Ġożwè
14 Issa dan ħadu wlied Israel bħala wirt fl-art taʼ Kangħan,+ li Elegħażar il-qassis u Ġożwè bin Nun u l-kapijiet taʼ missirijiet it-tribujiet taʼ wlied Israel tawhom bħala wirt.+ 2 Wirthom tqassam bix-xorti,+ bħalma kien ikkmanda Ġeħova permezz taʼ Mosè għad-disaʼ tribujiet u għan-nofs tribù.+ 3 Għax liż-żewġ tribujiet l-oħrajn u lin-nofs l-ieħor tat-tribù Mosè kien tahom il-wirt fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan;+ u lil-Leviti ma tahomx wirt f’nofshom.+ 4 Għax ulied Ġużeppi kienu saru żewġ tribujiet,+ Manasse+ u Efrajm;+ u ma kinux taw sehem lil-Leviti fl-art, ħlief bliet+ fejn jgħammru u l-mergħat tagħhom għall-bhejjem tagħhom u l-proprjetà tagħhom.+ 5 Bħalma kien ikkmanda Ġeħova lil Mosè, hekk għamlu wlied Israel; u qassmu l-art.
6 Imbagħad ulied Ġuda resqu lejn Ġożwè f’Gilgal,+ u Kaleb+ bin Ġefunne l-Keneżi+ qallu: “Int taf sew il-kelma li Ġeħova qal+ lil Mosè l-bniedem taʼ l-Alla l-veru+ dwari u dwarek f’Kades-barnegħa.+ 7 Erbgħin sena kelli meta Mosè l-qaddej taʼ Ġeħova bagħatni minn Kades-barnegħa biex nitkixxef l-art,+ u meta ġejt lura għedtlu eżatt kif qanqlitni qalbi.+ 8 U ħuti li telgħu miegħi ġiegħlu qalb il-poplu ddub;+ imma inkwantu għalija, jien imxejt wara Ġeħova Alla tiegħi bis-sħiħ.+ 9 Għaldaqstant, Mosè ħalef f’dak il-jum, billi qal, ‘L-art li sieqek rifset fuqha+ se ssir tiegħek u taʼ wliedek bħala wirt għal żmien indefinit, għax imxejt wara Ġeħova Alla tiegħi bis-sħiħ.’+ 10 U issa, ara, Ġeħova żammni ħaj,+ sewwasew bħalma wiegħed,+ dawn il-ħamsa u erbgħin sena mindu Ġeħova għamel din il-wegħda lil Mosè meta Israel mexa fix-xagħri,+ u issa hawn jien illum fl-età taʼ ħamsa u tmenin sena. 11 Madankollu, jien illum b’saħħti daqs dakinhar li bagħatni Mosè.+ Bħalma kienet il-qawwa tiegħi dakinhar, hekk hija issa l-qawwa tiegħi għall-gwerra, kemm biex noħroġ u kemm biex nidħol.+ 12 U issa agħtini dan ir-reġjun muntanjuż li Ġeħova wiegħed dakinhar,+ għax dakinhar int innifsek smajt li hemmhekk kien hemm l-Għanakin+ u bliet fortifikati kbar.+ Jidher li Ġeħova se jkun miegħi,+ u jien niħdilhom il-proprjetà tagħhom, bħalma wiegħed Ġeħova.”+
13 Għal dan, Ġożwè bierku u ta Ħebron lil Kaleb bin Ġefunne bħala wirt.+ 14 Huwa għalhekk li Ħebron saret taʼ Kaleb bin Ġefunne l-Keneżi bħala wirt sa dan il-jum, għax hu mexa wara Ġeħova l-Alla taʼ Israel bis-sħiħ.+ 15 Qabel dan isem Ħebron kien Kirjat-arba+ (dan Arba+ kien il-kbir fost l-Għanakin). U l-art ma ġietx imfixkla mill-gwerra.+