2 Samwel
13 U ġara, wara dawn l-affarijiet, li Absalom,+ bin David, kellu oħtu jisimha Tamar,+ li kienet sabiħa, u Amnon,+ bin David, sar iħobbha.+ 2 U Amnon tant kien imnikket li marad+ minħabba oħtu Tamar, għaliex kienet verġni, u f’għajnejn+ Amnon kien diffiċli li jaqtaʼ xewqtu magħha.+ 3 Issa Amnon kellu sieħbu li kien jismu Ġeħonadab,+ bin Simegħah,+ ħu David; u Ġeħonadab kien raġel għaref ħafna. 4 Għalhekk, qallu: “Għala int, bin is-sultan, daqshekk imdejjaq, għodwa wara għodwa? Ma tgħidlix?”+ U Amnon wieġbu: “Sirt inħobb+ lil Tamar oħt+ ħija Absalom.” 5 U Ġeħonadab qallu: “Imtedd fuq soddtok u ilgħabha taʼ marid.+ U missierek żgur li jiġi jarak, u int għidlu, ‘Jekk jogħġbok, ħa tiġi oħti Tamar u tagħtini l-ħobż li jikkonsla lill-marid, u tqiegħdu taħt għajnejja sabiex narah, u jien niekol minn idha.’”+
6 Għaldaqstant, Amnon imtedd u lagħabha taʼ marid,+ u għalhekk is-sultan daħal jarah. Imbagħad Amnon qal lis-sultan: “Jekk jogħġbok, ħa tiġi oħti Tamar u taħmi żewġ ftajjar forma taʼ qalb quddiem għajnejja, sabiex nieħu minn idha l-ħobż bħala l-marid.” 7 U David bagħat jgħid lil Tamar id-dar: “Jekk jogħġbok, mur id-dar taʼ ħuk Amnon u agħmillu l-ħobż li jikkonslah.” 8 Għalhekk, Tamar marret id-dar taʼ ħuha Amnon+ waqt li kien mimdud. Imbagħad ħadet l-għaġina u għaġnitha u għamlet il-ftajjar taħt għajnejh u ħmiet il-ftajjar forma taʼ qalb. 9 Fl-aħħar ħadet il-kazzola u qalbet quddiemu, imma Amnon ma riedx jiekol u qal: “Ibagħtu lil kulħadd ’il barra minn ħdejja!”+ Imbagħad kulħadd ħareġ minn ħdejh.
10 Amnon issa qal lil Tamar: “Ġib il-ħobż li jikkonslani fil-kamra taʼ ġewwa, sabiex bħala l-marid nieħdu minn idek.” Għalhekk, Tamar ħadet il-ftajjar forma taʼ qalb li kienet għamlet u daħħlithom għand ħuha Amnon fil-kamra taʼ ġewwa. 11 Meta marret ħdejh biex tagħtih jiekol, hu mill-ewwel qabadha+ u qalilha: “Ejja, imtedd+ miegħi, oħti.”+ 12 Madankollu, hi qaltlu: “Le, ħija! Tumiljanix;+ għax din mhix xi ħaġa li s-soltu ssir f’Israel.+ Tagħmilx din il-bluha t’għajb.+ 13 U jien—jien fejn immur biż-żebliħ tiegħi? U int—int issir bħal wieħed mill-irġiel bla sens f’Israel. U issa kellem, jekk jogħġbok, lis-sultan; għax hu mhux se jċaħħdek minni.” 14 Imma hu ma riedx jismaʼ minn kliemha, imma għax kien b’saħħtu iktar minnha umiljaha+ u mtedd magħha.+ 15 U Amnon beda jobgħodha b’mibegħda kbira ferm, għaliex il-mibegħda li ħass għaliha kienet akbar mill-imħabba li biha kien ħabbha, u b’hekk Amnon qalilha: “Qum, itlaq ’l hemm!” 16 Għal dan, hi qaltlu: “Le, ħija; għax jekk tibgħatni din il-ħaġa ħażina tkun agħar mill-oħra li għamiltli!” Imma hu ma riedx jagħtiha widen.
17 Għalhekk, sejjaħ lill-qaddej tiegħu, li kien idur bih, u qallu: “Jekk jogħġbok, ibgħat lil din il-persuna ’l barra minn ħdejja u sakkar il-bieb warajha.” 18 (Issa fuqha kellha libsa twila bl-istrixxi;+ għax hekk kienu jilbsu l-bniet tas-sultan, il-verġni, ilbiesi bla kmiem.) Għalhekk, il-qaddej tiegħu ħadha dritt ’il barra u sakkar il-bieb warajha. 19 Imbagħad Tamar poġġiet l-irmied+ fuq rasha, u ċarrtet il-libsa twila bl-istrixxi li kellha fuqha; u żammet idejha fuq rasha+ u telqet bil-mixi, tgħajjat hi u miexja.
