Mattew
17 Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġakbu, u lil ħuh Ġwanni, u tellagħhom fuq muntanja għolja waħedhom.+ 2 U tbiddel quddiemhom, u wiċċu idda bħax-xemx,+ u ħwejġu bdew jixegħlu bħad-dawl.+ 3 U, ara! Dehrulhom Mosè u Elija jitkellmu miegħu.+ 4 Għaldaqstant, Pietru qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna qegħdin hawnhekk! Jekk trid, intellaʼ tliet tined hawnhekk, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.”+ 5 Waqt li kien għadu jitkellem, ara, sħaba tiddi għattiethom, u, ara, leħen minn ġos-sħaba qal: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt;+ isimgħu minnu.”+ 6 Malli semgħu dan id-dixxipli nxteħtu wiċċhom fl-art u ħakimhom biżaʼ kbir.+ 7 Imbagħad Ġesù resaq lejhom, messhom, u qalilhom: “Qumu u tibżgħux.”+ 8 Meta refgħu għajnejhom ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.+ 9 U kif kienu neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din il-viżjoni sakemm Bin il-bniedem jiġi mqajjem mill-imwiet.”+
10 U d-dixxipli staqsewh: “Allura l-iskribi għala jgħidu li Elija jrid jiġi l-ewwel?”+ 11 Wieġeb u qalilhom: “Iva, Elija ġej u se jġedded kollox.+ 12 Madankollu, jien ngħidilkom li Elija diġà ġie u m’għarfuhx imma għamlu bih dak li riedu. Hekk ukoll Bin il-bniedem għandu jsofri taħt idejhom.”+ 13 Imbagħad id-dixxipli fehmu li kien qed ikellimhom dwar Ġwanni l-Battista.+
14 U meta ġew ħdejn il-folla,+ resaq lejh wieħed raġel, niżel għarkopptejh quddiemu, u qallu: 15 “Mulej, ikollok ħniena minn ibni, għax hu epilettiku u marid, u sikwit jaqaʼ fin-nar u fl-ilma;+ 16 u ġibtu għand id-dixxipli tiegħek, imma ma setgħux ifejquh.”+ 17 Ġesù wieġeb u qal: “Ja ġenerazzjoni bla fidi u mgħawġa,+ kemm irrid indum magħkom? Kemm ħa ndum nissaportikom? Ġibuhuli hawn.” 18 Imbagħad Ġesù ċanfar lid-demonju u dan ħareġ minnu;+ u t-tifel fieq dak il-ħin stess.+ 19 Imbagħad id-dixxipli resqu lejn Ġesù waħedhom u qalulu: “Għala ma stajniex inkeċċuh?”+ 20 Qalilhom: “Minħabba l-fidi żgħira tagħkom. Għax tassew ngħidilkom, Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, tgħidu lil din il-muntanja, ‘Inqalaʼ minn hawn u mur hemm,’ u din tmur, u xejn ma jkun impossibbli għalikom.”+ 21* ——
22 Waqt li kienu miġburin flimkien fil-Galilija, Ġesù qalilhom: “Bin il-bniedem għandu jiġi tradut u jingħata f’idejn il-bnedmin,+ 23 u dawn joqtluh, u fit-tielet jum jiġi mqajjem.”+ Għaldaqstant tnikktu ferm.+
24 Wara li waslu Kafarnahum, l-irġiel li jiġbru t-taxxa taʼ żewġ drakmi resqu lejn Pietru u qalulu: “L-għalliem tagħkom ma jħallashiex it-taxxa taʼ żewġ drakmi?”+ 25 Qalilhom: “Iva.” Madankollu, meta daħal id-dar, Ġesù fil-pront bdielu d-diskors u qallu: “X’taħseb Xmun? Is-slaten taʼ l-art mingħand min jirċievu d-dazju jew it-taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-istranġieri?” 26 Meta qal: “Mingħand l-istranġieri,” Ġesù qallu: “Mela, allura, l-ulied huma ħielsa mit-taxxa. 27 Imma biex ma nfixkluhomx,+ mur sal-baħar, ixħet sunnara, u ħu l-ewwel ħuta li ttellaʼ u, meta tiftħilha ħalqha, issib munita taʼ stater. Ħudha u agħtihielhom għalija u għalik.”+