Mattew
27 Meta sebaħ, il-qassisin ewlenin u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt.+ 2 U, wara li rabtuh, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu, il-gvernatur.+
3 Imbagħad Ġuda, li ttradieh, x’ħin ra li kien ġie kundannat, ħass rimors u radd it-tletin biċċa tal-fidda+ lill-qassisin ewlenin u lix-xjuħ, 4 u qalilhom: “Dnibt meta ttradejt demm ġust.”+ Qalulu: “Aħna x’għandna x’naqsmu? Dak arah int!”+ 5 Għalhekk, tefaʼ l-biċċiet tal-fidda fit-tempju u telaq, u mar tgħallaq.+ 6 Imma l-qassisin ewlenin ħadu l-biċċiet tal-fidda u qalu: “Skond il-liġi, ma nistgħux nitfgħuhom fit-teżorerija sagra, għax huma l-prezz tad-demm.” 7 Ftiehmu bejniethom u xtraw bihom l-għalqa tal-fuħħari biex jidfnu fiha lill-istranġieri. 8 Għalhekk, din l-għalqa għadha tissejjaħ “L-Għalqa tad-Demm”+ sal-ġurnata taʼ llum. 9 Imbagħad twettaq dak li ntqal permezz tal-profeta Ġeremija:* “U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda,+ il-prezz li xi wħud minn ulied Israel qablu li jħallsu għalih, 10 u tawhom għall-għalqa tal-fuħħari,+ skond ma kien ordnali Ġeħova.”
11 Issa Ġesù kien wieqaf quddiem il-gvernatur; u l-gvernatur staqsieh: “Int is-sultan tal-Lhud?”+ Wieġeb Ġesù: “Int stess qed tgħidu.”+ 12 Imma, waqt li kien qed jiġi akkużat+ mill-qassisin ewlenin u x-xjuħ, hu ma wieġeb xejn.+ 13 Imbagħad Pilatu qallu: “M’intix tismaʼ kemm qed jixhdu affarijiet kontrik?”+ 14 Madankollu, hu ma wiġbux, le, lanqas kelma waħda, tant li l-gvernatur stagħġeb ferm.+
15 Issa kienet id-drawwa tal-gvernatur li minn festa għal oħra jeħles priġunier lill-folla, lil min riedu.+ 16 Dik il-ħabta kien qed jinżamm priġunier magħruf li kien jismu Barabba.+ 17 Għalhekk, meta kienu miġburin flimkien Pilatu qalilhom: “Lil min triduni neħilsilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-Kristu?”+ 18 Għax intebaħ li kien minħabba l-għira+ li kienu tawhulu f’idejh.+ 19 Iktar minn hekk, waqt li kien bil-qiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju, martu bagħtet tgħidlu: “Qis li ma jkollokx x’taqsam maʼ dak ir-raġel sewwa,+ għax batejt ħafna llum f’ħolma+ minħabba fih.” 20 Imma l-qassisin ewlenin u x-xjuħ ipperswadew lill-folol biex jitolbuh lil Barabba+ u biex jeqred lil Ġesù. 21 Issa l-gvernatur wieġeb u qalilhom: “Lil min triduni neħilsilkom minnhom it-tnejn?” Qalulu: “Lil Barabba.”+ 22 Qalilhom Pilatu: “Allura, x’se nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Kristu?” Qalulu lkoll: “Sammru maʼ zokk!”+ 23 Hu qal: “Għala, x’għamel ħażin?” Iżda iktar bdew jgħajtu: “Sammru maʼ zokk!”+
24 Meta ra li kien għalxejn, anzi, kienet ħa tqum rewwixta, Pilatu ħa l-ilma+ u ħasel idejh quddiem il-folla u qal: “Jien innoċenti mid-demm taʼ dan ir-raġel. Araw intom.” 25 Għal dan, in-nies kollha wieġbu: “Demmu fuqna u fuq uliedna.”+ 26 Imbagħad ħelsilhom lil Barabba, imma lil Ġesù fflaġellah+ u tahulhom biex isammruh maʼ zokk.+
27 Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-palazz tal-gvernatur u ġabru madwaru l-ġemgħa kollha tat-truppi.+ 28 U neżżgħulu ħwejġu u libbsuh mantar lewn l-iskarlat,+ 29 u nisġu kuruna mix-xewk u poġġewhielu fuq rasu u qegħdulu qasba f’idu l-leminija. U niżlu għarkopptejhom quddiemu u, biex jiżżuffjettaw bih,+ qalulu: “Is-sliem għalik, Sultan tal-Lhud!”+ 30 U beżqulu+ u ħadulu l-qasba u bdew jagħtuh biha fuq rasu. 31 Fl-aħħar, wara li xebgħu jiżżuffjettaw bih,+ neħħewlu l-mantar u libbsuh ħwejġu u ħaduh biex isammruh maʼ zokk.+
