Numri
11 Issa n-nies bdew jilmentaw dwar kull ħaġa ħażina li kienet tiġrilhom biex jismagħhom Ġeħova.+ Meta Ġeħova semaʼ dan, ir-rabja tiegħu xegħlet, u nar mingħand Ġeħova beda jaqbad kontrihom u jeqred lil xi wħud f’tarf il-kamp.+ 2 Meta n-nies bdew jgħajtu lil Mosè, hu talab bil-ħerqa lil Ġeħova,+ u n-nar intefa. 3 U dak il-post semmewh Tabgħera,*+ għaliex nar mingħand Ġeħova kien qabad kontrihom.
4 U l-folla mħallta+ li kienet f’nofshom esprimiet xewqa egoistika,+ u wlied Israel ukoll reġgħu bdew jibku u jgħidu: “Min se jagħtina l-laħam x’nieklu?+ 5 Kemm niftakruh il-ħut li konna nieklu fl-Eġittu b’xejn,+ il-ħjar u d-dulliegħ u l-kurrat u l-basal u t-tewm! 6 Imma issa nxifna. Għajnejna ma jarawx ħlief il-manna.”+
7 Issa l-manna+ kienet bħaż-żerriegħa tal-kosbor,+ u fid-dehra tagħha kienet bħall-gomma tar-raża tfuħ.+ 8 In-nies kienu jitferrxu u jiġbruha+ u jitħnuha fi mtieħen taʼ l-idejn jew jisħquha fil-mehrież, u kienu jgħalluha fil-borom+ jew jagħmluha ftajjar, u t-togħma tagħha kienet bħat-togħma taʼ ftira ħelwa biż-żejt.+ 9 U meta bil-lejl kienet tinżel in-nida fuq il-kamp, il-manna kienet tinżel fuqha.+
10 U Mosè semaʼ l-biki tan-nies fil-familji tagħhom, kull raġel fid-daħla tat-tinda tiegħu. U r-rabja taʼ Ġeħova bdiet tixgħel iktar u iktar,+ u f’għajnejn Mosè din is-sitwazzjoni kollha kienet xi ħaġa ħażina.+ 11 Imbagħad Mosè qal lil Ġeħova: “Għala ġibt id-deni fuq il-qaddej tiegħek, u għala jien ma sibtx il-ħniena f’għajnejk, u int poġġejt it-tagħbija taʼ dan il-poplu kollu fuqi?+ 12 Kont jien li nissilt lil dan il-poplu kollu? Kont jien li wlidthom, biex tgħidli, ‘Ġorrhom fi ħdanek,+ bħalma tinġarr tarbija tal-ħalib minn dak li jieħu ħsiebha,’+ lejn l-art li dwarha int ħlift lil missirijiethom?+ 13 Minfejn se nġib il-laħam biex nagħtih lil dan il-poplu kollu? Għax jibqgħu jibkuli u jgħiduli, ‘Agħtina l-laħam biex nikluh!’ 14 Jien waħdi m’għandix il-ħila nġorr lil dan il-poplu kollu, għaliex hu tqil wisq għalija.+ 15 Għalhekk, jekk se timxi hekk miegħi, jekk jogħġbok, oqtolni għalkollox,+ jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, u tħallinix nara l-gwaj tiegħi.”
