Ġwanni
19 Imbagħad Pilatu ħa lil Ġesù u tah is-swat.+ 2 U s-suldati nisġu kuruna tax-xewk u poġġewhielu fuq rasu u libbsuh mantar vjola;+ 3 u bdew jersqu lejh u jgħidulu: “Is-sliem għalik, Sultan tal-Lhud!” Ukoll, bdew jagħtuh daqqiet taʼ ħarta.+ 4 U Pilatu reġaʼ ħareġ barra u qalilhom: “Ara! Se nġibhulkom hawnhekk biex tkunu tafu li ma nsib ebda ħtija fih.”+ 5 Għaldaqstant, Ġesù ħareġ barra, liebes il-kuruna tax-xewk u l-mantar vjola. U Pilatu qalilhom: “Ara! Ir-raġel!” 6 Madankollu, meta rawh, il-qassisin ewlenin u l-uffiċjali bdew jgħajtu u jgħidu: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!”+ Qalilhom Pilatu: “Ħuduh u sammruh intom maʼ zokk, għax jien ma nsib ebda ħtija fih.”+ 7 Wiġbuh il-Lhud: “Aħna għandna liġi,+ u skond il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu bin Alla.”+
8 Għalhekk, meta semaʼ dan il-kliem, Pilatu iktar beżaʼ; 9 u reġaʼ daħal fil-palazz tal-gvernatur u qal lil Ġesù: “Minfejn int?” Imma Ġesù ma wieġbu xejn.+ 10 B’hekk, Pilatu qallu: “M’intix se tkellimni?+ Ma tafx li għandi l-awtorità li neħilsek u l-awtorità li nsammrek maʼ zokk?” 11 Wieġbu Ġesù: “Ma kien ikollok l-ebda awtorità fuqi kieku ma ngħatatlekx minn fuq.+ Huwa għalhekk li min tani f’idejk għandu dnub akbar.”
12 Għal din ir-raġuni Pilatu baqaʼ jipprova jara kif jeħilsu. Imma l-Lhud bdew jgħajtu u jgħidulu: “Jekk teħles lil dan ir-raġel, m’intix ħabib taʼ Ċesari. Kulmin jagħmel lilu nnifsu sultan jitkellem kontra Ċesari.”+ 13 Għalhekk, wara li semaʼ dan il-kliem, Pilatu ħareġ lil Ġesù barra, u qagħad bil-qiegħda fuq tron tal-ġudizzju f’post imsejjaħ il-Bitħa biċ-Ċangatura, imma, bl-Ebrajk, Gabbata. 14 Issa kien jum it-tħejjija+ għall-Qbiż* u madwar is-sitt siegħa.* U qal lil-Lhud: “Ara! Is-sultan tagħkom!” 15 Madankollu, huma bdew jgħajtu: “Ħudu ’l hemm! Ħudu ’l hemm! Sammru maʼ zokk!” Qalilhom Pilatu: “Insammar maʼ zokk lis-sultan tagħkom?” Il-qassisin ewlenin wieġbu: “M’għandna l-ebda sultan ħlief lil Ċesari.”+ 16 Għalhekk, dak il-ħin stess tahulhom f’idejhom biex isammruh maʼ zokk.+
Imbagħad ħadu lil Ġesù. 17 U waqt li ġarr iz-zokk tat-tortura hu stess,+ ħareġ+ lejn il-post imsejjaħ Post il-Qorriegħa, li bl-Ebrajk jgħidulu Golgota;+ 18 u hemmhekk sammruh maʼ zokk,+ u lil żewġt irġiel oħra miegħu, wieħed fuq naħa u l-ieħor fuq oħra, u Ġesù fin-nofs.+ 19 Pilatu kiteb ukoll iskrizzjoni u poġġieha fuq iz-zokk tat-tortura. Kien hemm miktub: “Ġesù n-Nazzarenu s-Sultan tal-Lhud.”+ 20 Għalhekk, ħafna mil-Lhud qraw din l-iskrizzjoni, għax il-post fejn sammru lil Ġesù maʼ zokk kien qrib il-belt;+ u l-kitba kienet bl-Ebrajk, bil-Latin, u bil-Grieg. 21 Iżda, il-qassisin ewlenin tal-Lhud bdew jgħidu lil Pilatu: “Tiktibx ‘Is-Sultan tal-Lhud,’ imma li hu qal, ‘Jien is-Sultan tal-Lhud.’” 22 Wieġeb Pilatu: “Dak li ktibt ktibt.”
