Ġeremija
37 U minflok Konija*+ bin Ġeħojakim+ beda jsaltan is-Sultan Sedekija+ bin Ġosija,+ li Nebukadressar, is-sultan taʼ Babilonja, għamlu sultan fl-art taʼ Ġuda.+ 2 U hu u l-qaddejja tiegħu u n-nies tal-pajjiż ma tawx widen għall-kliem li Ġeħova+ qal permezz tal-profeta Ġeremija.+
3 U s-Sultan Sedekija bagħat lil Ġeħukal+ bin Selemija u lil Sofonija+ bin Magħseja,+ il-qassis, għand il-profeta Ġeremija biex jgħidlu: “Jekk jogħġbok, itlob lil Ġeħova Alla tagħna għalina.”+ 4 U Ġeremija kien jidħol u joħroġ fost il-poplu,+ għax kienu għadhom ma tefgħuhx il-ħabs. 5 U l-qawwa militari tal-Fargħun ħarġet mill-Eġittu;+ u l-Kaldin li kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm semgħu b’din l-aħbar. Għalhekk, irtiraw minn kontra Ġerusalemm.+ 6 Imbagħad il-kelma taʼ Ġeħova ġiet għand il-profeta Ġeremija, tgħid: 7 “Hekk qal Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, ‘Lis-sultan taʼ Ġuda, dak li bagħatkom tistaqsuni,+ għidulu dan: “Ara! Il-qawwa militari tal-Fargħun li ġejja biex tgħinkom se jkollha terġaʼ tmur lura f’pajjiżha, l-Eġittu.+ 8 U l-Kaldin jerġgħu jiġu u jiġġieldu kontra din il-belt u jirbħuha u jaħarquha bin-nar.”+ 9 Hekk qal Ġeħova: “Titqarrqux,+ u tgħidu, ‘Il-Kaldin żgur jitilqu u ma jibqgħux jiġġieldu kontrina,’ għax m’humiex se jitilqu. 10 Għax li kieku kellkom toqtlu l-qawwa militari kollha tal-Kaldin li qed jiġġildulkom+ u jibqaʼ fosthom xi rġiel minfudin,+ kull wieħed minnhom fit-tinda tiegħu kien iqum u lil din il-belt jaħraqha bin-nar.”’”
11 Meta l-qawwa militari tal-Kaldin irtirat minn kontra Ġerusalemm+ minħabba l-qawwa militari tal-Fargħun,+ 12 Ġeremija telaq minn Ġerusalemm biex imur fl-art taʼ Benjamin+ u jieħu sehmu hemmhekk fost il-poplu. 13 Mela ġara li, meta kien f’Bieb Benjamin,+ kien hemm l-għassies ewlieni, li kien jismu Irija, bin Selemija, bin Ħananija. Minnufih, dan qabad lill-profeta Ġeremija u qallu: “Int se taħrab għal mal-Kaldin!” 14 Imma Ġeremija qallu: “Mhux veru!+ M’iniex sejjer mal-Kaldin.” Iżda Irija ma riedx jismaʼ, u żamm lil Ġeremija u ħadu għand il-prinċpijiet. 15 U l-prinċpijiet+ bdew jirrabjaw għal Ġeremija,+ u sawtuh+ u tefgħuh f’dar l-irbit,+ fid-dar taʼ Ġeħonatan+ is-segretarju, għax kienu għamluha ħabs.+ 16 U meta ħaduh fil-ġiebja+ taʼ taħt id-dar u fil-kmamar bil-ħnejjiet, Ġeremija tħalla jgħix hemmhekk għal ħafna żmien.
17 U s-Sultan Sedekija bagħat għalih u ġabu għandu, u s-sultan beda jagħmillu mistoqsijiet f’daru, fejn ma jarahom ħadd.+ U qallu: “Hemm xi kelma mingħand Ġeħova?” Għal dan Ġeremija qallu: “Hemm!” U kompla jgħidlu: “F’idejn is-sultan taʼ Babilonja se tingħata!”+
18 Imbagħad Ġeremija qal lis-Sultan Sedekija: “B’liema mod dnibt kontrik u kontra l-qaddejja tiegħek u kontra dan il-poplu,+ biex tfajtuni l-ħabs? 19 Fejn huma issa l-profeti tiegħek li pprofetizzawlek u qalulek, ‘Is-sultan taʼ Babilonja ma jiġix kontrikom u kontra dan il-pajjiż’?+ 20 U issa ismagħni, jekk jogħġbok, O sidi s-sultan. Ħa tasal quddiemek it-talba tiegħi,+ jekk jogħġbok, u terġax tibgħatni fid-dar taʼ Ġeħonatan+ is-segretarju, li ma mmurx immut hemmhekk.”+ 21 Għaldaqstant, is-Sultan Sedekija ta l-kmand, u żammew lil Ġeremija arrestat fil-Bitħa taʼ l-Għassa;+ u kien jingħata ħobża kuljum mit-triq tal-furnara,+ sakemm spiċċa l-ħobż kollu tal-belt.+ U Ġeremija baqaʼ jgħix fil-Bitħa taʼ l-Għassa.+