Iż-Żwieġ Għandu Jkun Rabta Dejjiema
SKOND kif jispiċċaw ħafna films, iż-żwieġ huwa mira mixtieqa. Taʼ spiss, ir-raġel u l-mara fl-aħħar isibu lil xulxin, jiżżewġu, u jgħixu “kuntenti għall-bqija taʼ ħajjithom.” Fil-films, ġeneralment l-istorja tispiċċa hemm.
Fir-realtà, it-tieġ m’huwiex it-tmiem, imma l-bidu taʼ ħajja ġdida flimkien. U t-tama hi li, kif juri Koħèlet 7:8, it-tmiem ikun aħjar mill-bidu.
Rabta għal Dejjem
Hemm bżonn li wieħed ikun bil-għaqal u jara fil-bogħod. Iż-żwieġ irid ikollu pedament sod biex jibqaʼ u jkun sodisfaċenti. Inkella, l-istress taʼ wara t-tieġ jistaʼ jkun akbar mill-istress taʼ qabel. Kristjan ma jistax jidħol għaż-żwieġ bil-ħsieb: ‘Jekk ma jirnexxix, dejjem nistaʼ niddivorzja.’ Iż-żwieġ irid jitqies bħala rabta permanenti.
Ġesù għamilha ċara li ż-żwieġ kellu jkun għal dejjem meta wieġeb il-mistoqsija li xi ħadd staqsieh dwar jekk id-divorzju kienx xieraq. Hu qal: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad maʼ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’? Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.”—Mattew 19:4-6.
Wara t-Tieġ
Intqal b’mod xieraq li fil-ħajja taʼ Kristjan, iż-żwieġ huwa l-iktar ħaġa importanti wara d-dedikazzjoni lejn Alla. Din taʼ l-aħħar torbot lil dak li jkun mal-Ħallieq għal dejjem, u l-magħmudija turi dan il-fatt quddiem kulħadd. Iż-żwieġ huwa dikjarazzjoni pubblika taʼ rabta bejn żewġ persuni—għal dejjem. Ma jgħaddilekx minn moħħok li wieħed jiddedika ruħu lil Alla jew li jintrabat fiż-żwieġ b’xi patt u kundizzjoni fejn jidħlu affarijiet serji. Għalhekk, dawk li qed jaħsbu fiż-żwieġ jagħmlu tajjeb li jeżaminaw bir-reqqa t-twemmin, il-miri, l-attitudnijiet, u l-karattru tal-persuna li jkunu se jiżżewġu.
Waqt li jkunu qed isiru l-preparamenti tat-tieġ, huwa importanti li wieħed juri l-qalb tajba, il-konsiderazzjoni, u l-ispirtu taʼ kooperazzjoni. Kwalitajiet bħal dawn huma jerġaʼ iktar importanti wara, biex iż-żwieġ ikun taʼ suċċess. Għall-ewwel, il-miżżewġin friski jkunu jfuru bl-imħabba, imma wara li jiżżewġu jridu jiftakru li kuljum, l-imħabba “ma tfittixx dak li hu tagħha.” Meta tintwera sena wara l-oħra, “l-imħabba ma tintemm qatt.” (1 Korintin 13:5, 8) B’imħabba dejjiema, se jkun eħfef li jintwerew kwalitajiet bħas-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-ħlewwa, u r-rażan—kollha frott taʼ l-ispirtu t’Alla. Dawn il-kwalitajiet huma neċessarji għal żwieġ taʼ suċċess.—Galatin 5:22, 23.
Il-parti diffiċli hija li wara l-ġurnata tat-tieġ tibqaʼ turi kwalitajiet bħal dawn. Madankollu, is-sigriet għas-suċċess biex turi dawn il-kwalitajiet tajbin huwa dan: Ħobb lill-persuna li żżewwiġt, u kun lest li tagħmel sagrifiċċji.
Ġesù qal li l-akbar kmandament għall-bnedmin huwa li tħobb lil Jehovah, u li l-kmandament taʼ warajh huwa, “Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” (Mattew 22:39, KŻ) L-iktar proxxmu qrib taʼ persuna miżżewġa huwa s-sieħeb jew is-sieħba tagħha, għax m’hemm xejn fuq l-art li jistaʼ jgħaqqad lil żewġ individwi daqs iż-żwieġ.
