Eżodu
35 Iktar tard Mosè sejjaħ lill-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel flimkien u qalilhom: “Dan hu l-kliem li kkmanda Ġeħova, biex nagħmluh:+ 2 F’sitt ijiem jistaʼ jsir ix-xogħol,+ imma s-sebaʼ jum isir għalikom xi ħaġa qaddisa, Sabat taʼ mistrieħ komplet lil Ġeħova. Kulmin jagħmel xi xogħol fih jingħata l-mewt.+ 3 Tkebbsux nar fi kwalunkwe post fejn tgħammru f’jum is-Sabat.”
4 U Mosè ssokta jgħid lill-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel: “Din hi l-kelma li kkmanda Ġeħova, meta qal, 5 ‘Minn fostkom iġbru kontribuzzjoni għal Ġeħova.+ Ħalli kulmin lest li jagħti minn qalbu+ jġibha bħala l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova, jiġifieri, deheb, fidda, ram aħmar,+ 6 ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat,* għażel fin, xagħar tal-mogħoż,+ 7 ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, ġlud tal-bumerin, injam taʼ l-akaċja, 8 żejt għad-dawwala, żejt tal-balzmu għaż-żejt tad-dlik u għall-inċens ifuħ,+ 9 u ħaġar taʼ l-oniċi u ħaġar ingastat għall-efod+ u għall-pettoral.+
10 “‘U ħalli kulmin hu tas-sengħa+ fostkom jiġi u jagħmel kulma kkmanda Ġeħova, 11 jiġifieri, it-tabernaklu bit-tinda tiegħu u bl-għata tiegħu, il-ganċijiet, it-twavel* tal-qafas, it-traversi, il-kolonni, u l-pedestalli bl-ingast tiegħu; 12 l-Arka+ u l-lasti tagħha,+ l-għatu+ u l-purtiera+ li tifred; 13 il-mejda+ u l-lasti tagħha u l-għodod kollha tagħha u l-ħobż tal-preżenza;+ 14 il-gandlier+ li jdawwal u l-għodod tiegħu u l-imsiebaħ tiegħu u ż-żejt+ għad-dawl; 15 l-artal taʼ l-inċens+ u l-lasti tiegħu; u ż-żejt tad-dlik u l-inċens ifuħ;+ il-purtiera għad-daħla tat-tabernaklu; 16 l-artal+ taʼ l-offerta tal-ħruq u l-gradilja tar-ram aħmar għalih, il-lasti tiegħu u l-għodod kollha tiegħu; il-vaska+ u l-bażi tagħha; 17 il-purtieri tal-bitħa,+ il-pilastri tagħha u l-pedestalli bl-ingast tagħha; u l-purtiera tad-daħla tal-bieb tal-bitħa; 18 l-imsiemer tat-tined tat-tabernaklu u l-imsiemer tat-tined tal-bitħa u l-ħbula tagħhom;+ 19 u l-ilbies+ minsuġ fin biex jaqdu bih fis-santwarju, l-ilbies qaddis+ għal Aron, il-qassis, u l-ilbies taʼ wliedu biex jaqdu bħala qassisin.’”
20 U l-ġemgħa kollha taʼ wlied Israel ħarġet minn quddiem Mosè. 21 Imbagħad ġew dawk kollha li qalbhom ġegħlithom+ u dawk kollha li l-ispirtu tagħhom qanqalhom u ġabu l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova għax-xogħol tat-tinda tal-laqgħa u għas-servizz kollu tagħha u għall-ilbies qaddis. 22 U baqgħu ġejjin, l-irġiel flimkien man-nisa, kulmin kien lest li jagħti minn qalbu. Ġabu labar, imsielet, ċrieket, u tiżjin tan-nisa, kull xorta t’oġġetti tad-deheb, jiġifieri, kulmin ippreżenta l-offerta tat-tixjir tad-deheb lil Ġeħova.+ 23 U kulmin instab li għandu ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, għażel fin, xagħar tal-mogħoż, ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor, u ġlud tal-bumerin, ġabhom.+ 24 Kulmin ta l-kontribuzzjoni taʼ fidda u ram aħmar ġab il-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova, u kulmin instab li għandu l-injam taʼ l-akaċja għax-xogħol kollu tas-servizz, ġabu.
25 U n-nisa kollha li kienu tas-sengħa+ nisġu b’idejhom, u bħala ħajt għall-insiġ baqgħu jġibu l-ħajt blu, is-suf miżbugħ vjola ħamrani, il-materjal lewn l-iskarlat, u l-għażel fin. 26 U n-nisa kollha tas-sengħa li qlubhom qanqluhom nisġu x-xagħar tal-mogħoż.
27 U l-kapijiet ewlenin ġabu l-ħaġar taʼ l-oniċi u l-ħaġar ingastat għall-efod u għall-pettoral,+ 28 u ż-żejt tal-balzmu u ż-żejt għad-dawl u għaż-żejt tad-dlik u għall-inċens ifuħ.+ 29 Kull raġel u mara li qlubhom qanqluhom biex iġibu xi ħaġa għax-xogħol kollu li Ġeħova kien ikkmandahom jagħmlu, permezz taʼ Mosè, ġabuha; ulied Israel ġabu offerta volontarja lil Ġeħova.+
30 Imbagħad Mosè qal lil ulied Israel: “Ara, Ġeħova sejjaħ b’ismu lil Besalel,+ bin Uri, bin Ħur, mit-tribù taʼ Ġuda. 31 U mlieh bl-ispirtu t’Alla fl-għerf, fl-abbiltà li jifhem, fl-għarfien, u f’kull xorta taʼ ħila fis-sengħa 32 u biex ifassal proġetti, biex jaħdem fid-deheb u l-fidda u r-ram aħmar,+ 33 u biex jaħdem il-ħaġar biex jingastah u jaħdem l-injam ħalli jagħmel oġġetti taʼ kull tip magħmulin b’sengħa kbira.+ 34 U daħħalhielu f’qalbu li għandu jgħallem, hu u Oħolijab,+ bin Aħisamak mit-tribù taʼ Dan. 35 Imlielhom qalbhom bl-għerf+ biex jagħmlu x-xogħol kollu taʼ bniedem tas-sengħa u taʼ min jirrakkma+ u taʼ min jinseġ bil-ħajt blu, bis-suf miżbugħ vjola ħamrani, bil-materjal lewn l-iskarlat, u bl-għażel fin, u taʼ min jinseġ bin-newl, irġiel li jagħmlu kull tip taʼ xogħol u tfassil taʼ proġetti.