1 Korintin
11 Imitaw lili, bħalma jien nimita lil Kristu.+
2 Issa nfaħħarkom għax f’kollox tiftakru fija u qed iżżommu sod mat-tradizzjonijiet+ eżatt kif għaddejthomlkom. 3 Imma rridkom tkunu tafu li l-kap taʼ kull raġel hu l-Kristu;+ u l-kap tal-mara hu r-raġel;+ u l-kap tal-Kristu hu Alla.+ 4 Kull raġel li jitlob jew jipprofetizza b’rasu mgħottija jagħmel għajb lil rasu;+ 5 imma kull mara li titlob jew tipprofetizza+ u ma jkollhiex rasha mgħottija tagħmel għajb lil rasha,+ għax hi l-istess ħaġa bħallikieku kellha rasha mqaxxra.+ 6 Għax jekk mara ma titgħattiex, ħa tqarweż rasha; imma jekk hu għajb għal mara li tqarweż jew tqaxxar rasha,+ ħa titgħatta.+
7 Għax raġel m’għandux ikollu rasu mgħottija, peress li hu x-xbieha+ u l-glorja t’Alla;+ imma l-mara hi l-glorja tar-raġel.+ 8 Għax ir-raġel mhux ġej mill-mara, imma l-mara mir-raġel;+ 9 u, iktar minn hekk, ir-raġel ma kienx maħluq għall-mara, imma l-mara għar-raġel.+ 10 Huwa għalhekk li l-mara għandu jkollha sinjal t’awtorità fuq rasha,+ minħabba l-anġli.+
11 Minbarra dan, fil-Mulej, la l-mara m’hi mingħajr ir-raġel u lanqas ir-raġel m’hu mingħajr il-mara.+ 12 Għax bħalma l-mara ġejja mir-raġel,+ hekk ukoll ir-raġel ġej permezz tal-mara;+ imma kollox ġej minn Alla.+ 13 Iġġudikaw intom stess: Hu xieraq li mara titlob lil Alla mingħajr ma jkollha rasha mgħottija? 14 Ma tgħallimkomx in-natura stess li jekk raġel ikollu xagħru twil, dan ikun diżunur għalih, 15 imma jekk mara jkollha xagħarha twil, dan ikun glorja+ għaliha? Għax xagħarha hu mogħti lilha minflok għata tar-ras.+ 16 Madankollu, jekk xi ħadd donnu jrid jiddibatti+ favur xi drawwa oħra,+ aħna m’għandniex drawwa oħra, u lanqas il-kongregazzjonijiet t’Alla.
17 Imma, waqt li nagħtikom dawn l-istruzzjonijiet, ma nfaħħarkomx, għax m’intomx tiltaqgħu flimkien għat-tajjeb, imma għall-ħażin.+ 18 Għax qabel xejn, qed nismaʼ li hemm xi firdiet fostkom+ meta tiltaqgħu flimkien fil-kongregazzjoni; u sa ċertu punt nemmnu dan. 19 Għax fostkom bilfors li jrid ikun hemm ukoll is-setet,+ sabiex anki min hu approvat ikun jidher fostkom.+
20 Għalhekk, meta tiltaqgħu flimkien f’post wieħed, mhux possibbli li tieklu l-ikla taʼ fil-għaxija tal-Mulej kif jixraq.+ 21 Għax, meta tieklu din l-ikla, kull wieħed minnkom ikun diġà ħa l-ikla taʼ fil-għaxija tiegħu, u b’hekk min ikun bil-ġuħ u min ikun fis-sakra. 22 Żgur li għandkom djar fejn tieklu u tixorbu, hux hekk?+ Jew tistmerru l-kongregazzjoni t’Alla, u lil dawk li m’għandhom xejn+ iġġegħluhom jistħu? X’ngħidilkom? Infaħħarkom? F’dan ma nfaħħarkomx.
23 Għax jien irċivejt mingħand il-Mulej dak li wkoll għaddejtilkom: li, fil-lejl+ li kien se jiġi tradut, il-Mulej Ġesù ħa ħobża 24 u wara li radd ħajr qasamha+ u qal: “Dan il-ħobż jirrappreżenta* ġismi+ li se jingħata għalikom. Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira+ tiegħi.” 25 U għamel l-istess bil-kies+ ukoll u, wara l-ikla taʼ fil-għaxija, qal: “Dan il-kies jirrappreżenta l-patt il-ġdid+ konfermat b’demmi.+ Ibqgħu agħmlu dan, kull darba li tixorbuh, b’tifkira+ tiegħi.” 26 Għax kull darba+ li tieklu din il-ħobża u tixorbu dan il-kies, tibqgħu xxandru l-mewt+ tal-Mulej, sakemm jasal.+
27 Għaldaqstant, kulmin jiekol il-ħobża jew jixrob il-kies tal-Mulej, mingħajr ma jkun jistħoqqlu, ikun ħati+ tal-ġisem u d-demm+ tal-Mulej. 28 L-ewwel, ħa jgħarbel lilu nnifsu l-bniedem u jara li jkun jistħoqqlu,+ u mbagħad jiekol mill-ħobża u jixrob mill-kies. 29 Għax min jiekol u jixrob, jiekol u jixrob il-ġudizzju+ kontra tiegħu stess jekk ma jagħrafx il-ġisem. 30 Huwa għalhekk li ħafna fostkom huma dgħajfin u morda, u għadd ġmielu huma reqdin+ fil-mewt. 31 Imma jekk nagħrfu x’aħna, ma niġux ġudikati.+ 32 Madankollu, meta niġu ġudikati,+ niġu dixxiplinati minn Ġeħova,+ u b’hekk ma niġux kundannati+ mad-dinja.+ 33 Għaldaqstant, ħuti, meta tiltaqgħu flimkien biex tieklu din l-ikla,+ stennew lil xulxin. 34 Jekk xi ħadd ikun bil-ġuħ, ħa jiekol id-dar,+ biex ma tiltaqgħux flimkien għall-ġudizzju.+ Issa l-kwistjonijiet li fadal nieħu ħsiebhom meta nasal hemmhekk.