32 Huma u ħerġin sabu raġel minn Ċirene jismu Xmun.+ Lil dan ġegħluh jerfagħlu z-zokk tat-tortura. 33 U meta ġew f’post li jgħidulu Golgota,+ jiġifieri, Post il-Qorriegħa, 34 tawh jixrob inbid imħallat b’xi ħaġa morra;+ imma, wara li daqu, ma riedx jixorbu.+ 35 Wara li sammruh maz-zokk+ qassmu ħwejġu+ billi tellgħuhom bix-xorti,+ 36 u ntefgħu bil-qiegħda u qagħdu hemmhekk għassa miegħu. 37 U fuq rasu waħħlu kitba bl-akkuża kontrih: “Dan hu Ġesù s-Sultan tal-Lhud.”+
38 Imbagħad miegħu tpoġġew fuq zokk żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħu.+ 39 Dawk li kienu għaddejjin minn hemmhekk bdew jgħajruh,+ ixenglu rashom,+ 40 u jgħidulu: “Int li kellek twaqqaʼ t-tempju+ u tibnih fi tlett ijiem, salva lilek innifsek! Jekk int bin Alla, inżel minn fuq iz-zokk tat-tortura!”+ 41 Bl-istess mod ukoll il-qassisin ewlenin flimkien maʼ l-iskribi u x-xjuħ bdew jiżżuffjettaw bih u jgħidu:+ 42 “Salva lil oħrajn; lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-Sultan+ taʼ Israel; ħa jinżel issa minn fuq iz-zokk tat-tortura u nemmnu fih.+ 43 Hu poġġa l-fiduċja tiegħu f’Alla; ħa jeħilsu+ Hu issa jekk iridu, għax hu qal, ‘Jien Bin Alla.’”+ 44 Anki l-ħallelin li kienu tpoġġew bħalu fuq zokk bdew iżebilħuh bl-istess mod.+
45 Mis-sitt siegħa* waqgħet dalma+ fuq l-art kollha, sad-disaʼ siegħa.*+ 46 Madwar id-disaʼ siegħa Ġesù għajjat b’leħen għoli u qal: “Eli, Eli, lama sabaqtani?” jiġifieri, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?”+ 47 Malli semgħu dan, xi wħud minn dawk li kienu weqfin hemmhekk bdew jgħidu: “Dan ir-raġel qed isejjaħ lil Elija.”*+ 48 U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża, xarrabha bl-inbid qares,+ poġġieha fuq qasba, u tah jixrob.+ 49 Imma l-oħrajn qalu: “Ħallih! Ħa naraw jekk Elija jiġix isalvah.”+ [[Raġel ieħor qabad lanza u nifidlu ġenbu, u ħareġ demm u ilma.]]+ 50 Ġesù reġaʼ għajjat b’leħen għoli, u radd l-ispirtu tiegħu.+
51 U, ara, il-purtiera+ tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn, minn fuq s’isfel,+ u l-art theżżet, u l-blat inqasam.+ 52 U l-oqbra tat-tifkira nfetħu u ntefgħu ’l barra ħafna iġsma tal-qaddisin li kienu raqdu, 53 u bdew jarawhom ħafna nies (u dawn in-nies ħarġu minn qalb l-oqbra tat-tifkira wara li ġie mqajjem u daħlu fil-belt qaddisa).+ 54 Imma l-fizzjal taʼ l-armata u dawk li kienu miegħu jgħassu lil Ġesù, meta raw it-terremot u dak li kien qed jiġri, beżgħu ferm u qalu: “Żgur li dan kien Bin Alla.”+
55 Iktar minn hekk, ħafna nisa, li kienu akkumpanjaw lil Ġesù mill-Galilija biex jaqduh,+ kienu qed iħarsu mill-bogħod;+ 56 fosthom kien hemm Marija l-Maddalena, ukoll Marija omm Ġakbu u Ġosè, u omm ulied Żebedew.+
57 Issa, billi kien tard wara nofsinhar, ġie raġel għani minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li wkoll kien sar dixxiplu taʼ Ġesù.+ 58 Dan ir-raġel mar għand Pilatu u talbu l-ġisem taʼ Ġesù.+ Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu.+ 59 U Ġużeppi ħa l-ġisem, keffnu fl-għażel fin u nadif,+ 60 u poġġieh fil-qabar tat-tifkira ġdid tiegħu+ li kien ħaffer fil-blat. U, wara li gerbeb ġebla kbira mal-bieb tal-qabar tat-tifkira, telaq.+ 61 Imma Marija l-Maddalena u Marija l-oħra baqgħu hemmhekk, bil-qiegħda quddiem il-qabar.+
62 L-għada, li kien wara jum it-Tħejjija,*+ il-qassisin ewlenin u l-Fariżej inġabru quddiem Pilatu 63 u qalulu: “Sinjur, ftakarna li dak l-impustur, meta kien għadu ħaj, qal, ‘Wara tlett ijiem+ niġi mqajjem.’ 64 Għalhekk, ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli jisirquh+ u jgħidu lin-nies, ‘Ġie mqajjem mill-imwiet!’ u dan l-ingann taʼ l-aħħar ikun agħar minn taʼ l-ewwel.” 65 Qalilhom Pilatu: “Għandkom l-għassa.+ Morru u ħarsuh tajjeb kif tafu intom.” 66 Għalhekk, biex il-qabar ikun imħares tajjeb, marru jissiġillaw il-ġebla+ u ħallew l-għassa miegħu.