Dewteronomju
29 Dan hu l-kliem tal-patt li Ġeħova kkmanda lil Mosè biex jagħmel maʼ wlied Israel fl-art taʼ Mowab minbarra l-patt li kien għamel magħhom fil-Ħoreb.+
2 U Mosè sejjaħ lil Israel kollu u qalilhom: “Intom kontu dawk li rajtu kulma Ġeħova għamel quddiem għajnejkom fl-art taʼ l-Eġittu lill-Fargħun u lill-qaddejja kollha tiegħu u lil artu kollha,+ 3 il-provi kbar li rajtu b’għajnejkom,+ dawk is-sinjali kbar+ u l-mirakli.+ 4 U madankollu Ġeħova ma takomx qalb biex tagħrfu u għajnejn biex taraw u widnejn biex tisimgħu sa dan il-jum.+ 5 ‘Waqt li jien bqajt niggwidakom erbgħin sena fix-xagħri,+ ħwejjiġkom ma qdimux fuqkom, u s-sandli tiegħek ma qdiemx f’saqajk.+ 6 Ħobż ma kiltux,+ u nbid u xorb li jsakkar ma xrobtux, sabiex tkunu tafu li jien Ġeħova Alla tagħkom.’ 7 Maż-żmien ġejtu f’dan il-post, u Siħon, is-sultan taʼ Ħesbon,+ u Għog,+ is-sultan tal-Basan, ħarġu jiltaqgħu magħna għall-battalja, imma għelibniehom.+ 8 Imbagħad ħadna arthom u tajnieha bħala wirt lir-Rubenin, lill-Gadin, u lin-nofs it-tribù tal-Manassin.+ 9 Għalhekk, intom ħarsu l-kliem taʼ dan il-patt u agħmluh, sabiex kulma tagħmlu jirnexxi.+
10 “Ilkoll kemm intom tinsabu llum quddiem Ġeħova Alla tagħkom, il-kapijiet tat-tribujiet tagħkom, ix-xjuħ tagħkom u l-uffiċjali tagħkom, kull raġel taʼ Israel,+ 11 iċ-ċkejknin tagħkom, in-nisa tagħkom,+ u r-resident barrani+ li qiegħed f’nofs il-kamp tiegħek, minn dak li jiġborlok l-injam sa dak li jtellagħlek l-ilma,+ 12 sabiex tidħol fil-patt+ taʼ Ġeħova Alla tiegħek u fil-ħalfa tiegħu, li Ġeħova Alla tiegħek qed jagħmel miegħek illum;+ 13 bl-iskop li llum jistabbilik bħala l-poplu tiegħu+ u biex juri li hu Alla tiegħek,+ sewwasew bħalma wiegħdek u bħalma ħalef lil missirijietek Abraham,+ Iżakk,+ u Ġakobb.+
14 “Issa jien mhux miegħek biss qed nagħmel dan il-patt u din il-ħalfa,+ 15 imma wkoll maʼ dak li llum qiegħed hawnhekk magħna quddiem Ġeħova Alla tagħna u maʼ dawk li m’humiex hawnhekk magħna llum;+ 16 (għax intom stess tafu tajjeb kif għammarna fl-art taʼ l-Eġittu u kif għaddejna minn qalb il-ġnus li għaddejtu minnhom intom.+ 17 U kontu taraw l-affarijiet moqżieża tagħhom u l-idoli tagħhom moqżieża daqs id-demel,+ taʼ l-injam u tal-ġebel, tal-fidda u tad-deheb, li kienu għandhom;) 18 ħalli ma jkunx hemm fostkom xi raġel jew mara jew familja jew tribù li qalbu llum qed titbiegħed minn Ġeħova Alla tagħna biex imur jaqdi l-allat taʼ dawn il-ġnus;+ ħalli ma jkunx hemm fostkom għerq li jagħmel il-frott taʼ pjanta velenuża u pjanta morra.*+
19 “U jrid iseħħ li meta xi ħadd ikun semaʼ l-kliem taʼ din il-ħalfa,+ u jkun ftaħar f’qalbu u qal, ‘Se jkolli s-sliem,+ għalkemm nimxi fl-ebusija taʼ qalbi,’+ bil-ħsieb li jeqred l-art imsoqqija tajjeb flimkien maʼ l-art għatxana, 20 Ġeħova ma jkunx irid jaħfirlu,+ imma mbagħad ir-rabja taʼ Ġeħova+ u l-ħeġġa tiegħu+ jixegħlu kontra dan ir-raġel,+ u l-ħalfa kollha miktuba f’dan il-ktieb+ żgur li se tibqaʼ fuqu, u Ġeħova jħassarlu ismu minn taħt is-smewwiet. 21 Għalhekk, Ġeħova jifirdu+ mit-tribujiet kollha taʼ Israel għall-gwaj fi qbil mal-ħalfa kollha tal-patt li hi miktuba f’dan il-ktieb tal-liġi.
22 “U l-ġenerazzjoni tal-futur, uliedkom li jiġu warajkom, se tgħid, kif ukoll il-barrani li jiġi minn art imbiegħda, saħansitra meta huma jkunu raw il-kastigi taʼ din l-art u l-mard tagħha li Ġeħova marradha bihom,+ 23 kubrit u melħ+ u ħruq,+ u b’hekk l-art kollha tagħha la tinżeraʼ, la tnibbet, u lanqas ebda ħaxix ma jikber fiha, bħalma ġara fil-qerda taʼ Sodoma u Gomorra,+ Adma+ u Sebojim,+ li Ġeħova qered fir-rabja tiegħu u fil-korla tiegħu;+ 24 iva, il-ġnus kollha se jgħidu, ‘Ġeħova għala għamlilha hekk lil din l-art?+ Għala s-saħna taʼ din ir-rabja kbira?’ 25 Imbagħad ikollhom jgħidu, ‘Kien minħabba li abbandunaw il-patt+ taʼ Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, li għamel magħhom meta ħariġhom mill-art taʼ l-Eġittu.+ 26 U marru jaqdu allat oħrajn u jmilu quddiemhom, allat li ma kinux jafuhom u li ma ħadu xejn minnhom.+ 27 Imbagħad ir-rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra din l-art u ġab fuqha s-saħta kollha miktuba f’dan il-ktieb.+ 28 B’hekk, Ġeħova qalagħhom mill-għeruq minn arthom f’rabja+ u f’korla u f’għadab kbir u xeħithom f’art oħra bħalma hu llum.’+
29 “L-affarijiet misturin+ huma taʼ Ġeħova Alla tagħna, imma l-affarijiet rivelati+ huma tagħna u taʼ wliedna għal żmien indefinit, biex inwettqu l-kliem kollu taʼ din il-liġi.+