1 Samwel
25 Għadda ż-żmien u Samwel+ miet; u l-Israelin kollha nġemgħu flimkien u bkewh+ u difnuh f’daru f’Rama.+ Imbagħad David qam u niżel lejn ix-xagħri tal-Faran.+
2 Issa kien hemm raġel f’Magħon,+ u xogħlu kien fil-Karmel.+ U r-raġel kien għani ħafna, u kellu tlett elef nagħġa u elf mogħża; u kien qed iġiżż+ in-nagħaġ tiegħu fil-Karmel. 3 U r-raġel kien jismu Nabal,+ u martu kien jisimha Abigajl.+ U l-mara kienet bil-għaqal ferm+ u sabiħa f’suritha, imma r-raġel kien aħrax u ħażin f’għemilu;+ u kien Kalebi.+ 4 U David semaʼ fix-xagħri li Nabal kien qed iġiżż+ in-nagħaġ tiegħu. 5 Għalhekk, David bagħat għaxar żgħażagħ u David qal liż-żgħażagħ: “Itilgħu l-Karmel, u morru għand Nabal u staqsuh f’ismi kif inhu.+ 6 U hekk għidulu lil ħija, ‘Jalla tkun tajjeb+ u n-nies taʼ darek ukoll ikunu tajbin u kulma għandek ikun tajjeb. 7 U issa smajt li għandek in-nies li jġiżżu n-nagħaġ. Issa r-rgħajja tiegħek kienu magħna.+ Aħna ma ħqarnihomx,+ u xejn ma naqashom minn dak li kellhom il-jiem kollha li damu fil-Karmel. 8 Staqsi liż-żgħażagħ tiegħek stess, u jgħidulek, sabiex iż-żgħażagħ tiegħi jsibu l-ħniena f’għajnejk, għaliex f’jum tajjeb ġejna. Jekk jogħġbok, agħti mela kulma jiġi f’idek lill-qaddejja tiegħek u lil ibnek David.’”+
9 Għaldaqstant, iż-żgħażagħ taʼ David marru u kellmu lil Nabal u qalulu l-kliem kollu li kien qal David u qagħdu jistennew. 10 U Nabal wieġeb lill-qaddejja taʼ David u qalilhom: “Min hu David,+ u min hu bin Ġesse? Illum ħafna huma l-qaddejja li qed jaħarbu, kull wieħed minn quddiem sidu.+ 11 U għandi jien naqbad il-ħobż tiegħi+ u l-ilma tiegħi u l-annimali maqtulin li qattajt biċċiet għan-nies tiegħi li jġiżżu n-nagħaġ u nagħtihom lil irġiel li lanqas biss naf minfejn huma?”+
12 Għal dan, iż-żgħażagħ taʼ David daru għal triqithom u marru lura u ġew u għarrfuh b’dan il-kliem kollu. 13 Minnufih David qal lill-irġiel tiegħu: “Tħażżmu kull wieħed b’sejfu!”+ Għalhekk, kull wieħed tħażżem b’sejfu u David ukoll tħażżem b’sejfu; u bdew telgħin wara David, xi erbaʼ mitt raġel, waqt li mitejn qagħdu maʼ l-affarijiet.+
14 Sadanittant, lil Abigajl, mart Nabal, wieħed miż-żgħażagħ wasslilha l-aħbar u qalilha: “Ara! David bagħat messaġġiera mix-xagħri biex jixtieq il-ġid lil sidna, imma hu għajjat magħhom u ċanfarhom.+ 15 U dawn l-irġiel imxew tajjeb ħafna magħna, u ma ħaqruniex, u lanqas ħaġa waħda ma naqsitna l-jiem kollha li domna mexjin magħhom waqt li konna fir-rabaʼ.+ 16 Bħal sur+ kienu madwarna kemm bil-lejl u kemm bi nhar, il-jiem kollha li konna magħhom, nirgħu l-merħla. 17 U issa kun af u ara x’se tagħmel, għax gwaj ġie deċiż+ kontra sidna u kontra daru kollha, għax hu assolutament bniedem li m’hu tajjeb għal xejn+ biex tkellmu.”
18 Minnufih Abigajl+ qabdet u ħadet mitejn ħobża, żewġ ġarar kbar inbid,+ ħames nagħġiet imħejjijin tajjeb,+ ħames seat qmuħ inkaljati,+ mitt ċappa żbib,+ u mitejn ċappa tin pressat+ u għabbiethom fuq il-ħmir. 19 Imbagħad qalet liż-żgħażagħ tagħha: “Għaddu quddiemi.+ Ara! Jien ġejja warajkom.” Imma lil żewġha Nabal ma qaltlu xejn.