16 U Ġeħova qal lil Mosè: “Iġmagħli sebgħin raġel minn fost ix-xjuħ taʼ Israel,+ li taf li huma xjuħ tal-poplu u uffiċjali tiegħu,+ u ħudhom lejn it-tinda tal-laqgħa, u jridu joqogħdu hemmhekk miegħek. 17 U jien ninżel+ u nkellmek hemmhekk;+ u nieħu ftit mill-ispirtu+ li qiegħed fuqek u nqiegħdu fuqhom, u jkollhom jgħinuk iġġorr it-tagħbija tal-poplu, biex ma ġġorrhiex waħdek.+ 18 U lin-nies għandek tgħidilhom, ‘Tqaddsu għal għada,+ għax żgur li se tieklu l-laħam, għaliex bkejtu biex jismagħkom Ġeħova,+ u għedtu: “Min se jagħtina l-laħam biex nikluh, għax konna sejrin tajjeb fl-Eġittu?”+ U Ġeħova se jagħtikom il-laħam, u intom tabilħaqq li se tikluh.+ 19 Ma tiklux għal jum wieħed lanqas għal jumejn lanqas għal ħamest ijiem lanqas għal għaxart ijiem lanqas għal għoxrin jum, 20 imma għal xahar sħiħ, sakemm joħroġ minn imnifsejkom u jdardarkom,+ sempliċement għaliex ċħadtu lil Ġeħova, li qiegħed f’nofskom, u bkejtu quddiemu u għedtu: “Għala ħriġna mill-Eġittu?”’”+
21 Imbagħad Mosè qal: “In-nies li qiegħed f’nofshom jien huma sitt mitt elf raġel+ bil-mixi, u madankollu int—int għedt, ‘Laħam nagħtihom, u żgur li se jieklu għal xahar sħiħ’! 22 Se jkun biżżejjed għalihom jekk noqtlu n-nagħaġ u l-baqar għalihom?+ Jew irridu naqbdulhom il-ħut kollu tal-baħar biex ikun biżżejjed għalihom?”
23 U Ġeħova qal lil Mosè: “Jaqaw qsaret id Ġeħova?+ Issa tara jekk dak li ngħid jien iseħħlekx jew le.”+
24 Imbagħad Mosè ħareġ u qal lill-poplu l-kliem taʼ Ġeħova. U mar jiġmaʼ sebgħin raġel mix-xjuħ tal-poplu u qegħedhom madwar it-tinda.+ 25 Imbagħad Ġeħova niżel fi sħaba+ u kellmu+ u ħa ftit mill-ispirtu+ li kellu fuqu u qiegħdu fuq kull wieħed mis-sebgħin xiħ. U ġara li, malli l-ispirtu qagħad fuqhom, imbagħad huma aġixxew bħala profeti; imma ma reġgħux għamlu hekk.+
26 Issa kien hemm żewġt irġiel li baqgħu fil-kamp. Wieħed kien jismu Eldad, u l-ieħor kien jismu Medad. U l-ispirtu qagħad fuqhom ukoll, għax kienu fost dawk li kienu miktubin, imma ma kinux ħarġu ħdejn it-tinda. Għalhekk, aġixxew bħala profeti fil-kamp. 27 U mar jiġri wieħed żagħżugħ u ta l-aħbar lil Mosè u qallu: “Eldad u Medad qed jaġixxu bħala profeti fil-kamp!” 28 Imbagħad Ġożwè,* bin Nun, il-qaddej+ taʼ Mosè minn żgħożitu ’l quddiem, wieġeb u qal: “Sidi Mosè, rażżanhom!”+ 29 Madankollu, Mosè qallu: “Qed tgħir minħabba fija? Le, jalla n-nies kollha taʼ Ġeħova jkunu profeti, għaliex kieku Ġeħova jqiegħed l-ispirtu tiegħu fuqhom!”+ 30 Iktar tard Mosè mar lura lejn il-kamp, hu u x-xjuħ taʼ Israel.
31 U Ġeħova qajjem riħ+ li ġarr is-summien mill-baħar+ u ħalliehom jaqgħu fuq il-kamp madwar vjaġġ taʼ jum din in-naħa u madwar vjaġġ taʼ jum in-naħa l-oħra, dawramejt mal-kamp, u għoli taʼ madwar żewġ kubiti fuq wiċċ l-art. 32 Imbagħad il-poplu qam dak il-jum kollu u l-lejl kollu u l-għada kollu u baqaʼ jiġbor is-summien. Min ġabar l-inqas ġabar għaxar kejlijiet taʼ ħomer,+ u baqgħu jxerrduhom maʼ kullimkien madwar il-kamp. 33 Il-laħam kien għadu bejn snienhom,+ u lanqas kienu bdew jomogħduh, meta r-rabja taʼ Ġeħova xegħlet+ kontra l-poplu, u Ġeħova beda jolqot lill-poplu u l-qatla kienet kbira ferm.+
34 U dak il-post semmewh Kibrot-ħattawa,+ għaliex hemmhekk difnu lin-nies li wrew xenqa egoistika.+ 35 Minn Kibrot-ħattawa l-poplu telaq lejn Ħaserot, u baqaʼ Ħaserot.+