Eżodu
9 Għaldaqstant, Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun u għidlu,+ ‘Hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ l-Ebrej: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqdu lili. 2 Imma jekk tibqaʼ tirrifjuta li tibgħathom u tibqaʼ żżommhom,+ 3 ara, id Ġeħova+ tiġi fuq il-bhejjem tiegħek+ li hemm fir-rabaʼ. Ikun hemm pesta kbira ferm+ fuq iż-żwiemel, il-ħmir, l-iġmla, u l-imrieħel tal-baqar u tan-nagħaġ. 4 U Ġeħova se jagħmel distinzjoni bejn il-bhejjem taʼ Israel u l-bhejjem taʼ l-Eġittu, u lanqas xejn minn kulma hu taʼ wlied Israel ma jmut.”’”+ 5 Iktar minn hekk, Ġeħova għażel iż-żmien stabbilit u qal: “Għada Ġeħova se jagħmel din il-ħaġa fil-pajjiż.”+
6 Għaldaqstant, l-għada Ġeħova għamel din il-ħaġa, u kull xorta taʼ bhima taʼ l-Eġittu bdiet tmut;+ imma lanqas waħda mill-bhejjem taʼ wlied Israel ma mietet. 7 Imbagħad il-Fargħun bagħat lill-qaddejja tiegħu jaraw, u, ara, lanqas waħda mill-bhejjem taʼ Israel ma kienet mietet. Minkejja dan, qalb il-Fargħun baqgħet ma tqanqlitx,+ u ma bagħathomx in-nies.
8 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè u lil Aron: “Ħudu ż-żewġ ponnijiet mimlijin irmied minn forn,*+ u Mosè jrid jixħtu ’l fuq lejn is-smewwiet quddiem għajnejn il-Fargħun. 9 U l-irmied isir trab fuq l-art kollha taʼ l-Eġittu, u jsir imsiemer li jinfexxu fi nfafet+ fuq il-bnedmin u l-bhejjem fl-art kollha taʼ l-Eġittu.”
10 Għalhekk, ħadu l-irmied minn forn u qagħdu quddiem il-Fargħun, u Mosè xeħtu ’l fuq lejn is-smewwiet, u sar imsiemer bl-infafet,+ li mtlew bihom il-bnedmin u l-bhejjem. 11 U l-qassisin li kienu jipprattikaw il-maġija ma setgħux jieqfu quddiem Mosè minħabba l-imsiemer, għaliex anki l-qassisin u l-Eġizzjani kollha mtlew bl-imsiemer.+ 12 Imma Ġeħova ħalla lill-Fargħun iwebbes qalbu, u dan ma tahomx widen, sewwasew bħalma Ġeħova kien qal lil Mosè.+
13 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qum kmieni fil-għodu u ħu postok quddiem il-Fargħun,+ u għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ l-Ebrej: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqdu lili.+ 14 Għax din id-darba qed nibgħat il-kastigi kollha tiegħi kontrik u kontra l-qaddejja tiegħek u l-poplu tiegħek, sabiex tkun taf li m’hemm ħadd bħali fl-art kollha.+ 15 Għax s’issa stajt ħriġt idi sabiex nolqot lilek u lill-poplu tiegħek bil-pesta u biex titqaċċat darba għal dejjem minn fuq l-art.+ 16 Imma, fil-fatt, għal dan l-iskop żammejtek ħaj,+ biex nurik il-qawwa tiegħi u biex ismi jixxandar fl-art kollha.+ 17 Għadek qed titkabbar kontra l-poplu tiegħi u ma tibagħtux?+ 18 Ara! Jien għada bħalissa se nġiegħel li tinżel xita taʼ silġ bil-qliel, li bħalha qatt ma seħħet fl-Eġittu mindu ġie msejjes s’issa.+ 19 U issa ibgħat u ġib għall-kenn il-bhejjem kollha tiegħek u kulma għandek fir-rabaʼ. Għax il-bnedmin u l-bhejjem kollha li jinstabu fir-rabaʼ u ma jinġabrux lejn djarhom, se jinżel fuqhom is-silġ+ u jmutu.”’”
20 Kulmin beżaʼ mill-kelma taʼ Ġeħova fost il-qaddejja tal-Fargħun ġiegħel lill-qaddejja tiegħu u lill-bhejjem tiegħu jaħarbu lejn djarhom,+ 21 imma kulmin qalbu ma qanqlitux biex jagħti kas il-kelma taʼ Ġeħova ħalla l-qaddejja tiegħu u l-bhejjem tiegħu fir-rabaʼ.+
22 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Midd idek+ lejn is-smewwiet, sabiex jinżel is-silġ+ fuq l-art kollha taʼ l-Eġittu, fuq il-bnedmin u l-bhejjem u fuq il-ħaxix kollu tar-rabaʼ fl-art taʼ l-Eġittu.” 23 Għalhekk, Mosè medd il-ħatar tiegħu lejn is-smewwiet; u Ġeħova bagħat ragħad u silġ,+ u nar kien jinżel jiġri għal fuq l-art, u Ġeħova kompla jibgħat xita taʼ silġ fuq l-art taʼ l-Eġittu. 24 B’hekk, niżel is-silġ, u nar iżiġġ qalb is-silġ. Kien qalil ferm, tant li qatt ma seħħ bħalu fl-art kollha taʼ l-Eġittu mindu dan sar ġens.+ 25 U s-silġ laqat l-art kollha taʼ l-Eġittu. Is-silġ laqat kulma kien hemm fir-rabaʼ, minn bniedem sa bhima, u kull xorta taʼ ħaxix tar-rabaʼ; u kisser kull xorta taʼ siġra tar-rabaʼ.+ 26 Kien biss fl-art taʼ Gosen, fejn kienu wlied Israel, li ma niżilx silġ.+
27 Imbagħad il-Fargħun bagħat isejjaħ lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Din id-darba dnibt.+ Ġeħova hu ġust,+ u jien u l-poplu tiegħi nqasna. 28 Itolbu bil-ħrara lil Ġeħova sabiex dan ma jkomplix u ma jagħmilx iktar ragħad u ma jinżilx iktar silġ mingħand Alla.+ Imbagħad inkun lest li nibgħatkom, u intom ma tibqgħux iktar hawnhekk.” 29 Għalhekk, Mosè qallu: “Malli noħroġ mill-belt ngħolli idejja lejn Ġeħova.+ Ir-ragħad jieqaf u s-silġ ma jibqax nieżel, sabiex tkun taf li l-art hi taʼ Ġeħova.+ 30 Inkwantu għalik u għall-qaddejja tiegħek, jien diġà naf li intom lanqas imbagħad m’intom se tibżgħu minn Alla Ġeħova.”+
31 Kif ġraw l-affarijiet, il-kittien u x-xgħir intlaqtu, għaliex ix-xgħir kien bis-sbul u l-kittien kien bl-inwar.+ 32 Imma l-qamħ u l-ispelta*+ ma ntlaqtux, għax kien għadu mhux żmienhom. 33 Mosè issa ħareġ mill-belt mingħand il-Fargħun u għolla idejh lejn Ġeħova, u r-ragħad u s-silġ bdew jieqfu, u x-xita ma baqgħetx nieżla fuq l-art.+ 34 Meta l-Fargħun ra li x-xita u s-silġ u r-ragħad kienu waqfu, reġaʼ dineb u qalbu ma tqanqlitx,+ kemm hu u kemm il-qaddejja tiegħu. 35 U l-Fargħun baqaʼ jwebbes qalbu u ma bagħathomx lil ulied Israel, sewwasew bħalma Ġeħova kien qal permezz taʼ Mosè.+