Isaija
45 Hekk qal Ġeħova lill-midluk tiegħu,+ lil Ċiru, li qbadtlu idu l-leminija,+ biex irrażżan il-ġnus quddiemu,+ sabiex inneħħi l-ħżiem minn maʼ ġenbejn is-slaten; biex niftaħ quddiemu l-bibien li jintlewew fi tnejn, sabiex lanqas il-bibien tal-belt ma jingħalqu: 2 “Jien immur qablek,+ u nwitti l-ħotob taʼ l-art.+ Il-bibien tar-ram aħmar infarrakhom, u l-istaneg tal-ħadid inqaċċathom.+ 3 U nagħtik it-teżori+ fid-dlam u t-teżori moħbijin fil-postijiet misturin, sabiex tkun taf li jien Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, li qed insejjaħlek b’ismek.+ 4 Minħabba l-qaddej tiegħi Ġakobb u Israel il-magħżul tiegħi,+ jien sejjaħtlek b’ismek; tajtek isem t’unur, għalkemm ma kontx tafni.+ 5 Jien Ġeħova, u m’hemm ħadd ieħor.+ M’hemm ebda Alla għajri.+ Jien se nħażżmek sew, għalkemm ma kontx tafni, 6 sabiex in-nies ikunu jafu minn tlugħ ix-xemx u minn inżulha li m’hemm ħadd ħliefi.+ Jien Ġeħova, u m’hemm ħadd ieħor.+ 7 Nifforma d-dawl+ u noħloq id-dlam,+ nagħmel il-paċi+ u noħloq il-gwaj;+ jien, Ġeħova, qed nagħmel dawn l-affarijiet kollha.+
8 “O smewwiet, qattru minn fuq;+ u s-sema msaħħab ħa jraxxax is-sewwa.+ Ħa tinfetaħ l-art, u ħa tagħmel il-frott tas-salvazzjoni, u ħa tnibbet is-sewwa+ fl-istess ħin. Jien, Ġeħova, ħlaqtha.”+
9 Gwaj għal min iħaqqaqha maʼ Dak li sawru,+ bħalma biċċa fuħħar tħaqqaqha mal-biċċiet l-oħrajn tal-fuħħar taʼ l-art! Għandu t-tafal+ jgħid lil min sawru: “X’int tagħmel?” U l-prodott tiegħek jgħid: “M’għandux idejn”? 10 Gwaj għal min jgħid lil missier: “Dan x’nissilt?” u lill-mara: “Dan x’inhu li qed tħoss l-uġigħ tal-ħlas għalih?”+
11 Hekk qal Ġeħova, il-Qaddis taʼ Israel+ u Dak li sawru:+ “Staqsuni dwar l-affarijiet li ġejjin+ u li għandhom x’jaqsmu maʼ wliedi;+ u agħtuni kmandi dwar għemil+ idejja. 12 Jien għamilt l-art+ u jien ħlaqt il-bniedem fuqha.+ Jien, iva, idejja stess firxu s-smewwiet,+ u jien ikkmandajt l-armata kollha tagħhom.”+
13 “Jien stess qajjimt lil xi ħadd bis-sewwa,+ u niddrittalu triqatu kollha.+ Hu jkun dak li jibni l-belt tiegħi,+ u jħalli lill-eżiljati tiegħi jitilqu,+ mhux b’xi ħlas+ jew b’xi tixħim,” qal Ġeħova taʼ l-armati.
14 Hekk qal Ġeħova: “Il-ħaddiema mhux imħallsin taʼ l-Eġittu+ u l-merkanti taʼ l-Etjopja u s-Sabegħanin,+ irġiel twal,+ se jiġu għandek, u jsiru tiegħek.+ Warajk jimxu; fl-irbit+ ġejjin, u se jmilu quddiemek.+ Lilek se jitolbu, billi jgħidu, ‘Tabilħaqq, Alla qiegħed f’unjoni miegħek,+ u m’hemm ħadd ieħor; m’hemmx Alla ieħor.’”+
15 Tassew, int Alla li qed iżżomm ruħek moħbi,+ l-Alla taʼ Israel, Salvatur.+ 16 Se jistħu u jkunu umiljati, ilkoll kemm huma. Dawk li jaħdmu l-idoli se jkollhom jimxu flimkien b’umiljazzjoni.+ 17 Imma Israel se jiġi salvat, għax hu f’unjoni maʼ Ġeħova,+ b’salvazzjoni għal żminijiet indefiniti.+ Intom m’intomx se tistħu,+ u lanqas ma se tkunu umiljati+ għaż-żminijiet indefiniti taʼ l-eternità.
18 Għax hekk qal Ġeħova, il-Ħallieq tas-smewwiet,+ Hu l-Alla l-veru,+ Dak li sawwar l-art u li għamilha,+ Hu li stabbiliha fis-sod,+ li ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn, li sawwarha biex tkun abitata:+ “Jien Ġeħova, u m’hemm ħadd ieħor.+ 19 Ma tkellimtx f’post mistur,+ f’post mudlam taʼ l-art; u lanqas m’għedt lil nisel Ġakobb, ‘Fittxuni għalxejn.’+ Jien Ġeħova, li nitkellem dak li hu sewwa, ngħid dak li hu rett.+
20 “Inġabru u ejjew.+ Intom li ħrabtu mill-ġnus,+ ersqu viċin xulxin. Dawk li qed iġorru l-injam tax-xbieha skolpita tagħhom ma ħadux għarfien, u lanqas dawk li jitolbu lil alla li ma jistaʼ jsalva lil ħadd.+ 21 Irrapportaw u ppreżentaw il-każ tagħkom.+ Iva, ħa jikkonsultaw flimkien f’unità. Min semmaʼ dan minn żmien twil ilu?+ Min irrapportah minn dak iż-żmien?+ Mhux jien, Ġeħova, li ħliefi m’hemmx Alla ieħor;+ Alla ġust u Salvatur,+ li m’hemm ħadd ieħor għajri?+
22 “Duru lejja u salvaw,+ intom ilkoll fi truf l-art; għax jien Alla, u m’hemm ħadd ieħor.+ 23 Bija nnifsi ħlift+—minn fommi stess ħarġet il-kelma bis-sewwa,+ biex ma terġax lura+—li kull irkoppa tintlewa quddiemi,+ kull ilsien se jaħlifli,+ 24 billi jgħid, ‘Żgur li f’Ġeħova hemm is-sewwa sħiħ u s-saħħa.+ Dawk kollha li jitbaqbqu kontrih se jiġu dritt għandu u se jistħu.+ 25 Minħabba Ġeħova dawk kollha min-nisel+ taʼ Israel se jkunu fis-sewwa+ u se jiftaħru.’”+