Imħallfin
20 Għaldaqstant, ulied Israel kollha, minn Dan+ ’l isfel sa Bir-xeba+ flimkien maʼ l-art taʼ Gilegħad,+ ħarġu+ u l-ġemgħa nġabret bħal bniedem wieħed+ quddiem Ġeħova f’Mispa.+ 2 Għalhekk, l-irġiel ewlenin tal-poplu kollu, tat-tribujiet kollha taʼ Israel, ħadu l-pożizzjoni tagħhom fil-kongregazzjoni tal-poplu taʼ l-Alla l-veru,+ erbaʼ mitt elf raġel bil-mixi li jisiltu s-sejf.+
3 U wlied Benjamin semgħu li wlied Israel kienu telgħu Mispa.+
Imbagħad ulied Israel qalu: “Tkellmu. Kif ġrat din il-ħaġa ħażina?”+ 4 Għal dan, ir-raġel, il-Levita,+ ir-raġel tal-mara maqtula, wieġeb u qal: “Jien kont wasalt Gibegħa+ taʼ Benjamin, jien u l-konkubina tiegħi,+ biex ngħaddu l-lejl. 5 U sidien l-art taʼ Gibegħa qamu kontrija u dawru d-dar bil-lejl għal kontrija. Kellhom il-ħsieb li joqtlu lili, imma stupraw lill-konkubina tiegħi,+ u fl-aħħar mietet.+ 6 Għalhekk, jien qbadt lill-konkubina tiegħi u qattajtha biċċiet u bgħattha f’kull territorju taʼ wirt Israel,+ għax kienu ħadu sehem f’kondotta laxka+ u bluha t’għajb f’Israel.+ 7 Ara! O intom ulied Israel kollha, tkellmu u agħtu l-parir tagħkom+ hawnhekk.”
8 Għalhekk, il-poplu kollu qam bħal bniedem wieħed,+ u qal: “Ħadd minna m’hu sejjer lejn it-tinda tiegħu, u ħadd minna ma se jdur lejn daru.+ 9 U issa hekk nagħmlu lil Gibegħa. Ejjew intellgħu x-xorti+ u nitilgħu kontriha. 10 U rridu nieħdu għaxart irġiel minn mija mit-tribujiet kollha taʼ Israel, u mija minn elf, u elf minn għaxart elef, biex iġibu l-provvisti lill-poplu, ħalli jieħdu azzjoni billi jmorru kontra l-abitanti taʼ Gibegħa taʼ Benjamin, minħabba l-bluha t’għajb+ kollha li għamlu f’Israel.” 11 B’hekk, l-irġiel kollha taʼ Israel inġabru kontra l-belt bħal bniedem wieħed, bħala alleati.
12 Għaldaqstant, it-tribujiet taʼ Israel bagħtu xi rġiel lit-tribù kollu taʼ Benjamin,+ jgħidu: “X’inhi din il-ħaġa ħażina li seħħet fostkom?+ 13 U issa agħtuna f’idejna l-irġiel,+ l-irġiel li m’huma tajbin għal xejn,+ li hemm f’Gibegħa,+ sabiex nagħtuhom il-mewt,+ u ejjew neqirdu l-ħażen minn Israel.”+ U wlied Benjamin ma ridux jisimgħu minn leħen ħuthom, ulied Israel.+
14 Imbagħad ulied Benjamin ħarġu mill-bliet u nġabru flimkien f’Gibegħa biex joħorġu jitqabdu kontra wlied Israel. 15 F’dak il-jum ulied Benjamin inġabru mill-bliet, sitta u għoxrin elf raġel li jisiltu s-sejf,+ apparti l-abitanti taʼ Gibegħa, li minnhom inġabru sebaʼ mitt raġel magħżul. 16 Minn dawn in-nies kollha kien hemm sebaʼ mitt raġel magħżul li kienu xellugin.+ Kull wieħed minn dawn kien iwaddab il-ġebel bl-iżbandola+ bi preċiżjoni taʼ ħxuna taʼ xagħra u ma kienx ifalli.
