Atti
1 Fl-ewwel rakkont, O Teofilu,+ jien ktibt dwar dak kollu li Ġesù beda jagħmel u jgħallem,+ 2 sa dakinhar li ttieħed fis-sema,+ wara li kien ta kmand permezz taʼ l-ispirtu qaddis lill-appostli li kien għażel.+ 3 Lil dawn ukoll, permezz taʼ ħafna provi pożittivi, dehrilhom ħaj wara li kien bata;+ u matul erbgħin jum rawh u kellimhom fuq affarijiet dwar is-saltna t’Alla.+ 4 U fil-laqgħat tiegħu magħhom ordnalhom: “Titilqux minn Ġerusalemm,+ imma ibqgħu stennew dak li wiegħed il-Missier+ u li smajtu dwaru mingħandi; 5 għax, tabilħaqq, Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom titgħammdu bl-ispirtu qaddis+ fi ftit jiem oħra.”
6 Issa, meta nġemgħu flimkien, bdew jistaqsuh: “Mulej, f’dan iż-żmien se terġaʼ tistabbilixxi s-saltna+ taʼ Israel?” 7 Qalilhom: “Mhux għalikom li tkunu tafu ż-żminijiet jew l-istaġuni+ li l-Missier biss għandu l-awtorità fuqhom;+ 8 imma meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa+ u tkunu xhieda tiegħi+ f’Ġerusalemm+ u fil-Lhudija kollha u fis-Samarija+ u sa l-iktar parti mbiegħda taʼ l-art.”+ 9 U wara li qal dan, waqt li kienu qed iħarsu lejh, intrefaʼ ’l fuq+ u sħaba ħaditu minn quddiem għajnejhom.+ 10 U kif kienu qed iħarsu fiss lejn is-sema waqt li kien tielaʼ,+ ara, waqfu ħdejhom żewġt irġiel lebsin l-abjad,+ 11 u dawn qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, għala qegħdin weqfin tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù li ttieħed mingħandkom fis-sema hekk għad jiġi, bl-istess mod+ bħalma rajtuh sejjer fis-sema.”
12 Imbagħad reġgħu lura+ Ġerusalemm mill-muntanja msejħa l-Muntanja taż-Żebbuġ, li hi qrib Ġerusalemm, daqs mixja taʼ jum is-Sabat* ’il bogħod.*+ 13 U meta daħlu, telgħu fil-kamra taʼ fuq,+ fejn kienu qed joqogħdu, Pietru kif ukoll Ġwanni u Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew u Xmun iż-żeluż, u Ġuda bin Ġakbu.+ 14 B’fehma waħda dawn kollha kienu jippersistu fit-talb+ flimkien maʼ xi nisa+ u maʼ Marija omm Ġesù u maʼ ħutu.+
15 Issa, matul dawn il-jiem, qam Pietru f’nofs l-aħwa u qal (il-folla tan-nies b’kollox kienet madwar mija u għoxrin): 16 “Irġiel, aħwa, kien meħtieġ li titwettaq l-iskrittura,+ li l-ispirtu qaddis+ qal minn qabel b’fomm David dwar Ġuda,+ li kien il-gwida taʼ dawk li arrestaw lil Ġesù,+ 17 għax hu kien magħdud magħna+ u kellu sehem f’dan il-ministeru.+ 18 (Issa, dan ir-raġel xtara+ għalqa mill-qligħ inġust,+ u ntefaʼ għal rasu,+ u b’ħoss kbir infaqaʼ minn nofsu u ħarġu msarnu kollha. 19 Dan sar ukoll magħruf mill-abitanti kollha taʼ Ġerusalemm, u b’hekk, bil-lingwa tagħhom, din l-għalqa bdiet tissejjaħ Akeldama, jiġifieri, Għalqa tad-Demm.) 20 Għax fil-ktieb tas-Salmi hu miktub, ‘Ħa jsir ħerba l-post fejn jgħammar, u ħalli ħadd ma jgħammar fih,’+ u, ‘Il-kariga tiegħu taʼ indokrar ħa jiħodha ħaddieħor.’+ 21 Għalhekk, hemm bżonn li minn fost l-irġiel li ngħaqdu magħna matul iż-żmien kollu li fih il-Mulej Ġesù kien jidħol u joħroġ magħna,+ 22 minn meta għammdu Ġwanni+ sa dakinhar li ttieħed minn magħna fis-sema,+ wieħed minn dawn l-irġiel isir xhud magħna taʼ l-irxoxt tiegħu.”+
23 Għalhekk, ressqu tnejn, Ġużeppi li jgħidulu Barsabba, li kien jismu wkoll Ġustu, u Mattija. 24 U talbu u qalu: “O Ġeħova, int li taf qalb kulħadd,+ urina lil min għażilt minn dawn iż-żewġt irġiel, 25 biex jieħu l-post taʼ dan il-ministeru u l-appostolat+ li Ġuda warrab minnu biex imur f’postu.” 26 Għalhekk, tefgħu x-xorti,+ u x-xorti waqgħet fuq Mattija; u kien meqjus mal-ħdax-il appostlu.+