Filippin
2 Mela, jekk għandkom xi inkuraġġiment fi Kristu,+ xi konsolazzjoni taʼ mħabba, xi interess f’xulxin,+ xi affezzjoni tenera+ u mogħdrija, 2 imlewni bil-ferħ billi jkollkom l-istess fehma+ u l-istess imħabba. Kunu magħqudin ruħ waħda u żommu ħsieb wieħed f’moħħkom,+ 3 waqt li ma tagħmlu xejn bi ġlied+ jew bi kburija,+ imma b’umiltà tqisu lill-oħrajn superjuri+ għalikom. 4 Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss,+ imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.+
5 Żommu din l-attitudni mentali fikom li kienet ukoll fi Kristu Ġesù,+ 6 li, għalkemm kien jeżisti fis-sura t’Alla,+ ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla.+ 7 Le, iżda xejjen lilu nnifsu u ħa s-sura taʼ lsir+ u sar jixbah lill-bnedmin.+ 8 Iktar minn hekk, meta sab ruħu f’għamla taʼ bniedem,+ umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-mewt,+ iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura.+ 9 Kien ukoll għalhekk li Alla eżaltah għal pożizzjoni superjuri+ u b’qalb tajba tah l-isem li hu fuq kull isem ieħor,+ 10 sabiex f’isem Ġesù tintlewa kull irkoppa fis-sema, fuq l-art, u taħt l-art,+ 11 u kull ilsien jistqarr+ quddiem kulħadd li Ġesù Kristu hu Mulej+ għall-glorja t’Alla l-Missier.+
12 Għaldaqstant, maħbubin tiegħi, bħalma dejjem obdejtu,+ mhux biss fil-preżenza tiegħi, imma bil-wisq iktar issa li m’iniex magħkom, ibqgħu wettqu s-salvazzjoni tagħkom bil-biżaʼ+ u t-tregħid; 13 għax Alla hu dak li, għax hekk għoġbu, qed jaħdem fikom+ kemm biex ikollkom ir-rieda u kemm biex taġixxu.+ 14 Ibqgħu agħmlu kollox bla tgergir+ u argumenti,+ 15 sabiex issiru bla ħtija+ u innoċenti, tfal+ t’Alla bla difett fost ġenerazzjoni mgħawġa u maqluba,+ li fiha qed tiddu bħala dawwala fid-dinja,+ 16 waqt li żżommu qabda soda mal-kelma tal-ħajja,+ biex ikolli għalxiex nifraħ bil-kbir f’jum Kristu,+ li ma nkunx ġrejt jew ħdimt iebes għalxejn.+ 17 Minkejja dan, anki jekk qed niġi mferraʼ bħal offerta tax-xorb+ fuq is-sagrifiċċju+ u s-servizz pubbliku li l-fidi wasslitkom għalihom,+ jien kuntent u nifraħ+ magħkom ilkoll. 18 Issa, bl-istess mod, kunu kuntenti u ifirħu miegħi intom ukoll.+
19 Jien qed nittama fil-Mulej Ġesù li nibagħtilkom lil Timotju dalwaqt, sabiex inkun nistaʼ nieħu r-ruħ+ meta nieħu aħbarkom. 20 Għax m’għandi lil ħadd bl-istess attitudni tiegħu li se jieħu ħsieb ġenwinament+ dak li għandu x’jaqsam magħkom. 21 Għax l-oħrajn kollha qed ifittxu l-interessi tagħhom stess,+ mhux dawk taʼ Kristu Ġesù. 22 Imma intom tafu xi prova ta tiegħu nnifsu, li bħal iben+ maʼ missieru tjassar miegħi biex iġib l-aħbar tajba ’l quddiem. 23 Għalhekk, dan hu r-raġel li qed nittama li nibagħtilkom malli nara kif sejrin l-affarijiet tiegħi. 24 Tabilħaqq, jien fiduċjuż fil-Mulej li anki jien se niġi dalwaqt.+
25 Madankollu, inqis li hu neċessarju li nibagħtilkom lil Epafroditu,+ ħija u ħaddiem+ u suldat sieħbi,+ imma li intom bgħattuh biex jaqdini fil-bżonnijiet tiegħi, 26 peress li jixtieq ħafna jarakom ilkoll u hu mdejjaq għaliex smajtu li kien marad. 27 Iva, tabilħaqq, hu marad u kien se jmut; imma Alla ħenn+ għalih, fil-fatt, mhux għalih biss, imma għalija wkoll, biex ma jkollix niket fuq ieħor. 28 Għalhekk qed infittex li nibagħtu malajr, biex malli terġgħu tarawh tkunu tistgħu tifirħu u jien inkun iktar ħieles min-niket. 29 Għalhekk, agħtuh merħba+ kif jixraq fil-Mulej bil-ferħ kollu; u nies bħalu ibqgħu għożżuhom,+ 30 għax minħabba x-xogħol tal-Mulej hu kien għoddu miet, billi poġġa ruħu fil-periklu,+ sabiex ipatti bis-sħiħ għalikom għax m’intomx hawn biex taqduni.+