Ġeremija
19 Hekk qal Ġeħova: “Mur, u ħu flixkun tal-fuħħar mingħand fuħħari+ u sejjaħ lil xi wħud mix-xjuħ tal-poplu u tal-qassisin. 2 U mur sal-wied taʼ bin Ħinnom,+ li jinsab ħdejn id-daħla taʼ Bieb ix-Xaqquf,* u hemmhekk xandar il-kliem li se ngħidlek.+ 3 U għid, ‘Isimgħu l-kelma taʼ Ġeħova, O slaten taʼ Ġuda u intom abitanti taʼ Ġerusalemm.+ Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati,+ l-Alla taʼ Israel:
“‘“Arawni, se nġib gwaj fuq dan il-post, gwaj li meta xi ħadd jismaʼ dwaru widnejh iżarżru;+ 4 għax telquni,+ u dan il-post ġabuh ma jintgħarafx b’dak li għamlu,+ u offrew fih duħħan tas-sagrifiċċji lil allat oħrajn li ma kinux jafuhom,+ la huma, la missirijiethom, u lanqas is-slaten taʼ Ġuda; u mlew dan il-post bid-demm taʼ l-innoċenti.+ 5 U bnew il-postijiet għall-qima* lill-Bagħal sabiex jaħarqu lil uliedhom fin-nar bħala offerti sħaħ tal-ħruq lill-Bagħal,+ xi ħaġa li ma kkmandajthomx jagħmlu jew għedtilhom biha,+ u li lanqas biss għaddietli minn moħħi.”’*+
6 “‘“Għalhekk, ara, ġej żmien,” hija l-kelma taʼ Ġeħova, “meta dan il-post ma jissejjaħx iktar Tofet+ u wied bin Ħinnom,+ imma wied il-qatla. 7 U f’dan il-post se nġib fix-xejn l-iskop taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm,+ u se nwaqqagħhom bis-sejf quddiem l-għedewwa tagħhom u b’id dawk li jipprovaw jiħdulhom ħajjithom.+ U nagħti l-iġsma mejtin tagħhom bħala ikel lill-ħlejjaq li jtiru fis-smewwiet u lill-bhejjem taʼ l-art.+ 8 U din il-belt nagħmilha oġġett taʼ stagħġib u taʼ tisfir.+ Kulmin jgħaddi minn ħdejha se jibqaʼ ċċassat u jsaffar bi stagħġib minħabba l-kastigi kollha tagħha.+ 9 U nġegħelhom jieklu l-laħam taʼ wliedhom subien u bniet; u kull wieħed se jiekol laħam għajru, minħabba li jkunu magħluqin minn kullimkien u minħabba t-tbatija li se jġibu fuqhom l-għedewwa tagħhom u dawk li qed jipprovaw jiħdulhom ħajjithom.”’+
10 “U kisser il-flixkun quddiem għajnejn l-irġiel li ġejjin miegħek. 11 U għidilhom, ‘Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati: “Bl-istess mod se nkisser lil dan il-poplu u lil din il-belt, bħal meta wieħed ikisser reċipjent tal-fuħħari b’mod li ma jkunx jistaʼ jissewwa iktar;+ u f’Tofet+ se jidfnu sakemm ma jibqax iktar wisaʼ għad-dfin.”’+
12 “‘Hekk se nagħmillu lil dan il-post,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘u lil dawk li jgħixu fih, u lil din il-belt nagħmilha bħal Tofet.+ 13 U d-djar taʼ Ġerusalemm u d-djar tas-slaten taʼ Ġuda se jsiru bħal Tofet,+ mhux nodfa. Dawn huma d-djar kollha li fuq il-bjut tagħhom offrew id-duħħan tas-sagrifiċċji lill-armata kollha tas-smewwiet+ u ferrgħu l-offerti tax-xorb lil allat oħrajn.’”+
14 U Ġeremija ġie minn Tofet,+ minfejn Ġeħova kien bagħtu jipprofetizza, u waqaf fil-bitħa tad-dar taʼ Ġeħova u qal lill-poplu kollu:+ 15 “Hekk qal Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, ‘Ara, se nġib fuq din il-belt u fuq il-bliet kollha tagħha l-gwaj kollu li ddikjarajt kontriha, għax webbsu rashom sabiex ma jobdux kliemi.’”+