Żid mal-Ferħ u d-Dinjità tal-Ġurnata tat-Tieġ Tiegħek
“IL-ĠURNATA tat-tieġ tiegħi kienet waħda mill-iktar ġranet sinifikanti u ferħanin taʼ ħajti,” qal Gordon, li ilu miżżewweġ kważi 60 sena. Il-ġurnata tat-tieġ għala hija daqshekk importanti għall-Kristjani veri? Dan hu jum meta jagħmlu wegħda qaddisa lil dawk li tassew iħobbu—lill-imseħbin tagħhom u lil Alla Ġeħova. (Mattew 22:37; Efesin 5:22-29) Iva, il-koppji li jippjanaw li jiżżewġu jridu jgawdu l-ġurnata tat-tieġ tagħhom, imma huma jridu wkoll jonoraw lill-Oriġinatur taż-żwieġ.—Ġenesi 2:18-24; Mattew 19:5, 6.
Kif jistaʼ għarus iżid mad-dinjità taʼ din l-okkażjoni taʼ ferħ? X’tistaʼ tagħmel għarusa biex tonora lil żewġha u lil Ġeħova? Oħrajn li jattendu kif jistgħu jżidu mal-ferħ tal-ġurnata tat-tieġ? Ikkunsidra xi prinċipji Bibliċi li se jgħinuna nwieġbu dawn il-mistoqsijiet, u kif meta napplikaw dawn il-prinċipji se nnaqqsu l-problemi li jistgħu jtellfu mill-ferħ taʼ din l-okkażjoni speċjali.
Min Hu Responsabbli?
F’ħafna pajjiżi, iċ-ċerimonja legali taż-żwieġ tistaʼ ssir minn ministru tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Anki f’postijiet fejn il-pass legali jrid isir minn aġent ċivili, il-koppja għandha mnejn tkun trid li jkollha taħdita bbażata fuq il-Bibbja. F’din it-taħdita, ġeneralment l-għarus jintalab jimmedita fuq l-irwol mogħti minn Alla lill-kap tal-familja. (1 Korintin 11:3) Minħabba f’hekk, l-għarus għandu r-responsabbiltà primarja taʼ dak li jiġri fit-tieġ. M’għandniex xi ngħidu, l-arranġamenti għaċ-ċerimonja tat-tieġ stess u għal kwalunkwe riċeviment li jistaʼ jiġi wara ġeneralment isiru ħafna minn qabel. Dan għala jistaʼ jkun taʼ sfida?
Raġuni waħda hi li l-qraba minn xi naħa jew oħra jistgħu jipprovaw jinfluwenzaw b’mod dominanti l-pjanijiet tat-tieġ. Rodolfo, li għamel ħafna ċerimonji tat-tieġ, jinnota: “Kultant, l-għarus jiffaċċja pressjoni enormi mill-qraba, speċjalment jekk ikunu qed jgħinuh iħallas għar-riċeviment tat-tieġ. Huma jistaʼ jkollhom opinjonijiet qawwija dwar dak li għandu jiġri waqt iċ-ċerimonja tat-tieġ u waqt ir-riċeviment. Dan jistaʼ jfixkel l-irwol Skritturali taʼ l-għarus bħala l-wieħed responsabbli għall-okkażjoni.”
Max, li ilu jagħmel iċ-ċerimonji tat-tieġ għal iktar minn 35 sena, josserva: “Innotajt it-tendenza li l-għarusa tibda tieħu d-deċiżjonijiet dwar dak li se jseħħ fit-tieġ u r-riċeviment, u l-għarus ma tantx ikollu opportunità biex jagħti l-opinjoni tiegħu.” David, li wkoll għamel ħafna ċerimonji tat-tieġ, jikkummenta: “L-għarus għandu mnejn ma jkunx imdorri jieħu t-tmexxija u ġeneralment ma jkunx involut biżżejjed fit-tħejjijiet tat-tieġ.” Kif jistaʼ l-għarus jieħu ħsieb ir-responsabbiltà tiegħu b’mod effettiv?
Il-Komunikazzjoni Żżid il-Ferħ
Sabiex l-għarus iwettaq ir-responsabbiltà tiegħu sew fit-tħejjijiet tat-tieġ, hu għandu jikkomunika b’mod effettiv. Il-Bibbja tgħid b’mod ċar: “Il-ħsibijiet ifallu fejn m’hemmx ftehim.” (Proverbji 15:22, Karm Żammit) Madankollu, tistaʼ tiġi evitata ħafna frustrazzjoni jekk l-għarus l-ewwel jiddiskuti t-tħejjijiet tat-tieġ maʼ l-għarusa tiegħu, mal-membri tal-familja, u m’oħrajn li jistgħu jagħtu parir tajjeb mill-Bibbja.
