Eżodu
36 “U Besalel irid jaħdem, kif ukoll Oħolijab+ u kull bniedem tas-sengħa li Ġeħova tah l-għerf+ u l-abbiltà li jifhem+ f’dawn l-affarijiet sabiex ikun jaf kif jagħmel ix-xogħol kollu tas-servizz qaddis skond kulma kkmanda Ġeħova.”+
2 U Mosè sejjaħ lil Besalel u lil Oħolijab u lil kull bniedem tas-sengħa li Ġeħova kien poġġielu l-għerf f’qalbu,+ kulmin qalbu qanqlitu biex jersaq ħalli jagħmel ix-xogħol.+ 3 Imbagħad ħadu minn quddiem Mosè l-kontribuzzjoni kollha+ li wlied Israel kienu ġabu għax-xogħol tas-servizz qaddis sabiex jagħmluh, u, inkwantu għal dawn taʼ l-aħħar, huma baqgħu jġibulu offerta volontarja għodwa wara għodwa.
4 U l-għorrief kollha li kienu qed jagħmlu x-xogħol qaddis kollu ġew wieħed wara l-ieħor minn fuq ix-xogħol tagħhom li kienu qed jagħmlu, 5 u qalu lil Mosè: “In-nies qed iġibu ħafna iktar milli hemm bżonn għas-servizz tax-xogħol li Ġeħova kkmanda li jsir.” 6 Għalhekk, Mosè ordna li għandhom joħorġu avviż mal-kamp kollu, li jgħid: “Irġiel u nisa, iġġibux iktar affarijiet għall-kontribuzzjoni qaddisa.” B’hekk, in-nies kienu miżmumin milli jġibu iżjed. 7 U kien hemm biżżejjed affarijiet, u iktar minn biżżejjed, għax-xogħol kollu li kellu jsir.
8 U dawk kollha tas-sengħa+ fost dawk li kienu qed jagħmlu x-xogħol bdew jagħmlu t-tabernaklu,+ l-għaxar biċċiet drapp tat-tined taʼ l-għażel fin mibrum, ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, u materjal lewn l-iskarlat;* bil-kerubini rrakkmati għamluhom, ix-xogħol taʼ wieħed tas-sengħa. 9 It-tul taʼ kull biċċa drapp tat-tined kien tmienja u għoxrin kubitu, u l-wisaʼ taʼ kull biċċa drapp tat-tined erbaʼ kubiti. Kien hemm qjies wieħed għall-bċejjeċ kollha tad-drapp tat-tined. 10 Imbagħad ġonġa ħames biċċiet drapp tat-tined waħda maʼ l-oħra,+ u l-ħames biċċiet drapp tat-tined l-oħrajn ġonġiehom waħda maʼ l-oħra. 11 Imbagħad għamel anelli tal-ħajt blu f’tarf biċċa waħda mid-drapp tat-tined, fil-post fejn jingħaqdu. Hu għamel l-istess f’tarf il-biċċa drapp tat-tined tat-tarfnett fil-post l-ieħor fejn jingħaqdu.+ 12 Għamel ħamsin anella fuq biċċa waħda mid-drapp tat-tined, u għamel ħamsin anella f’tarf il-biċċa drapp tat-tined li kienet fil-post l-ieħor fejn jingħaqdu, u b’hekk l-anelli kienu faċċata taʼ xulxin.+ 13 Fl-aħħar għamel ħamsin ganċ tad-deheb u ġonġa l-bċejjeċ tad-drapp tat-tined waħda maʼ l-oħra permezz tal-ganċijiet, u b’hekk it-tabernaklu sar ħaġa waħda.+
14 U ssokta jagħmel bċejjeċ tad-drapp tat-tined mix-xagħar tal-mogħoż għat-tinda taʼ fuq it-tabernaklu. Għamel ħdax-il biċċa drapp tat-tined.+ 15 It-tul taʼ kull biċċa drapp kien tletin kubitu, u l-wisaʼ taʼ kull biċċa drapp erbaʼ kubiti. Kien hemm qjies wieħed għall-ħdax-il biċċa drapp tat-tined.+ 16 Imbagħad ġonġa flimkien ħames biċċiet drapp għalihom u s-sitt biċċiet drapp l-oħrajn għalihom.+ 17 Imbagħad għamel ħamsin anella fit-tarf tal-biċċa drapp tat-tined tat-tarfnett fil-post fejn jingħaqdu, u għamel ħamsin anella fit-tarf tal-biċċa drapp tat-tined l-oħra li ġġonġiet magħha.+ 18 Wara dan, għamel ħamsin ganċ tar-ram aħmar biex iġonġi t-tinda flimkien biex issir biċċa waħda.+