Madankollu, għaqda fiżika biss fiha nfisha mhix garanzija li tnejn se jaqblu emozzjonalment. L-għaqda taʼ żewġ iġsma ma tfissirx li tnejn dejjem se jaqblu fil-ħsieb. Biex l-għaqda sesswali tagħti l-akbar sodisfazzjon, irid ukoll ikun hemm it-tieni tip t’għaqda—l-għaqda tal-qlub u taʼ l-intenzjonijiet. Iktar iva milli le, il-prezz li jrid jitħallas biex iż-żwieġ jirnexxi hu li tagħmel sagrifiċċji għall-persuna l-oħra. Min għandu jagħmel is-sagrifiċċji? Ir-raġel? Il-mara?
L-Imħabba u l-Ġieħ
Il-Kelma t’Alla tikkmanda: “Fittxu li tistmaw lil xulxin.” (Rumani 12:10, korsiv tagħna.) Jekk tistaʼ, fittex li tagħmel is-sagrifiċċju qabel ma s-sieħeb jew is-sieħba titlobulek. Wara kollox, xi ħaġa li tagħtiha wara li wieħed ikun ilu jitlob għaliha tkun diġà tilfet nofs il-valur tagħha. Minflok, iż-żewġ imseħbin fiż-żwieġ għandhom jagħmluha d-drawwa li jieħdu l-inizjattiva biex jagħtu ġieħ lil xulxin.
Per eżempju, l-irġiel għandhom il-kmand biex ‘jagħtu lin-nisa tagħhom il-ġieħ li ħaqqhom, għax huma aktar dgħajfa minnhom biex ma jsibux tfixkil fit-talb tagħhom.’ (1 Pietru 3:7) Jekk raġel ma jagħtix ġieħ lil martu, anki t-talb tiegħu lil Alla se jiġi effettwat bl-ikrah. Iżda, x’jiġifieri li wieħed jagħti ġieħ lil martu? Jiġifieri li jikkunsidra s-sentimenti tagħha l-ħin kollu, jismaʼ l-opinjonijiet tagħha, u jħalli lilha tagħżel l-ewwel f’diversi affarijiet fil-biċċa l-kbira tad-drabi. U l-mara tistaʼ tagħti ġieħ lil żewġha bl-istess mod, billi taħdem biex tkun sieħba li tgħinu u tikkoopera miegħu.—Ġenesi 21:12; Proverbji 31:10-31.
Il-Kelma t’Alla tgħid: “L-irġiel [għandhom] iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-[kongregazzjoni].” Ġesù kemm kien iħobbhom lis-segwaċi tiegħu? Kien lest li jmut għalihom. Il-Bibbja tgħid ukoll: “Kull wieħed minnkom [l-irġiel miżżewġa], għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.” (Efesin 5:28-33) U l-Kelma t’Alla tgħid lin-nisa miżżewġin biex “iħobbu . . . [u jkunu] ubbidjenti għal żwieġhom, ħalli l-kelma taʼ Alla ma titkasbarx.”—Titu 2:4, 5.
Ittollera l-Iżbalji
Minħabba li l-bnedmin kollha jitwieldu imperfetti, kulħadd se jiżbalja. (Rumani 3:23; 5:12; 1 Ġwann 1:8-10) Imma minflok ma tkabbar l-iżbalji, ismaʼ mill-parir tal-Bibbja: “Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pietru 4:8) L-aħjar hu li żbalji żgħar ma noqogħdux naħsbu fuqhom, u ninjorawhom. Dan jistaʼ japplika wkoll għal żbalji iżjed serji. Kolossin 3:12-14 jgħid: “Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi [“rabta perfetta li tgħaqqad,” NW].”
Kemm-il darba għandna naħfru l-iżbalji u d-dgħjufijiet normali tas-sieħeb jew sieħba tagħna? Pietru staqsa lil Ġesù: “‘Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?’ ‘Ma ngħidlikx sa sebaʼ darbiet,’ wieġbu Ġesù, ‘imma sa sebgħa u sebgħin darba.’” (Mattew 18:21, 22) Ladarba Ġesù kien qed jgħid dan dwar dawk barra r-rabta taż-żwieġ, kemm hija iktar meħtieġa l-maħfra bejn tnejn miżżewġin!