20 Għal dan, ħuha Absalom+ qalilha: “Jaqaw ħuk Amnon+ kien miegħek? U issa, oħti, iskot. Dak ħuk.+ Iżżommhiex f’qalbek din il-kwistjoni.” U Tamar, waqt li ma tħallietx tissieħeb m’oħrajn, bdiet tgħammar fid-dar taʼ ħuha Absalom. 21 U s-Sultan David semaʼ dwar dawn l-affarijiet kollha,+ u rrabja ħafna.+ 22 U Absalom ma kellmux lil Amnon, la ħażin u lanqas tajjeb; għax Absalom bagħad+ lil Amnon minħabba l-fatt li kien umilja lil oħtu Tamar.
23 U ġara wara sentejn sħaħ li Absalom kellu n-nies li jġiżżu n-nagħaġ+ f’Bagħal-ħasor, li qiegħda qrib Efrajm;+ u Absalom stieden lil ulied is-sultan kollha.+ 24 Għalhekk, Absalom daħal għand is-sultan u qallu: “Ara! Issa l-qaddej tiegħek għandu n-nies li jġiżżu n-nagħaġ! Ħa jiġi s-sultan, jekk jogħġbu, kif ukoll il-qaddejja tiegħu, mal-qaddej tiegħek.” 25 Imma s-sultan qal lil Absalom: “Le, ibni! Ħalli ma niġux ilkoll kemm aħna, jekk jogħġbok, sabiex ma nkunux taʼ piż fuqek.” Għalkemm baqaʼ jħeġġu,+ ma riedx imur imma bierku.+ 26 Fl-aħħar, Absalom qallu: “Jekk mhux int, ħa jiġi magħna ħija Amnon, jekk jogħġbok.”+ U s-sultan qallu: “Għala għandu jiġi miegħek?” 27 U Absalom beda jħeġġu,+ u b’hekk hu bagħat miegħu lil Amnon u lill-ulied kollha tas-sultan.
28 Imbagħad Absalom ordna lill-qaddejja tiegħu u qalilhom: “Jekk jogħġobkom, oqogħdu attenti li malli qalb Amnon tkun f’burdata ferriħija bl-inbid,+ u jien ngħidilkom, ‘Aħbtu għal Amnon!’ aqbdu u oqtluh. Tibżgħux.+ Mhux jien stess ordnajtilkom? Agħmlu l-ħila u uru li intom irġiel qalbenin.” 29 U lil Amnon il-qaddejja t’Absalom għamlulu sewwasew bħalma kien ordna Absalom;+ u wlied is-sultan l-oħrajn kollha qamu u rikbu, kull wieħed fuq il-bagħal tiegħu, u ħarbu. 30 U ġara li, huma u sejrin, lil David waslitlu l-aħbar li kienet tgħid: “Absalom qatel l-ulied kollha tas-sultan, u lanqas wieħed minnhom ma fadal.” 31 Għal dan, is-sultan qam u ċarrat ħwejġu+ u nxteħet fl-art,+ u l-qaddejja kollha tiegħu kienu weqfin ħdejh bl-ilbiesi tagħhom imċarrtin.+
32 Madankollu, Ġeħonadab,+ bin Simegħah,+ ħu David, wieġeb u qal: “Ħa ma jaħsibx sidi li huma ż-żgħażagħ kollha, ulied is-sultan, li nqatlu, għax Amnon biss miet,+ għaliex għall-ordni t’Absalom ġara dak li kien maħsub+ minn dakinhar li hu umilja+ lil oħtu+ Tamar. 33 U issa ħalli sidi s-sultan ma jżommx f’qalbu l-kelma u jgħid, ‘Ulied is-sultan kollha mietu’; imma hu Amnon biss li miet.”
34 Sadanittant, Absalom ħarab.+ Iktar tard iż-żagħżugħ, l-għassies,+ refaʼ għajnejh u ra, u, ara, kien hemm ħafna nies ġejjin mit-triq taʼ warajh mal-ġenb tal-muntanja. 35 Għal dan, Ġeħonadab+ qal lis-sultan: “Ara! Ulied is-sultan ġejjin. Kollox seħħ skond il-kelma tal-qaddej tiegħek.”+ 36 U ġara li, malli temm jitkellem, ulied is-sultan waslu, u bdew jgħollu leħinhom u jibku; u s-sultan ukoll u l-qaddejja kollha tiegħu bkew fuq li bkew. 37 Inkwantu għal Absalom, hu ħarab sabiex imur għand Talmaj,+ bin Għammiħud, is-sultan tal-Gesur.+ U David baqaʼ jitnikket+ minħabba ibnu l-jiem kollha. 38 U Absalom ħarab u mar il-Gesur;+ u qagħad hemmhekk tliet snin.
39 Fl-aħħar, David is-sultan kien imxennaq biex imur għand Absalom; għax hu kien tfarraġ dwar Amnon, għaliex kien mejjet.