Eżodu
8 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Idħol għand il-Fargħun u għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqdu lili.+ 2 U jekk tibqaʼ tirrifjuta li tibgħathom, ara, bħala kastig se nimla t-territorju kollu tiegħek biż-żrinġijiet.+ 3 U x-Xmara Nil tkun miżgħuda biż-żrinġijiet, u jitilgħu u jidħlu f’darek u fil-kamra tas-sodda taʼ ġewwa tiegħek u f’soddtok u fid-djar tal-qaddejja tiegħek u fuq il-poplu tiegħek u fl-ifran tiegħek u fil-mejjilli li fihom tagħġen il-ħobż tiegħek.+ 4 U ż-żrinġijiet jitilgħu fuqek u fuq il-poplu tiegħek u fuq il-qaddejja kollha tiegħek.”’”+
5 Iktar tard Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Midd idek bil-ħatar tiegħek+ fuq ix-xmajjar, fuq il-kanali tan-Nil, u fuq l-għadajjar mimlijin qasab u ġiegħel iż-żrinġijiet jitilgħu fuq l-art taʼ l-Eġittu.’” 6 U Aron medd idu fuq l-ilmijiet taʼ l-Eġittu, u ż-żrinġijiet bdew jitilgħu u jiksu l-art taʼ l-Eġittu. 7 Madankollu, il-qassisin li kienu jipprattikaw il-maġija għamlu l-istess ħaġa bl-arti sigrieta tagħhom u ġiegħlu ż-żrinġijiet jitilgħu fuq l-art taʼ l-Eġittu.+ 8 Wara ftit taż-żmien, il-Fargħun sejjaħ lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Itolbu bil-ħrara lil Ġeħova+ sabiex ineħħi ż-żrinġijiet minn fuqi u minn fuq il-poplu tiegħi, għax jien irrid nibgħathom in-nies sabiex joffru sagrifiċċji lil Ġeħova.”+ 9 Imbagħad Mosè qal lill-Fargħun: “Meta jogħġbok għidli meta tridni nitlob bil-ħrara għalik u għall-qaddejja tiegħek u għall-poplu tiegħek sabiex iż-żrinġijiet jinqerdu minn fuqek u minn djarek. Jitħallew biss fix-Xmara Nil.” 10 Wieġbu: “Għada.” Għalhekk, qallu: “Isir skond kelmtek, sabiex tkun taf li m’hemm ħadd ieħor bħal Ġeħova Alla tagħna,+ 11 għax iż-żrinġijiet żgur li jitbiegħdu minnek u minn djarek u mill-qaddejja tiegħek u mill-poplu tiegħek. Jitħallew biss fix-Xmara Nil.”+
12 Għaldaqstant, Mosè u Aron ħarġu minn quddiem il-Fargħun, u Mosè għajjat lil Ġeħova+ minħabba ż-żrinġijiet li Hu kien ġab fuq il-Fargħun. 13 U Ġeħova għamel skond il-kelma taʼ Mosè,+ u ż-żrinġijiet bdew imutu fid-djar, fil-btieħi, u fl-għelieqi. 14 U bdew jiġimgħuhom, gzuz gzuz, u l-art bdiet tinten.+ 15 Meta l-Fargħun ra li l-art kienet straħet, qalbu ma tqanqlitx;+ u ma tahomx widen, sewwasew bħalma kien qal Ġeħova.+
16 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Għid lil Aron, ‘Midd il-ħatar tiegħek+ u olqot it-trab taʼ l-art, u dan isir nemus fl-art kollha taʼ l-Eġittu.’” 17 U hekk għamlu. Għalhekk, Aron medd idu bil-ħatar tiegħu u laqat it-trab taʼ l-art, u ġie n-nemus fuq il-bnedmin u fuq il-bhejjem. It-trab kollu taʼ l-art sar nemus fl-art kollha taʼ l-Eġittu.+ 18 U l-qassisin li kienu jipprattikaw il-maġija pprovaw jagħmlu l-istess permezz taʼ l-arti sigrieta tagħhom,+ sabiex iġibu n-nemus, imma ma setgħux.+ U kien hemm in-nemus fuq il-bnedmin u fuq il-bhejjem. 19 Għalhekk, il-qassisin li kienu jipprattikaw il-maġija qalu lill-Fargħun: “Dan hu s-sabaʼ+ t’Alla!”+ Imma l-Fargħun baqaʼ jwebbes qalbu,+ u ma tahomx widen, sewwasew bħalma kien qal Ġeħova.