17 U l-irġiel taʼ Israel inġabru għalihom, barra minn Benjamin, erbaʼ mitt elf raġel li jisiltu s-sejf.+ Kull wieħed minn dawn kien gwerrier. 18 U huma qamu u telgħu Betel u stħarrġu x’jgħid Alla.+ Imbagħad ulied Israel qalu: “Min minna għandu jitlaʼ fuq quddiem għall-battalja kontra wlied Benjamin?”+ Għal dan, Ġeħova qal: “Ġuda jkun fuq quddiem.”+
19 Wara dan, ulied Israel qamu fil-għodu u kkampjaw kontra Gibegħa.
20 L-irġiel taʼ Israel issa ħarġu biex jitqabdu kontra Benjamin; u l-irġiel taʼ Israel qagħdu mqassmin għall-battalja kontrihom f’Gibegħa. 21 Għalhekk, ulied Benjamin ħarġu minn Gibegħa+ u dakinhar qatlu tnejn u għoxrin elf raġel f’Israel u ħallewhom maʼ l-art.+ 22 Madankollu, il-poplu, l-irġiel taʼ Israel, kienu kuraġġużi u mill-ġdid qagħdu mqassmin għall-battalja fil-post fejn kienu tqassmu fl-ewwel jum. 23 Imbagħad ulied Israel telgħu Betel u bkew+ quddiem Ġeħova sa fil-għaxija u stħarrġu x’jgħid Ġeħova, u qalu: “Nersaq mill-ġdid għall-battalja kontra wlied ħija Benjamin?”+ U Ġeħova qal: “Itlaʼ kontrih.”
24 Fi qbil maʼ dan, ulied Israel marru għal ulied Benjamin fit-tieni jum.+ 25 Min-naħa tiegħu, Benjamin ħareġ minn Gibegħa jiltaqaʼ magħhom fit-tieni jum u qatel tmintax-il elf raġel ieħor minn fost ulied Israel u ħalliehom maʼ l-art,+ ilkoll uħud li jisiltu s-sejf.+ 26 Għal dan, ulied Israel kollha,+ iva, il-poplu kollu, telgħu u waslu Betel u bkew+ u qagħdu bil-qiegħda hemmhekk quddiem Ġeħova u samu+ dakinhar sa fil-għaxija u offrew offerti tal-ħruq+ u offerti taʼ sħubija*+ quddiem Ġeħova. 27 Wara dan, ulied Israel stħarrġu x’jgħid Ġeħova,+ għax f’dawk il-jiem hemmhekk kienet l-arka tal-patt+ taʼ l-Alla l-veru. 28 Issa Fineħas+ bin Elgħażar, bin Aron, kien wieqaf quddiemha f’dawk il-jiem,+ jgħid: “Nerġaʼ noħroġ nitqabad kontra wlied ħija Benjamin jew nieqaf nagħmel dan?”+ Għal dan, Ġeħova qal: “Itlaʼ, għax għada se nagħtih f’idek.”+ 29 Imbagħad, Israel qiegħed irġiel mistoħbijin+ kontra Gibegħa dawramejt.
30 U wlied Israel telgħu kontra wlied Benjamin fit-tielet jum, u qagħdu mqassmin għall-battalja kontra Gibegħa bħalma għamlu d-drabi l-oħrajn.+ 31 Meta wlied Benjamin ħarġu għal kontra l-poplu, ġew imbegħdin mill-belt.+ Imbagħad, bħal fid-drabi l-oħrajn, bdew jidorbu għall-mewt lil xi wħud mill-poplu, madwar tletin raġel taʼ Israel,+ fit-toroq ewlenin, li waħda minnhom titlaʼ Betel+ u l-oħra Gibegħa,+ fil-kampanja. 32 Għalhekk, ulied Benjamin bdew jgħidu: “Qed nirbħulhom bħalma ġara fil-bidu.”+ U wlied Israel qalu: “Ejjew naħarbu,+ u nbegħduhom mill-belt lejn it-toroq ewlenin.” 33 U l-irġiel kollha taʼ Israel qamu minn posthom u qagħdu mqassmin għall-battalja f’Bagħal-tamar, waqt li dawk taʼ Israel li kienu mistoħbijin+ ħarġu jattakkaw minn posthom fl-inħawi qrib Gibegħa.+ 34 B’hekk, għaxart elef raġel magħżul minn Israel kollu ġew quddiem Gibegħa, u l-ġlied kien aħrax; u l-Benjamini ma kinux jafu li l-gwaj+ kien imdendel fuqhom.