Iva, hu vitali li l-għarajjes l-ewwel jiddiskutu flimkien il-pjanijiet u l-possibbiltajiet. Biex naraw għala, ejja naraw xi kummenti minn Ivan u martu, Delwyn, li ilhom magħqudin fi żwieġ hieni għal ħafna snin imma li trabbew f’kulturi differenti. Meta jiftakar fil-pjanijiet tat-tieġ tagħhom, Ivan jgħid: “Jien kelli ideat ċari dwar dak li ridt għat-tieġ tiegħi, inkluż riċeviment bil-ħbieb tiegħi kollha preżenti, kejk tat-tieġ, u l-għarusa tiegħi liebsa libsa bajda tat-tieġ. Delwyn, min-naħa l-oħra, riedet tieġ sempliċi u żgħir mingħajr kejk tat-tieġ. Hi saħansitra kkunsidrat li tilbes xi ħaġa oħra minflok libsa tat-tieġ.”
Din il-koppja kif irnexxielha tieħu ħsieb dawn id-differenzi? Permezz taʼ komunikazzjoni onesta u b’qalb tajba. (Proverbji 12:18) Ivan iżid: “Aħna studjajna artikli bbażati fuq il-Bibbja dwar is-suġġett tat-tiġijiet, bħal dawk pubblikati fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Lulju, 1984.a Dan il-materjal għenna biex ikollna ħarsa spiritwali lejn l-okkażjoni. Minħabba l-isfondi differenti tagħna, kellna nagħmlu kompromess f’diversi aspetti tal-preferenzi persunali tagħna. It-tnejn li aħna sibna t-triq tan-nofs.”
Aret u Penny għamlu xi ħaġa simili. Dwar il-ġurnata tat-tieġ tagħhom, Aret jgħid: “Jien u Penny iddiskutejna x-xewqat differenti tagħna għat-tieġ, u rnexxielna nilħqu ftehim bejnietna. Tlabna lil Ġeħova biex ibierek il-ġurnata. Jien tlabt ukoll il-parir tal-ġenituri tagħna u taʼ xi koppji miżżewġin u maturi fil-kongregazzjoni. Is-suġġerimenti tagħhom kienu tassew t’għajnuna. B’hekk, it-tieġ tagħna kien tassew sabiħ.”
Żomm id-Dinjità fl-Ilbies u d-Dehra
M’għandniex xi ngħidu, kemm l-għarusa u kemm l-għarus jixtiequ jkunu lebsin sew għat-tieġ tagħhom. (Salm 45:9-16 [45:8-15, NW]) Huma għandhom mnejn iqattgħu l-ħin, jagħmlu sforz, u jonfqu l-flus biex ikollhom ilbies xieraq. Liema prinċipji Bibliċi jistgħu jgħinuhom jagħżlu dak li hu kemm dinjituż u kemm attraenti?
Ikkunsidra dak li tilbes l-għarusa għall-okkażjoni. Waqt li l-gosti jvarjaw minn persuna għall-oħra u minn pajjiż għall-ieħor, it-twissija tal-Bibbja tapplika kullimkien. In-nisa għandhom “jiżżejnu bi lbies adattat, bil-modestja u b’moħħ f’loku.” Dan japplika għan-nisa Kristjani f’kull żmien, u żgur li jinkludi l-ġurnata tat-tieġ. Il-fatt hu li biex tieġ ikun hieni m’hemmx bżonn taʼ “ħwejjeġ li jiswew ħafna flus.” (1 Timotju 2:9; 1 Pietru 3:3, 4) X’sodisfazzjon ikun hemm meta dan il-parir jiġi applikat!
David, li ssemma qabel, jikkummenta: “Ħafna koppji jistinkaw biex isegwu l-prinċipji tal-Bibbja, u huma taʼ min ifaħħarhom. Però, kien hemm każi meta l-ilbies taʼ l-għarusa u l-bridesmaids ma kienx modest, skullat minn quddiem jew trasparenti.” Meta jiltaqaʼ maʼ l-għarus u l-għarusa minn qabel, anzjan Kristjan matur jgħinhom iżommu ħarsa spiritwali. Kif? Billi jistaqsihom dwar l-ilbies li bi ħsiebhom jilbsu, jekk huwiex modest biżżejjed biex jintlibes għal xi laqgħa Kristjana. Huwa minnu li l-istil taʼ l-ilbies jistaʼ jkun differenti mill-ilbies normali tal-laqgħat, u dak li jintlibes għat-tieġ jistaʼ jirrifletti d-drawwiet lokali, imma l-livell tal-modestja għandu jkun fi qbil mal-livelli Kristjani tad-dinjità. Anki jekk xi wħud fid-dinja jistgħu jqisu l-kodiċi morali tal-Bibbja bħala li huwa strett wisq, il-Kristjani veri huma kuntenti li jirreżistu l-isforzi tad-dinja biex tagħġinhom skond il-modi tagħha.—Rumani 12:2; 1 Pietru 4:4.