23 Issa, meta kienu sammru lil Ġesù maz-zokk, is-suldati ħadu ħwejġu u qassmuhom f’erbaʼ partijiet, parti għal kull suldat, u ħadu wkoll il-libsa li kien jilbes minn taħt. Imma din il-libsa kienet bla ħjata, għax kienet minsuġa minn fuq s’isfel.+ 24 Għalhekk, qalu lil xulxin: “Ħalli ma nqattgħuhiex, imma ntellgħuha bix-xorti u naraw min se jiħodha.” Dan ġara biex titwettaq l-iskrittura: “Qassmu ħwejġi bejniethom, u l-ilbies tiegħi tellgħuh bix-xorti.”+ U s-suldati tassew għamlu dan.
25 Weqfin ħdejn iz-zokk tat-tortura taʼ Ġesù kien hemm ommu+ u oħt ommu; Marija+ mart Klofa, u Marija l-Maddalena.+ 26 Għalhekk, meta ra lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb+ weqfin ħdejh, Ġesù qal lil ommu: “Mara, ara! Ibnek!” 27 Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Ara! Ommok!” U minn dak il-ħin stess id-dixxiplu ħadha f’daru.
28 Wara dan, meta kien jaf li s’issa kollox kien twettaq, sabiex titwettaq l-iskrittura, Ġesù qal: “Għandi l-għatx.”+ 29 Hemmhekk kien hemm ġarra mimlija bl-inbid qares. Għalhekk, poġġew sponża mimlija nbid qares fuq qasba taż-żuf u ressquhielu maʼ ħalqu.+ 30 Meta ngħata l-inbid qares, Ġesù qal: “Twettaq!”+ Imbagħad, mejjel rasu u radd l-ispirtu tiegħu.+
31 Issa, peress li kien jum it-Tħejjija+ u sabiex l-iġsma ma jitħallewx+ fuq iz-zokk tat-tortura f’jum is-Sabat (għax il-jum taʼ dak is-Sabat kien kbir)+ il-Lhud talbu lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jitneħħew l-iġsma. 32 Għalhekk, ġew is-suldati u kisru riġlejn l-irġiel li kienu tpoġġew bħalu fuq zokk, l-ewwel taʼ wieħed u mbagħad taʼ l-ieħor. 33 Imma malli waslu ħdejn Ġesù, billi raw li kien diġà mejjet, ma kisrulux riġlejh. 34 Iżda wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza,+ u minnufih ħareġ demm u ilma. 35 Dan qed jixhdu wieħed li rah, u x-xiehda tiegħu hi vera, u dan ir-raġel jaf li qed jgħid il-verità, sabiex intom ukoll temmnu.+ 36 Fil-fatt, dan seħħ sabiex titwettaq l-iskrittura: “Ebda waħda minn għadmu ma tiġi miksura.”+ 37 Ukoll, skrittura oħra tgħid: “Iħarsu lejn Dak li kienu nifdu.”+
38 Issa, wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu taʼ Ġesù, imma bil-moħbi għax kien jibżaʼ mil-Lhud,+ talab lil Pilatu biex jieħu l-ġisem taʼ Ġesù; u Pilatu tah permess.+ Għalhekk, ġie u ħa l-ġisem.+ 39 Ġie wkoll Nikodemu, dak li l-ewwel darba kien mar għandu bil-lejl, u ġab miegħu madwar mitt libbra* mirra u sabbara mgeżwrin.+ 40 U ħadu l-ġisem taʼ Ġesù u rabtuh bil-faxex u dilkuh bil-fwejjaħ aromatiċi,+ skond id-drawwa tad-dfin li kellhom il-Lhud. 41 Inzerta li fil-post fejn sammruh maʼ zokk kien hemm ġnien, u fil-ġnien kien hemm qabar ġdid tat-tifkira,+ li ħadd ma kien għadu tqiegħed fih. 42 Mela, minħabba jum it-tħejjija+ tal-Lhud, qiegħdu lil Ġesù hemmhekk, għax il-qabar tat-tifkira kien fil-qrib.