19 U għamel għata għat-tinda mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u għata mill-ġlud tal-bumerin+ fuqnett.+
20 Imbagħad għamel it-twavel* weqfin għall-qafas tat-tabernaklu mill-injam taʼ l-akaċja.+ 21 It-tul taʼ tavla kien għaxar kubiti, u l-wisaʼ taʼ kull tavla kubitu u nofs.+ 22 Kull tavla kellha żewġ minċotti mwaħħlin wieħed maʼ l-ieħor. Hekk għamel bit-twavel kollha tal-qafas tat-tabernaklu.+ 23 Għalhekk, għamel it-twavel tal-qafas tat-tabernaklu, għoxrin tavla għall-ġenb li jħares lejn in-Negeb, lejn in-nofsinhar.+ 24 U għamel erbgħin pedestall bl-ingast tal-fidda għal taħt l-għoxrin tavla, żewġ pedestalli bl-ingast taħt tavla waħda biż-żewġ minċotti tagħha u żewġ pedestalli bl-ingast taħt it-tavla l-oħra biż-żewġ minċotti tagħha.+ 25 U għall-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu, in-naħa tat-tramuntana, għamel għoxrin tavla+ 26 u l-erbgħin pedestall bl-ingast tal-fidda tagħhom, żewġ pedestalli bl-ingast taħt tavla waħda u żewġ pedestalli bl-ingast taħt it-tavla l-oħra.+
27 U għan-naħa taʼ wara tat-tabernaklu lejn il-punent għamel sitt twavel.+ 28 U għamel żewġ twavel bħala pilastri għall-kantunieri tat-tabernaklu fuq iż-żewġ naħat taʼ wara tiegħu.+ 29 U kienu doppji n-naħa t’isfel u baqgħu telgħin pariġġ xulxin san-naħa taʼ fuq fejn kienu jingħaqdu flimkien fl-ewwel ħolqa. Hekk għamel lit-tnejn li huma, liż-żewġ pilastri għall-kantunieri.+ 30 Għalhekk, kien hemm tmien twavel u l-pedestalli bl-ingast tal-fidda tagħhom, sittax b’kollox, żewġ pedestalli bl-ingast ħdejn żewġ pedestalli bl-ingast taħt kull tavla.+
31 U ssokta jagħmel traversi mill-injam taʼ l-akaċja, ħamsa għat-twavel taʼ ġenb wieħed tat-tabernaklu+ 32 u ħames traversi għat-twavel tal-ġenb l-ieħor tat-tabernaklu u ħames traversi għat-twavel tal-qafas tat-tabernaklu għaż-żewġ naħat taʼ wara lejn il-punent.+ 33 Imbagħad għamel it-traversa tan-nofs tgħaddi minn nofs it-twavel minn tarf wieħed sa l-ieħor.+ 34 U kesa t-twavel bid-deheb, u l-ħoloq tagħhom għamilhom tad-deheb bħala appoġġ għat-traversi, u ssokta jiksi t-traversi bid-deheb.+
35 U għamel purtiera+ minn ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum. Għamilha bil-kerubini+ rrakkmati, ix-xogħol taʼ wieħed tas-sengħa. 36 Imbagħad għamlilha erbaʼ kolonni taʼ l-akaċja u ksiehom bid-deheb, u l-kavilji tagħhom kienu tad-deheb, u għamlilhom erbaʼ pedestalli bl-ingast mill-fidda mdewba.+ 37 U ssokta jagħmel purtiera għad-daħla tat-tinda minn ħajt blu, suf miżbugħ vjola ħamrani, materjal lewn l-iskarlat, u għażel fin mibrum, ix-xogħol taʼ nissieġ,+ 38 u l-ħames kolonni tagħha u l-kavilji tagħhom. U ksielhom il-parti taʼ fuq tagħhom u l-irbit tagħhom bid-deheb, imma l-ħames pedestalli bl-ingast tagħhom kienu tar-ram aħmar.+