35 U Ġeħova għeleb lil Benjamin+ quddiem Israel, u b’hekk dakinhar ulied Israel qatlu f’Benjamin ħamsa u għoxrin elf u mitt raġel, ilkoll uħud li jisiltu s-sejf.+
36 Madankollu, ulied Benjamin immaġinaw li l-irġiel taʼ Israel kienu tilfu meta bdew jagħtu l-wisaʼ+ lil Benjamin għax kienu qed jafdaw f’dawk li kienu qegħduhom jistaħbew kontra Gibegħa. 37 U dawk mistoħbijin aġixxew b’ħeffa u telqu jiġru lejn Gibegħa.+ Imbagħad dawk li kienu mistoħbijin+ infirxu u ħabtu għall-belt kollha b’xifer is-sejf.+
38 Issa l-irġiel taʼ Israel kienu ftiehmu maʼ dawk mistoħbijin biex jagħmlulhom sinjal billi jtellgħu d-duħħan mill-belt.+
39 Meta wlied Israel daru lura fil-battalja, Benjamin beda jidrob għall-mewt madwar tletin raġel minn fost l-irġiel taʼ Israel,+ għax qal: “Żgur qed nirbħulhom bħalma ġara fl-ewwel battalja.”+ 40 U s-sinjal+ beda tielaʼ mill-belt bħala kolonna tad-duħħan.+ Għalhekk, meta Benjamin dawwar wiċċu, ara, il-fjammi mill-belt kollha kienu telgħin lejn is-sema.+ 41 U l-irġiel taʼ Israel daru bil-kontra,+ u l-irġiel taʼ Benjamin tfixklu,+ għax raw li l-gwaj kien laħaqhom.+ 42 Għalhekk, dawn daru quddiem l-irġiel taʼ Israel fid-direzzjoni tax-xagħri, u l-battalja segwiethom mill-qrib, waqt li l-irġiel li ħarġu mill-belt kienu qed joqtluhom f’nofshom. 43 Huma dawru lil Benjamin.+ Ġrew warajh mingħajr ma ħallewlu fejn jistrieħ.+ Għaffġuh taħt saqajhom eżatt quddiem Gibegħa+ lejn tlugħ ix-xemx. 44 Fl-aħħar waqgħu tmintax-il elf raġel minn Benjamin, ilkoll irġiel qalbenin.+
45 B’hekk, daru u ħarbu lejn ix-xagħri lejn il-blata taʼ Rimmon.+ U iktar minn hekk, l-irġiel taʼ Israel laqqtu ħamest elef raġel minnhom fit-toroq ewlenin,+ u baqgħu jiġru warajhom sa Gidgħom, u qatlu elfejn raġel ieħor minnhom. 46 U fl-aħħar dawk kollha minn Benjamin li waqgħu f’dak il-jum kienu ħamsa u għoxrin elf raġel li jisiltu s-sejf,+ ilkoll irġiel qalbenin. 47 Imma sitt mitt raġel daru u ħarbu lejn ix-xagħri lejn il-blata taʼ Rimmon, u baqgħu jgħammru fuq il-blata taʼ Rimmon+ erbaʼ xhur.
48 U l-irġiel taʼ Israel ġew lura kontra wlied Benjamin u ħabtu b’xifer is-sejf għal dawk fil-belt, minn nies s’annimali domestiċi u dawk kollha li nstabu.+ Barra minn hekk, il-bliet kollha li nstabu tawhom in-nar.+