“Minflok ma ħarisna lejn il-ħwejjeġ jew ir-riċeviment bħala l-iktar ħaġa importanti,” tgħid Penny, “jien u Aret iffokajna fuq iċ-ċerimonja, il-parti spiritwali taʼ l-okkażjoni. Kienet l-iktar parti importanti tal-ġurnata. L-affarijiet speċjali li niftakar huma, mhux xi lbist u x’kilt, imma maʼ min qattajt il-ġurnata u l-ferħ li ħassejt għaliex iżżewwiġt lir-raġel li nħobb.” Koppja Kristjana tagħmel tajjeb jekk iżżomm dawn il-ħsibijiet f’moħħha meta tippjana t-tieġ tagħha.
Is-Sala tas-Saltna—Post Dinjituż
Ħafna koppji Kristjani jixtiequ li jkollhom ċerimonja tat-tieġ fis-Sala tas-Saltna jekk din tkun disponibbli. Għala jippreferu jagħmlu dan? Koppja waħda spjegat l-irraġunar tagħha: “Aħna nirrealizzaw li ż-żwieġ hu l-arranġament sagru taʼ Ġeħova. Minħabba li żżewwiġna fis-Sala tas-Saltna, il-post fejn nagħtu qima, ġejna megħjunin inżommu f’moħħna mill-bidunett li Ġeħova kellu jkun parti miż-żwieġ tagħna. Benefiċċju ieħor li jkollok iċ-ċerimonja fis-Sala tas-Saltna minflok f’post ieħor kien li dan wera lill-qraba tagħna li m’humiex taʼ l-istess twemmin u li attendew kemm hi importanti għalina l-qima lil Ġeħova.”
Jekk l-anzjani tal-kongregazzjoni responsabbli mis-Sala tas-Saltna jagħtu l-permess biex it-tieġ isir f’dan il-post, il-koppja għandha tavżahom minn qabel dwar il-preparazzjonijiet li jkunu qed jiġu kunsidrati. Mod wieħed kif l-għarus u l-għarusa jistgħu juru r-rispett xieraq lejn il-mistidnin hu billi jkunu determinati sew li jaslu fil-ħin għat-tieġ. U huma żgur li se jkunu jridu jaċċertaw ruħhom li kollox isir b’mod dinjituż.b (1 Korintin 14:40) Għalhekk, se jkunu jridu jevitaw li jiġbdu ħafna attenzjoni żejda li hija karatteristika taʼ ħafna tiġijiet tad-dinja.—1 Ġwanni 2:15, 16.
Dawk li jattendu t-tieġ jistgħu wkoll juru li għandhom il-ħarsa taʼ Ġeħova lejn iż-żwieġ. Per eżempju, huma mhux se jistennew li t-tieġ ikun aqwa minn tiġijiet Kristjani oħrajn, bħallikieku kien hemm xi kompetizzjoni dwar liema tieġ kien l-iktar elaborat. Il-Kristjani maturi jirrealizzaw ukoll li huwa iktar importanti u taʼ benefiċċju li jkunu fis-Sala tas-Saltna għat-taħdita bbażata minn fuq il-Bibbja milli jkunu preżenti għall-festa tat-tieġ jew għar-riċeviment li jkun hemm wara. Jekk il-ħin jew iċ-ċirkustanzi jippermettu li Kristjan ikun preżenti biss għal waħda minnhom, żgur li jkun aħjar jekk inkunu preżenti fis-Sala tas-Saltna. Anzjan li jismu William jgħid: “Jekk il-mistidnin ma jattendux bla bżonn fis-Sala tas-Saltna imma jkunu preżenti iktar tard għar-riċeviment, ikun qed jintwera nuqqas t’apprezzament għall-qdusija taʼ l-okkażjoni. Anki jekk ma nkunux mistidnin għar-riċeviment, nistgħu nuru l-appoġġ tagħna lill-għarus u l-għarusa u fit-tieġ nagħtu xiehda mill-aqwa lill-qraba li m’humiex taʼ l-istess twemmin billi nattendu ċ-ċerimonja fis-Sala tas-Saltna.