20 U ġara li, waqt li kienet riekba fuq il-ħmar+ u nieżla bil-moħbi minn fuq il-muntanja, kien hemm David u l-irġiel tiegħu neżlin biex jiltaqgħu magħha. Għalhekk, ġiet wiċċ imbwiċċ magħhom. 21 Issa David kien qal: “Kien kollu għalxejn li ħarist kulma għandu dan ir-raġel fix-xagħri u lanqas ħaġa waħda ma naqset minn kulma għandu,+ u madankollu hu jroddli d-deni għall-ġid.+ 22 Jalla jagħmlilhom hekk Alla, u iktar minn hekk,+ lill-għedewwa taʼ David, jekk inħalli lil xi ħadd mill-irġiel+ kollha tiegħu jibqaʼ sa fil-għodu.”+
23 Meta Abigajl lemħet lil David, hi minnufih qabdet u niżlet minn fuq il-ħmar u nxteħtet wiċċha fl-art quddiem David u mielet+ lejn l-art. 24 Imbagħad intefgħet f’riġlejh+ u qalet: “Fuqi biss, O sidi, ikun l-iżball;+ u, jekk jogħġbok, ħa tkellmek l-ilsira tiegħek,+ u agħti widen għall-kliem taʼ l-ilsira tiegħek. 25 Jekk jogħġbok, ħalli sidi ma jagħtix kas dan ir-raġel li m’hu tajjeb għal xejn,+ Nabal, għax, bħal ismu, hekk hu. Nabal jismu, u hu jaġixxi bla sens.+ U jien, l-ilsira tiegħek, ma rajthomx liż-żgħażagħ taʼ sidi li bgħatt int. 26 U issa, sidi, daqskemm Ġeħova+ hu ħaj u daqskemm ruħek hi ħajja,+ Ġeħova żammek lura+ milli ġġib fuqek il-ħtija tad-demm+ u ġġib is-salvazzjoni b’idek stess.+ U ħa jsiru bħal Nabal l-għedewwa tiegħek u dawk li qed jipprovaw jagħmlu l-ħsara lil sidi.+ 27 U issa dan ir-rigal bħala barka+ li l-qaddejja tiegħek ġabet lil sidi jrid jingħata liż-żgħażagħ li qed jimxu fil-passi+ taʼ sidi. 28 Aħfer, jekk jogħġbok, in-nuqqas taʼ l-ilsira tiegħek,+ għaliex Ġeħova żgur li se jagħmel dar dejjiema għal sidi,+ għaliex sidi qed jiġġieled il-gwerer taʼ Ġeħova;+ u l-ħażen ma jinstabx fik jiemek kollha.+ 29 Meta jqum xi ħadd biex jiġri warajk u jipprova jiħodlok ħajtek, il-ħajja taʼ sidi tkun imgeżwra fis-sorra tal-ħajja+ għand Ġeħova Alla tiegħek;+ imma l-ħajja taʼ l-għedewwa tiegħek se jixħitha bħallikieku minn ġol-keffa taʼ l-iżbandola.+ 30 U jrid iseħħ li, minħabba li Ġeħova se jagħmel lil sidi l-ġid li tkellem dwarek, hu se jinkarigak bħala mexxej fuq Israel.+ 31 U ħalli dan ma jsirx t’għali għalik jew taʼ tfixkil għal qalb sidi, kemm billi xxerred id-demm għalxejn+ u kemm billi sidi jġib is-salvazzjoni b’idu stess.+ U Ġeħova jagħmel il-ġid lil sidi, u int ftakar+ fl-ilsira tiegħek.”
32 U David qal lil Abigajl: “Ikun imbierek Ġeħova, l-Alla taʼ Israel,+ li llum bagħtek tiltaqaʼ miegħi! 33 U tkun imbierka int li int sensibbli,+ u tkun imbierka int li llum żammejtni milli nġib fuqi l-ħtija tad-demm+ u nġib is-salvazzjoni b’idi stess.+ 34 U, mill-banda l-oħra, daqskemm hu ħaj Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, li żammni lura milli nagħmillek il-ħsara,+ kieku int m’għaġġiltx biex tiġi tiltaqaʼ miegħi,+ kieku żgur li sad-dawl taʼ fil-għodu Nabal ma kien jibqagħlu ebda raġel.”+ 35 B’hekk, David aċċetta minn idha dak li kienet ġabitlu, u lilha qalilha: “Itlaʼ bis-sliem+ lejn darek. Ara! Jien smajt minn leħnek u se nagħtik dak li tlabtni.”+
36 Iktar tard Abigajl daħlet għand Nabal, u dan kellu festa f’daru bħal festa taʼ sultan;+ u Nabal kien qed iħossu kuntent f’qalbu, u kien fis-sakra+ għall-aħħar; u lanqas ħaġa waħda ma qaltlu, la żgħira u lanqas kbira, sad-dawl taʼ fil-għodu. 37 U ġara fil-għodu, meta lil Nabal kien għaddielu l-effett taʼ l-inbid, li martu qaltlu b’dawn l-affarijiet. U qalbu+ mietet fih, u sar iebes ġebla. 38 Wara dan, għaddew xi għaxart ijiem u mbagħad Ġeħova laqat+ lil Nabal, u dan miet.
39 U David semaʼ li Nabal kien miet, u għalhekk qal: “Ikun imbierek Ġeħova, li mexxa l-kawża legali+ taʼ l-għajb tiegħi+ biex jeħlisni minn id Nabal u li żamm lura lill-qaddej tiegħu mill-ħażen,+ u l-ħażen taʼ Nabal, Ġeħova dawwarhulu għal fuq rasu stess!”+ U David bagħat jitlob lil Abigajl biex jiħodha b’martu.+ 40 Għalhekk, il-qaddejja rġiel taʼ David marru għand Abigajl fil-Karmel u kellmuha u qalulha: “David bagħatna għandek biex jieħdok b’martu.” 41 Minnufih hi qamet u mielet wiċċha lejn l-art+ u qalet: “Hawn hi l-ilsira tiegħek bħala qaddejja biex taħsel saqajn+ il-qaddejja rġiel taʼ sidi.”+ 42 Imbagħad Abigajl+ għaġġlet u qamet u rikbet+ fuq il-ħmar b’ħames qaddejja nisa tagħha mexjin warajha; u marret wara l-messaġġiera taʼ David u saret martu.
43 David kien ħa wkoll lil Aħinogħam+ minn Ġeżragħel;+ u n-nisa saru, saħansitra t-tnejn li huma, in-nisa tiegħu.+
44 Inkwantu għal Sawl, hu kien ta lil bintu Mikal,+ mart David, lil Palti,+ bin Lajs, li kien minn Gallim.+