20 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Qum kmieni fil-għodu u ħu postok quddiem il-Fargħun.+ Ara! Ħiereġ ħdejn l-ilma! U għidlu, ‘Hekk qal Ġeħova: “Ibgħat lin-nies tiegħi sabiex jaqdu lili.+ 21 Imma jekk ma tibgħathomx, nibgħat id-dubbien+ fuqek u fuq il-qaddejja tiegħek u fuq il-poplu tiegħek u fi djarek; u d-djar taʼ l-Eġittu żgur li jimtlew bid-dubbien, kif ukoll l-art li qegħdin fuqha. 22 U dakinhar l-art taʼ Gosen, li fiha hemm il-poplu tiegħi, nittrattaha b’mod differenti, u ebda dubbiena ma tkun teżisti hemmhekk;+ sabiex int tkun taf li jien Ġeħova f’nofs l-art.+ 23 U tabilħaqq li naqtaʼ linja bejn il-poplu tiegħi u l-poplu tiegħek.+ Għada jseħħ dan is-sinjal.”’”
24 U Ġeħova hekk għamel; u qtajjaʼ kbar taʼ dubbien bdew jinvadu d-dar tal-Fargħun u d-djar tal-qaddejja tiegħu, u l-art kollha taʼ l-Eġittu.+ L-art inqerdet minħabba d-dubbien.+ 25 Fl-aħħar, il-Fargħun sejjaħ lil Mosè u lil Aron u qalilhom: “Morru, offru sagrifiċċji lil Alla tagħkom fil-pajjiż.”+ 26 Imma Mosè qallu: “Ma nistgħux nagħmlu hekk, għaliex lil Ġeħova Alla tagħna nkunu qed noffrulu bħala sagrifiċċju xi ħaġa mistkerrha għall-Eġizzjani.+ Suppost li kellna noffru bħala sagrifiċċju xi ħaġa mistkerrha għall-Eġizzjani quddiem għajnejhom; kieku ma jħaġġruniex? 27 Aħna sejrin vjaġġ taʼ tlett ijiem fix-xagħri u bla dubju noffru sagrifiċċji lil Ġeħova Alla tagħna sewwasew bħalma qalilna.”+
28 Il-Fargħun issa qal: “Jien—jien se nibgħatkom,+ u intom tabilħaqq li se toffru sagrifiċċji lil Ġeħova Alla tagħkom fix-xagħri.+ Biss araw li fejn sejrin ma jkunx ’il bogħod wisq. Itolbu bil-ħrara għalija.”+ 29 Imbagħad Mosè qallu: “Ara! Jien ħiereġ mingħandek, u tabilħaqq li se nitlob bil-ħrara lil Ġeħova, u għada d-dubbien żgur li jitbiegħed mill-Fargħun, mill-qaddejja tiegħu, u mill-poplu tiegħu. Biss il-Fargħun m’għandux jerġaʼ jqarraq bina billi ma jibgħatx lin-nies biex joffru sagrifiċċji lil Ġeħova.”+ 30 U Mosè ħareġ mingħand il-Fargħun u talab bil-ħrara lil Ġeħova.+ 31 Għalhekk, Ġeħova għamel skond il-kelma taʼ Mosè,+ u d-dubbien tbiegħed mill-Fargħun, mill-qaddejja tiegħu, u mill-poplu tiegħu.+ Lanqas waħda ma kien baqaʼ. 32 Madankollu, qalb il-Fargħun lanqas din id-darba ma tqanqlet u lin-nies ma bagħathomx.+