2 Samwel
5 Maż-żmien, it-tribujiet kollha taʼ Israel ġew għand David+ f’Ħebron+ u qalulu: “Ara! Aħna għadmek u laħmek.+ 2 Kemm il-bieraħ u kemm qabel,+ waqt li Sawl kien sultan fuqna, int stess kont dak li toħroġ u ddaħħal lil Israel.+ U Ġeħova qallek, ‘Int stess tirgħa+ lill-poplu tiegħi Israel u int stess issir mexxej+ fuq Israel.’” 3 Għalhekk, ix-xjuħ+ kollha taʼ Israel ġew għand is-sultan f’Ħebron, u s-Sultan David għamel patt+ magħhom f’Ħebron quddiem Ġeħova; imbagħad huma dilku+ lil David bħala sultan fuq Israel.+
4 Tletin sena kellu David meta sar sultan. Erbgħin sena+ dam isaltan. 5 F’Ħebron saltan fuq Ġuda għal sebaʼ snin u sitt xhur;+ u f’Ġerusalemm+ saltan għal tlieta u tletin sena fuq Israel kollu u fuq Ġuda. 6 Għaldaqstant, is-sultan u l-irġiel tiegħu marru Ġerusalemm kontra l-Ġebusin,+ li kienu jgħammru fil-pajjiż, u dawn qalu lil David: “Int ma tidħolx hawnhekk, imma l-għomja u z-zopop żgur li jkeċċuk,”+ għax ħasbu: “David ma jidħolx hawnhekk.” 7 Iżda David xorta waħda ħa taħt idejh il-fortizza taʼ Sijon,+ jiġifieri, il-Belt taʼ David.+ 8 Għalhekk, David dakinhar qal: “Min jaħbat għall-Ġebusin,+ ħa jidħol minn ġol-mina taʼ l-ilma+ u jattakka kemm liz-zopp u kemm lill-agħma, mibgħudin minn David!” Huwa għalhekk li jgħidu: “L-agħma u z-zopp ma jidħlux fid-dar.” 9 U David beda jgħammar fil-fortizza, u din bdiet tissejjaħ il-Belt taʼ David; u David beda jibni dawramejt mill-Għolja*+ ’l ġewwa. 10 B’hekk, David baqaʼ jikber u jikber,+ u Ġeħova, l-Alla taʼ l-armati,+ kien miegħu.+
11 U Ħiram,+ is-sultan taʼ Tir, bagħat messaġġiera+ għand David, kif ukoll siġar taċ-ċedru+ u ħaddiema fl-injam u ħaddiema fil-ġebel għall-ħitan, u dawn bnew dar għal David.+ 12 U David sar jaf li Ġeħova kien stabbilieh fis-sod bħala sultan fuq Israel+ u li kien eżalta+ s-saltna tiegħu minħabba l-poplu tiegħu Israel.+
13 Sadanittant, David issokta jieħu iktar konkubini+ u nisa+ minn Ġerusalemm wara li ġie minn Ħebron; u lil David komplew jitwildulu iktar subien u bniet. 14 U dawn huma l-ismijiet taʼ dawk li twildulu f’Ġerusalemm: Sammugħa,+ Sobab,+ Natan,+ Salamun,+ 15 Ibħar, Elisugħa,+ Nefeg,+ Ġafigħa,+ 16 Elisama,+ Eljada, u Elifelet.+
17 U l-Filistin semgħu li kienu dilku lil David bħala sultan fuq Israel.+ Għalhekk, il-Filistin kollha telgħu jfittxu lil David. Meta David semaʼ b’dan, niżel lejn il-post diffiċli biex jintlaħaq.+ 18 U l-Filistin, min-naħa tagħhom, ġew u qagħdu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn fil-pjanura l-baxxa taʼ Refajm biex jisirqu.+ 19 U David staqsa+ lil Ġeħova u qallu: “Nitlaʼ kontra l-Filistin? Tagħtihomli f’idejja?” U Ġeħova wieġeb lil David: “Itlaʼ, għax jien żgur li nagħtik il-Filistin f’idejk.”+ 20 Għalhekk, David wasal Bagħal-perasim,+ u David qatilhom hemmhekk. U qal: “Ġeħova mar qabli, bħal ilmijiet li jinfaqgħu, u qered l-għedewwa tiegħi.”+ Huwa għalhekk li dan il-post semmieh Bagħal-perasim.+ 21 Għaldaqstant, huma ħallew l-idoli tagħhom+ hemmhekk, u għalhekk David u l-irġiel tiegħu ħaduhom magħhom.+
22 Iktar tard il-Filistin reġgħu telgħu+ u qagħdu jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn fil-pjanura l-baxxa taʼ Refajm biex jisirqu.+ 23 Minħabba f’hekk, David staqsa+ lil Ġeħova li qallu: “Titlax. Dur minn warajhom, u itlaʼ kontrihom quddiem is-siġar tal-baka.*+ 24 U ħa jiġri li, x’ħin tismaʼ l-ħoss tal-mixi fil-qċaċet tas-siġar tal-baka, dak il-ħin aġixxi b’mod deċiż,+ għaliex dak il-ħin Ġeħova jkun ħareġ qablek biex jeqred il-kamp tal-Filistin.”+ 25 Għaldaqstant, David għamel hekk, sewwasew bħalma kien ikkmandah+ Ġeħova, u qered+ lill-Filistin minn Geba+ saħansitra sa Geżer.+