Imħallfin
21 Issa l-irġiel taʼ Israel kienu għamlu ħalfa f’Mispa,+ u qalu: “Ħadd minna ma se jagħti lil bintu lil Benjamin b’martu.”+ 2 Għaldaqstant, il-poplu ġie Betel,+ u baqgħu bil-qiegħda hemmhekk quddiem l-Alla l-veru+ sa fil-għaxija u qagħdu jgħollu leħinhom u jibku biki kbir.+ 3 U qalu: “Għala, O Ġeħova l-Alla taʼ Israel, ġara dan f’Israel, li llum jonqos tribù minn Israel?”+ 4 U ġara l-għada li l-poplu qam kmieni u bena artal hemmhekk u offra offerti tal-ħruq+ u offerti taʼ sħubija.+
5 Imbagħad ulied Israel qalu: “Min mit-tribujiet kollha taʼ Israel ma telax mal-kongregazzjoni quddiem Ġeħova? Għax saret ħalfa kbira+ dwar il-wieħed li ma telax quddiem Ġeħova f’Mispa, li tgħid, ‘Ħa jingħata l-mewt żgur.’”+ 6 U wlied Israel beda jiddispjaċihom għal ħuhom Benjamin. Għalhekk, qalu: “Illum tqaċċat tribù wieħed minn maʼ Israel. 7 X’se nagħmlulhom lil dawk li fadal biex ikollhom mara, issa li ħlifna+ b’Ġeħova li ma nagħtuhom lil ħadd mill-bniet tagħna b’marthom?”+
8 U huma qalu: “Liema wieħed mit-tribujiet taʼ Israel ma telax quddiem Ġeħova f’Mispa?”+ U, ara, ħadd minn Ġabes-gilegħad+ ma kien ġie fil-kamp mal-kongregazzjoni. 9 Meta l-poplu kien magħdud, ara, ma kien hemm ħadd mill-abitanti taʼ Ġabes-gilegħad. 10 Għalhekk, il-ġemgħa bagħtet tnax-il elf mill-iktar irġiel qalbenin li kien hemm u kkmandathom: “Morru, u aħbtu għall-abitanti taʼ Ġabes-gilegħad b’xifer is-sejf, għan-nisa u t-tfal ukoll.+ 11 U agħmlu hekk: Kulmin hu tas-sess maskil u kull mara li mteddet maʼ xi ħadd tas-sess maskil għandkom teqirduhom.”*+ 12 Madankollu, fost l-abitanti taʼ Ġabes-gilegħad+ sabu erbaʼ mitt tfajla, verġni,+ li qatt ma mteddew maʼ raġel biex ikollhom x’jaqsmu miegħu. U ġabuhom lejn il-kamp f’Silo,+ fl-art taʼ Kangħan.
13 U l-ġemgħa kollha bagħtet lil xi wħud ikellmu lil ulied Benjamin li kienu fuq il-blata taʼ Rimmon+ u offrewlhom il-paċi. 14 Għaldaqstant, f’dak iż-żmien ulied Benjamin ġew lura. Imbagħad tawhom in-nisa li kienu żammew ħajjin min-nisa taʼ Ġabes-gilegħad;+ imma ma sabulhomx biżżejjed.+ 15 U l-poplu ddispjaċieh għal Benjamin+ għax Ġeħova kien għamel tiċrita fit-tribujiet taʼ Israel. 16 Għaldaqstant, ix-xjuħ tal-ġemgħa qalu: “X’se nagħmlulhom lill-irġiel li fadal biex ikollhom mara, għax in-nisa nqerdu għalkollox minn Benjamin?” 17 Imbagħad qalu: “Għandha tingħata proprjetà lil ulied Benjamin li ħarbu,+ biex ma jinqeridx tribù minn Israel. 18 Inkwantu għalina, ma nistgħux nagħtuhom nisa minn uliedna l-bniet, għax ulied Israel ħalfu, u qalu, ‘Misħut dak li jagħti mara lil Benjamin.’”+
19 Fl-aħħarnett qalu: “Ara! Minn sena għal sena jkun hemm festa taʼ Ġeħova f’Silo,+ li qiegħda lejn it-tramuntana taʼ Betel, lejn il-lvant tat-triq ewlenija li titlaʼ minn Betel għal Sikem+ u lejn in-nofsinhar taʼ Lebona.” 20 Għalhekk, huma kkmandaw lil ulied Benjamin, u qalulhom: “Morru u oqogħdu għal-lest fl-għelieqi tad-dwieli. 21 U tridu tħarsu, u meta l-ulied bniet taʼ Silo joħorġu jiżfnu,*+ oħorġu mill-għelieqi tad-dwieli u kull wieħed minnkom jaħtaf mara għalih bil-forza mill-bniet taʼ Silo, u morru lejn art Benjamin. 22 U jrid iseħħ li jekk missirijiethom jew ħuthom subien jiġu jippreżentaw kawża legali kontrina, aħna ngħidulhom, ‘Ħennu għalina minħabba fihom, għax fil-gwerra aħna ma ħadniex mara għal kull wieħed minnhom.+ Barra minn hekk, ma kontux intom li tajtuhomlhom għax kieku kontu ssiru ħatjin.’”+
23 Fi qbil maʼ dan, ulied Benjamin għamlu preċiż hekk, u ħadu nisa għalihom skond l-għadd tagħhom+ min-nisa li kienu qed jiżfnu+ dawramejt u ħatfuhom; u wara dan telqu u reġgħu lura lejn wirthom u bnew il-bliet+ u bdew jgħammru fihom.
24 U f’dak iż-żmien ulied Israel xterdu minn hemmhekk, kull wieħed lejn it-tribù tiegħu u l-familja tiegħu; u telqu minn hemmhekk, kull wieħed lejn wirtu.+
25 F’dawk il-jiem ma kienx hemm sultan f’Israel.+ Kulħadd kien imdorri jagħmel skond ma kien jidhirlu li hu sewwa f’għajnejh.+