Għalkemm f’dawn l-aħħar snin l-istituzzjoni taż-żwieġ ġiet attakkata, fl-aħħar mill-aħħar, iż-żwieġ se jibqaʼ jeżisti għax kien Alla li waqqfu u kulma jagħmel hu huwa “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Mhux se jsir xi ħaġa antikwata. U jistaʼ jirnexxi, speċjalment fost dawk li jirrispettaw u jimxu mal-kmandamenti t’Alla. Imma l-isfida hi: Iż-żewġ individwi se jżommu mal-wegħda li għamlu fil-ġurnata tat-tieġ biex iħobbu u jgħożżu lil xulxin? Din tistaʼ tkun sfida kbira, u għandek mnejn ikollok titħabat biex tirbaħ. Imma r-riżultati li jkollok se jkun jixirqilhom dan l-isforz!
[Kaxxa f’paġna 10]
ID-DIVORZJU U S-SEPARAZZJONI
Alla, Dak li oriġina ż-żwieġ, għamlu bl-iskop li jkun għaqda permanenti. Imma hemm xi raġuni Skritturali biex individwu jiddivorzja lis-sieħeb jew sieħba tiegħu—raġuni li tippermetti lil dak li jkun biex jerġaʼ jiżżewweġ jekk irid? Ġesù indirizza dan is-suġġett billi qal: “Ngħidilkom: Kull min ikeċċi lil martu, ħlief minħabba ż-żena, u jiżżewweġ oħra, jagħmel adulterju.” (Mattew 19:9, Karm Żammit; korsiv tagħna.) L-infedeltà sesswali mill-parti l-oħra fiż-żwieġ hija l-unika bażi għal divorzju li jippermetti lill-parti innoċenti biex terġaʼ tiżżewweġ.
Xi ħaġa oħra hi li l-kliem tal-Bibbja li nsibu fl-1 Korintin 7:10-16, filwaqt li jinkuraġġixxi lill-imseħbin miżżewġin biex jibqgħu flimkien, jippermetti s-separazzjoni. Xi wħud, wara li jistinkaw ferm biex isalvaw iż-żwieġ tagħhom, iħossu li ma jkollhom l-ebda għażla oħra ħlief li jisseparaw. X’tistaʼ tkun bażi Skritturali aċċettabbli għal pass bħal dan?
Waħda hi nuqqas volontarju taʼ manteniment. Meta jiżżewweġ, raġel jerfaʼ r-responsabbiltà li jmantni lil martu u lil uliedu. Ir-raġel li minn rajh jonqos li jipprovdi l-bżonnijiet materjali għall-ħajja jkun “ċaħad il-fidi u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.” (1 Timotju 5:8) Mela s-separazzjoni hija possibbli.
Bażi oħra hi l-abbuż fiżiku estrem. Allura, jekk wieħed mill-miżżewġin jabbuża fiżikament mill-parti l-oħra, il-vittma tistaʼ tissepara. (Galatin 5:19-21; Titu 1:7) Alla “jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa.”—Salm 11:5.
Bażi oħra għal separazzjoni hija l-ipperikolar assolut taʼ l-ispiritwalità taʼ dak li jemmen—ir-relazzjoni tiegħu jew tagħha m’Alla. Meta parti fiż-żwieġ tkun topponi, forsi billi tuża l-forza fiżika, u jkun sar impossibbli għall-parti l-oħra li ssegwi l-qima vera u l-ispiritwalità tagħha tkun fil-periklu, xi wħud li jemmnu sabu li kien hemm bżonn li jisseparaw.a—Mattew 22:37; Atti 5:27-32.
Madankollu, jekk wieħed jikseb id-divorzju f’ċirkustanzi bħal dawn, ma jkunx ħieles li jerġaʼ jiżżewweġ. Skond il-Bibbja, l-unika bażi leġittima għal divorzju li tippermetti ż-żwieġ mill-ġdid hija l-adulterju jew “iż-żena.”—Mattew 5:32, KŻ.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Frar, 1989, paġni 9-10 għal diskussjoni dwar is-separazzjoni.
[Stampa f’paġna 9]
Iż-żwieġ għandu jitqies bħala arranġament dejjiemi
[Stampa f’paġna 10]
Ġesù qalilna li għandna naħfru “sebgħa u sebgħin darba”