Rivelazzjoni
10 U rajt anġlu b’saħħtu+ ieħor nieżel mis-sema, imżejjen bi sħaba,+ u fuq rasu kellu qawsalla, u wiċċu kien bħax-xemx,+ u saqajh+ kienu bħal kolonni tan-nar, 2 u f’idu kellu romblu ċkejken miftuħ. U tefaʼ siequ l-leminija fuq il-baħar, u x-xellugija fuq l-art,+ 3 u għajjat b’leħen għoli bħal meta jgħajjat iljun.+ U meta għajjat, is-sebaʼ ragħdiet+ semmgħu leħinhom.
4 Issa meta tkellmu s-sebaʼ ragħdiet, kont se nibda nikteb; imma smajt leħen mis-sema+ jgħidli: “Issiġilla dak+ li qalu s-sebaʼ ragħdiet, u tiktbux.” 5 U l-anġlu li rajt wieqaf fuq il-baħar u fuq l-art għolla idu l-leminija lejn is-sema,+ 6 u ħalef b’Dak li jgħix+ għal dejjem taʼ dejjem,+ li ħalaq is-sema u kulma fih u l-art+ u kulma fiha u l-baħar u kulma fih,+ u qal: “Mhux se jkun hemm dewmien+ iktar; 7 imma fil-jiem li jinstemaʼ s-sebaʼ anġlu,+ meta dan ikun se jdoqq it-trumbetta tiegħu,+ jitwettaq għalkollox is-sigriet sagru+ t’Alla skond l-aħbar tajba li hu xandar lill-ilsiera tiegħu, il-profeti.”+
8 U l-leħen+ li smajt ġej mis-sema reġaʼ kellimni u qalli: “Mur, ħu r-romblu miftuħ li qiegħed f’id l-anġlu li hu wieqaf fuq il-baħar u fuq l-art.”+ 9 U tlaqt ħdejn l-anġlu u għedtlu biex jagħtini r-romblu ċkejken. U qalli: “Ħudu u kulu,+ u jagħmillek żaqqek morra, imma f’ħalqek ikun ħelu bħall-għasel.” 10 U ħadt ir-romblu ċkejken minn id l-anġlu u kiltu,+ u f’ħalqi kien ħelu bħall-għasel;+ imma x’ħin kiltu, għamilli żaqqi morra. 11 U qaluli: “Trid terġaʼ tipprofetizza dwar popli u ġnus u ilsna u ħafna slaten.”+