Isaija
7 Issa ġara fi żmien Aħaż,+ bin Ġotam, bin Użżija, is-sultan taʼ Ġuda, li Resin+ is-sultan tas-Sirja—flimkien maʼ Pekaħ+ bin Remalija, is-sultan taʼ Israel—telaʼ Ġerusalemm biex jiggwerra kontriha, u ma setax jegħlibha.+ 2 U wasal rapport f’dar David, jgħid: “Is-Sirja straħet fuq Efrajm.”+
U qalbu u qalb il-poplu tiegħu bdiet tirtogħod, bħalma s-siġar tal-foresta jirtogħdu bir-riħ.+
3 U Ġeħova qal lil Isaija: “Jekk jogħġbok, oħroġ iltaqaʼ m’Aħaż, int flimkien maʼ ibnek Segħar-ġasub,*+ u mur f’tarf il-kanal+ taʼ l-għadira taʼ fuq, ħdejn it-triq ewlenija li tagħti għall-għalqa tal-ħassiel.+ 4 U għidlu, ‘Oqgħod attent li ma tinkwetax.+ Tibżax, u tħallix lil qalbek tkun beżgħana+ minħabba dawn iż-żewġt izkuk idaħħnu li kważi nħarqu għalkollox, minħabba r-rabja taħraq taʼ Resin u s-Sirja u bin Remalija,+ 5 minħabba li s-Sirja, flimkien m’Efrajm u bin Remalija, fasslet il-ħażin kontrik billi qalet: 6 “Ejjew nitilgħu kontra Ġuda u nġarrfuh u niħduh taħt idejna billi ninfduh; u ejjew nagħmlu sultan ieħor isaltan ġo fih, lil bin Tabel.”+
7 “‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Dan ma jreġix, lanqas ma jseħħ.+ 8 Għax il-kap tas-Sirja huwa Damasku, u l-kap taʼ Damasku huwa Resin; u fi żmien ħamsa u sittin sena biss Efrajm se jitfarrak u ma jibqax poplu.+ 9 U l-kap t’Efrajm huwa s-Samarija,+ u l-kap tas-Samarija huwa bin Remalija.+ Jekk ma jkollkomx fidi, m’intomx se ddumu ħafna.”’”+
10 U Ġeħova kompla jkellem lil Aħaż ftit iktar, u qal: 11 “Staqsi lil Ġeħova Alla tiegħek għal sinjal,+ fil-fond daqs il-Qabar* jew fl-għoli daqs ir-reġjuni taʼ fuq.” 12 Imma Aħaż qal: “M’iniex se nistaqsi, u lanqas ma se ngħaddi minn prova lil Ġeħova.”
13 U l-profeta qal: “Ismaʼ, jekk jogħġbok, O dar David. Hija daqshekk ħaġa żgħira għalikom li tgħejjew lin-nies, biex tgħejjew ukoll lil Alla tiegħi?+ 14 Għalhekk, Ġeħova se jagħtikom sinjal: Ara! It-tfajla+ toħroġ tqila,+ u tiled iben,+ u hi ssemmih Emmanuwel.* 15 Butir u għasel ikun qed jiekol sa ma jkun jaf iwarrab il-ħażin u jagħżel it-tajjeb.+ 16 Għax qabel it-tifel ikun jaf kif iwarrab il-ħażin u jagħżel it-tajjeb,+ l-art taż-żewġ slaten li minħabba fihom qed tħossok imkexkex ferm se tkun ġiet mitluqa għalkollox.+ 17 Ġeħova se jġib kontrik+ u kontra l-poplu tiegħek u kontra dar missierek jiem li ma kienx hawn bħalhom minn dakinhar li Efrajm infired minn maʼ Ġuda,+ jiġifieri, is-sultan taʼ l-Assirja.+
18 “U jrid iseħħ dakinhar li Ġeħova jsaffar lid-dubbien li qiegħed f’tarf il-kanali tan-Nil taʼ l-Eġittu u lin-naħal+ li qiegħed fl-art taʼ l-Assirja,+ 19 u huma jiġu, ilkoll kemm huma, u joqogħdu fil-widien taʼ l-irdumijiet u fix-xquq tal-blat u fuq kull siġra tax-xewk u fuq kull post taʼ tisqija.+
20 “Dakinhar, permezz taʼ mus mikri mir-reġjun tax-Xmara,*+ iva, permezz tas-sultan taʼ l-Assirja,+ Ġeħova se jqaxxar ir-ras u s-suf tas-saqajn, u jneħħi wkoll id-daqna.+
21 “U jrid iseħħ dakinhar li individwu se jħalli ħajja baqra żgħira mill-merħla u żewġ nagħġiet.+ 22 U minħabba l-abbundanza tal-produzzjoni tal-ħalib, wieħed se jiekol il-butir; għax butir u għasel+ biss se jiekol kulmin jifdal fil-pajjiż.
23 “U jrid iseħħ dakinhar li kull post fejn darba kien hemm elf dielja, jiswew elf biċċa tal-fidda,+ se jkun għall-għollieq u għall-ħaxix ħażin.+ 24 Bil-vleġeġ u l-qaws se jiġi hemmhekk,+ għax il-pajjiż se jkun kollu għollieq u ħaxix ħażin. 25 U l-muntanji kollha fejn qabel kien jitneħħa x-xewk bl-imgħażqa, m’intix se tmur fuqhom minħabba l-biżaʼ mill-għollieq u l-ħaxix ħażin; u l-art issir post fejn il-barrin jitħallew jiġru u art li jgħaffġu fuqha n-nagħaġ.”+