2 Samwel
24 U r-rabja taʼ Ġeħova reġgħet+ xegħlet kontra Israel, meta xi ħadd* xewwex lil David* kontrihom u qallu: “Mur, għodd+ lil Israel u lil Ġuda.” 2 Għalhekk, is-sultan qal lil Ġowab,+ il-kap tal-qawwiet militari li kien miegħu: “Jekk jogħġobkom, morru duru fit-tribujiet kollha taʼ Israel, minn Dan sa Bir-xeba,+ u rreġistraw il-poplu,+ u jien inkun naf l-għadd tal-poplu.”+ 3 Imma Ġowab qal lis-sultan: “Jalla Ġeħova Alla tiegħek iżid mal-poplu saħansitra mitt darba daqs li hu waqt li sidi s-sultan qed jara dan b’għajnejh. Imma sidi s-sultan għala jixtieq jagħmel din il-ħaġa?”+
4 Fl-aħħar, il-kelma tas-sultan għelbet+ lil Ġowab u lill-kapijiet tal-qawwiet militari. Għalhekk, Ġowab u l-kapijiet tal-qawwiet militari ħarġu minn quddiem is-sultan biex jirreġistraw+ il-poplu taʼ Israel. 5 Imbagħad qasmu l-Ġordan u kkampjaw f’Għarogħer+ lejn il-lemin tal-belt li qiegħda f’nofs il-wied,* lejn il-Gadin,+ u lejn Ġagħżer.+ 6 Imbagħad waslu Gilegħad+ u fl-art taʼ Taħtim-ħodsi u komplew sejrin lejn Dan-ġagħan u daru lejn Sidon.+ 7 Imbagħad waslu ħdejn il-fortizza taʼ Tir+ u l-bliet kollha tal-Ħiwwin+ u tal-Kangħanin u fl-aħħar waslu Bir-xeba+ fin-Negeb,+ jiġifieri, fl-art taʼ Ġuda. 8 B’hekk, marru jduru maʼ l-art kollha u waslu Ġerusalemm wara disaʼ xhur u għoxrin jum. 9 Ġowab issa ta l-għadd tar-reġistrazzjoni+ tal-poplu lis-sultan; u Israel ammonta għal tmien mitt elf raġel qalbieni li jisiltu s-sejf, u l-irġiel taʼ Ġuda kienu ħames mitt elf raġel.+
10 U qalb David bdiet tħabbtu+ wara li għadd il-poplu b’dan il-mod. Għaldaqstant, David qal lil Ġeħova: “Jien dnibt+ ħafna b’dak li għamilt. U issa, Ġeħova, jekk jogħġbok, aħfer+ l-iżball tal-qaddej tiegħek; għax jien tbellaht bil-kbir.”+ 11 Meta David qam fil-għodu, il-kelma taʼ Ġeħova waslet għand il-profeta Gad,+ il-viżjonarju+ taʼ David, u qallu: 12 “Mur u għid lil David, ‘Hekk qal Ġeħova: “Tliet affarijiet qed inqiegħed quddiemek.+ Agħżel għalik waħda minnhom sabiex nagħmilhielek.”’”+ 13 Għaldaqstant, Gad daħal għand David u kellmu u staqsieh:+ “Għandhom jiġu fuqek sebaʼ snin taʼ ġuħ f’artek,+ jew taħrab għal tliet xhur quddiem l-avversarji tiegħek,+ bihom jiġru warajk, jew iseħħu f’artek tlett ijiem taʼ pesta?+ Issa kun af u ara x’se nwieġbu lil Dak li bagħatni.” 14 Għalhekk, David qal lil Gad: “Dan inikkitni ferm. Jekk jogħġbok, ħa naqgħu f’id Ġeħova,+ għax ħafna huma l-ħniniet tiegħu;+ imma tħallinix naqaʼ f’id il-bniedem.”+
15 Imbagħad Ġeħova bagħat pesta+ f’Israel minn fil-għodu saż-żmien stabbilit, u b’hekk mietu+ mill-poplu, minn Dan sa Bir-xeba,+ sebgħin elf persuna. 16 U l-anġlu+ baqaʼ b’idu maħruġa ’l barra lejn Ġerusalemm biex jagħmilha ħerba; u Ġeħova beda jiddispjaċih+ minħabba l-gwaj, u għalhekk qal lill-anġlu li kien qed jagħmel ħerba fost il-poplu: “Biżżejjed! Issa niżżel idek.” U l-anġlu taʼ Ġeħova kien qiegħed qrib il-qiegħa tad-dris t’Arawna+ l-Ġebusi.+
17 U David qal lil Ġeħova, meta ra l-anġlu li kien qed jidrob lill-poplu, iva, qallu: “Ara! Kont jien li dnibt u kont jien li żbaljajt; imma dawn in-nagħaġ+—x’għamlu? Jekk jogħġbok, ħa tiġi idek fuqi+ u fuq dar missieri.”
18 Iktar tard Gad daħal għand David dakinhar u qallu: “Itlaʼ, waqqaf artal lil Ġeħova fuq il-qiegħa tad-dris t’Arawna l-Ġebusi.”+ 19 U David beda tielaʼ skond il-kelma taʼ Gad, skond dak li kien ikkmanda Ġeħova.+ 20 Meta Arawna ħares ’l isfel u ra s-sultan u l-qaddejja tiegħu resqin lejh, minnufih Arawna ħareġ u miel+ wiċċu lejn l-art+ quddiem is-sultan. 21 Imbagħad Arawna qal: “Sidi s-sultan għala ġie għand il-qaddej tiegħu?” U David wieġbu: “Biex nixtri+ mingħandek il-qiegħa tad-dris ħalli nibni artal lil Ġeħova, sabiex il-flaġell+ jieqaf minn fuq il-poplu.” 22 Imma Arawna qal lil David: “Ħa jiħodha+ sidi s-sultan u joffri dak li hu tajjeb f’għajnejh. Ara, hawn il-baqar għall-offerta tal-ħruq u s-slitta tad-dris u l-għodod tal-baqar għall-injam.+ 23 O sultan, Arawna kollox jagħtih lis-sultan.” U Arawna ssokta jgħid lis-sultan: “Jalla Ġeħova Alla tiegħek jieħu pjaċir bik.”+
24 Madankollu, is-sultan qal lil Arawna: “Le, imma jien żgur li nixtriha mingħandek bi prezz;+ u m’iniex se noffri lil Ġeħova Alla tiegħi sagrifiċċji tal-ħruq mingħajr ħlas.”+ Għaldaqstant, David xtara+ l-qiegħa tad-dris u l-baqar għal ħamsin xekel fidda. 25 U David bena hemmhekk artal+ lil Ġeħova u offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji taʼ sħubija, u Ġeħova beda jismaʼ t-talb bil-ħrara+ tal-pajjiż, u b’hekk il-flaġell tneħħa minn fuq Israel.