Ferħ li Jibqaʼ Wara l-Ġurnata tat-Tieġ
Id-dinja kummerċjali għamlet industrija enormi miċ-ċelebrazzjoni tat-tieġ. Skond rapport reċenti, iż-żwiġijiet fl-Istati Uniti bħala medja “jiswew $22,000 (madwar Lm7,500), jew nofs id-dħul [annwali] taʼ familja Amerikana.” Minħabba li jiġu influwenzati mill-propaganda kummerċjali, ħafna koppji li jkunu għadhom kif jiżżewġu jew il-familji tagħhom jidħlu f’dejn kbir għal dik il-ġurnata waħda, li jdumu jġorruh għal snin sħaħ. Huwa għaqli li dak li jkun jidħol għaż-żwieġ b’dan il-mod? Dawk li ma jafux il-prinċipji Bibliċi jew li ma jimpurtahomx minnhom għandhom mnejn jagħżlu li jberbqu flushom b’dan il-mod, imma kemm huma differenti l-affarijiet fost il-Kristjani veri!
Minħabba li llimitaw id-daqs tat-tieġ tagħhom għal dak li hu raġunevoli u li jaffordjaw u billi ffokaw fuq l-aspett spiritwali taʼ l-okkażjoni, ħafna koppji Kristjani rnexxielhom jużaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom fi qbil mad-dedikazzjoni tagħhom lil Alla. (Mattew 6:33) Ikkunsidra l-eżempju taʼ Lloyd u Alexandra, li komplew jaqdu fil-ministeru full-time għal 17-il sena minn meta żżewġu. Lloyd jikkummenta: “Xi wħud forsi ħarsu lejn it-tieġ tagħna bħala okkażjoni kemxejn sempliċi, imma jien u Alexandra konna tassew kuntenti. Ħassejna li l-ġurnata tat-tieġ tagħna kellha tkun ċelebrazzjoni taʼ l-arranġament taʼ Ġeħova li jġib ferħ kbir lil tnejn min-nies, mhux piż finanzjarju li rridu nġorru.”
Alexandra żżid: “Jien kont qed naqdi bħala pijuniera qabel ma żżewwiġna, u ma ridtx nitlaq dan il-privileġġ sempliċement biex ikolli tieġ kollu tlellix. Il-ġurnata tat-tieġ tagħna kienet tassew speċjali. Però, kienet biss l-ewwel ġurnata tal-bqija taʼ ħajjitna flimkien. Aħna applikajna l-parir li nevitaw li nikkonċentraw iżżejjed fuq l-att taʼ li nidħlu fiż-żwieġ u fittixna l-gwida taʼ Ġeħova dwar il-ħajja taʼ li nkunu miżżewġin. Dan żgur li ġabilna l-barka taʼ Ġeħova.”c
Iva, il-ġurnata tat-tieġ tagħkom hi okkażjoni speċjali. L-attitudnijiet u l-azzjonijiet evidenti dakinhar jistgħu jkunu t’eżempju għall-ħajja miżżewġa tagħkom fis-snin li jkunu ġejjin wara. Għalhekk, strieħu fuq Ġeħova għall-gwida. (Proverbji 3:5, 6) Żommu l-ewwel f’moħħkom is-sinifikat spiritwali tal-ġurnata tat-tieġ. Appoġġaw lil xulxin fl-irwoli tagħkom mogħtijin minn Alla. B’hekk, intom tkunu tistgħu tpoġġu bażi b’saħħitha għaż-żwieġ tagħkom, u bil-barka taʼ Ġeħova se jkollkom il-ferħ li jdum ħafna wara l-ġurnata tat-tieġ tagħkom.—Proverbji 18:22.
[Noti taʼ taħt]
a Iktar informazzjoni dehret fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 2002, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Jekk il-koppja tippjana li jkollha lil xi ħadd biex jieħu r-ritratti jew jirrekordja ċ-ċerimonja fis-Sala tas-Saltna, għandha tkun ċerta minn qabel li ma jsir xejn li se jnaqqas mid-dinjità tat-tieġ.
c Ara paġna 26 tal-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 29]
Koppja għandha tikkomunika bil-miftuħ imma bir-rispett waqt li tippjana għat-tieġ tagħha
[Stampa f’paġna 31]
Żommu l-ewwel f’moħħkom is-sinifikat spiritwali tal-ġurnata tat-tieġ