċjali Kristjani?

18 Wara li Ġesù ħalla eżempju mill-​aqwa għall-​appostli leali tiegħu minħabba l-​għemil umli tiegħu meta ħaslilhom saqajhom, hu qal: “Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh.” (Ġwanni 13:​4-​17) Fil-​post fejn ngħixu llum, jistaʼ jkun li m’huwiex neċessarju jew normali li naħslu s-​saqajn taʼ individwu ieħor, bħal xi mistieden f’darna. Però, bħalma kkunsidrajna f’dan l-​artiklu, hemm aspetti oħrajn fil-​ħajja li fihom nistgħu nuru l-​fidi tagħna permezz t’azzjonijiet kollhom imħabba u konsiderazzjoni, inkluż dawk konnessi mal-​laqgħat soċjali u t-​tiġijiet Kristjani. Dan hu minnu kemm jekk se niżżewġu u kemm jekk aħna mistidnin għal tieġ jew għar-​riċeviment hieni taʼ wara maʼ Kristjani li jridu juru l-​fidi tagħhom permezz t’għemilhom.

[Nota taʼ taħt]

a Aspetti oħrajn tat-​tiġijiet u r-​riċevimenti relatati huma diskussi fl-​artiklu li jmiss, “Żid mal-​Ferħ u d-​Dinjità tal-​Ġurnata tat-​Tieġ Tiegħek.”

Int Kif Twieġeb?

Kif tistaʼ tagħti prova tal-​fidi tiegħek

• meta torganizza laqgħa soċjali?

• meta torganizza tieġ jew riċeviment?

• meta tagħti jew tirċievi rigali tat-​tieġ?

[Stampa f’paġna 24]

Anki meta tistieden biss ftit nies, kun gwidat mill-​“għerf li ġej minn fuq”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja