Neħemija
5 Madankollu, qamet għajta+ kbira taʼ lment fost il-poplu, min-naħa taʼ ċerti rġiel flimkien man-nisa tagħhom, kontra ħuthom il-Lhud.+ 2 U kien hemm min qed jgħid: “Lil uliedna subien u bniet qed nagħtuhom bħala garanzija biex ikollna l-qmuħ ħa nieklu u nibqgħu ħajjin.”+ 3 U kien hemm min qed jgħid: “L-għelieqi tagħna u l-oqsma tad-dwieli tagħna u djarna qed nagħtuhom bħala garanzija+ biex ikollna l-qmuħ meta jkun hawn in-nuqqas taʼ ikel.” 4 U kien hemm min qed jgħid: “Issellifna l-flus fuq l-għelieqi tagħna u l-oqsma tad-dwieli tagħna+ għall-ħaraġ tas-sultan.+ 5 U issa laħamna hu bħal laħam ħutna;+ uliedna subien huma bħal uliedhom subien, imma, ara, lil uliedna subien u bniet qed nagħmluhom ilsiera,+ u xi wħud minn uliedna l-bniet diġà spiċċaw hekk; u m’għandniex setgħa f’idejna għax l-għelieqi tagħna u l-oqsma tad-dwieli tagħna issa huma taʼ ħaddieħor.”
6 Issa jien irrabjajt ħafna malli smajt l-għajta tagħhom taʼ lment u dan il-kliem. 7 U qgħadt nikkunsidra f’qalbi, u lill-ħakkiema deputati u lin-nobbli bdejt ngħidilhom bi ħtijiethom,+ u għedtilhom: “Intom qed tisilfu l-flus bl-imgħax esaġerat,+ kull wieħed mingħand ħuh stess.”
Iktar minn hekk, organizzajt assemblea kbira minħabba fihom.+ 8 U għedtilhom: “Aħna stess xtrajna lura+ lil ħutna l-Lhud li kienu mibjugħin lill-ġnus, safejn kien fis-setgħa tagħna; u fl-istess ħin intom se tbigħu lil ħutkom stess,+ u għandhom jinbiegħu lilna?” Għal dan, huma tbikkmu, u ma sabux x’jgħidu.+ 9 U jien għedt: “Dak li qed tagħmlu mhux tajjeb.+ M’għandkomx intom timxu bil-biżaʼ+ t’Alla tagħna+ minħabba ż-żebliħ+ mill-ġnus, l-għedewwa tagħna?+ 10 U anki jien, ħuti u l-qaddejja tiegħi qed nagħtu l-flus u l-qmuħ b’self fosthom. Ejjew, jekk jogħġobkom, nieqfu nisilfu bl-imgħax.+ 11 Jekk jogħġobkom, agħtuhom lura llum l-għelieqi tagħhom,+ l-oqsma tad-dwieli tagħhom, l-imsaġar tagħhom taż-żebbuġ u djarhom, u wieħed fil-mija tal-flus u tal-qmuħ, taʼ l-inbid ġdid u taż-żejt li ħadtu bħala mgħax mingħandhom.”
12 Għal dan, qalu: “Aħna se rroddulhom kollox lura,+ u ma se nitolbuhom xejn lura.+ Se nagħmlu eżatt kif qed tgħid.”+ Għalhekk, sejjaħt lill-qassisin u ġegħelthom jaħilfu li jagħmlu skond din il-kelma.+ 13 U wkoll, farfart ħobb ħwejġi u għedt: “Jalla l-Alla l-veru jfarfar hekk lil kull bniedem li ma jwettaqx din il-kelma minn daru u mill-proprjetà li kiseb; u ħa jiġi mfarfar u żvojtat b’dan il-mod.” Għal dan, il-kongregazzjoni kollha qalet: “Amen!”+ U bdew ifaħħru lil Ġeħova.+ U n-nies għamlu skond din il-kelma.+
14 Ħaġa oħra: Minn dakinhar li inkarigani bħala l-gvernatur tagħhom+ fl-art taʼ Ġuda, mis-sena għoxrin+ sas-sena tnejn u tletin+ tas-Sultan Artaserse,+ għal tnax-il sena, jien u ħuti ma kilniex il-ħobż dovut lill-gvernatur.+ 15 U l-gvernaturi taʼ qabli kienu taqqlu lin-nies, u kuljum kienu jieħdu mingħandhom għall-ħobż u l-inbid erbgħin xekel fidda. Anki l-qaddejja tagħhom iddominaw lin-nies.+ Imma jien m’għamiltx hekk+ minħabba l-biżaʼ t’Alla.+
16 U, iktar minn hekk, jien tajt daqqa t’id fix-xogħol taʼ dan is-sur,+ u lanqas għalqa ma ħadna;+ u l-qaddejja kollha tiegħi kienu miġburin hemmhekk għax-xogħol. 17 U l-Lhud u l-ħakkiema deputati, mija u ħamsin raġel, u dawk li kienu jiġu għandna mill-ġnus taʼ madwarna kienu jkunu mal-mejda tiegħi.+ 18 U inkwantu għal dak li kien jitħejja kuljum, kienu jitħejjew għalija barri, sitt nagħġiet magħżulin u tjur, u darba kull għaxart ijiem kull xorta taʼ nbid+ bl-abbundanza. U maʼ dan jien ma tlabtx il-ħobż dovut lill-gvernatur, għax is-servizz fuq dan il-poplu kien tqil. 19 Ftakar fija,+ O Alla tiegħi, b’mod tajjeb,+ għal dak kollu li għamilt għan-nom taʼ dan il-poplu.+