2 Samwel
18 U David għadd in-nies li kienu miegħu u qiegħed fuqhom kapijiet taʼ l-eluf u kapijiet tal-mijiet.+ 2 Barra minn hekk, David bagħat terz+ min-nies taħt il-kmand taʼ Ġowab+ u terz taħt il-kmand t’Abisaj,+ bin Seruja, ħu Ġowab,+ u terz taħt il-kmand taʼ Ittaj+ il-Gitti. Imbagħad is-sultan qal lin-nies: “Jien stess żgur li se noħroġ magħkom ukoll.” 3 Imma n-nies qalulu: “Toħroġx,+ għax jekk ikollna assolutament naħarbu, ma jħabblux rashom għalina;+ u jekk imutu nofsna, ma jħabblux rashom għalina, għaliex int tiswa daqs għaxart elef minna;+ u issa jkun aħjar jekk int tibqaʼ fil-belt biex tagħtina l-għajnuna.”+ 4 Għalhekk, is-sultan qalilhom: “Kulma jidher li hu tajjeb f’għajnejkom nagħmlu.”+ U s-sultan baqaʼ wieqaf maġenb il-bieb,+ u n-nies kollha ħarġu bil-mijiet u bl-eluf.+ 5 U s-sultan issokta jordna lil Ġowab, lil Abisaj, u lil Ittaj, u qalilhom: “Ittrattawh tajjeb+ minħabba fija liż-żagħżugħ Absalom.” U n-nies kollha semgħu meta s-sultan ordna lill-kapijiet kollha dwar il-kwistjoni t’Absalom.
6 U n-nies baqgħu ħerġin lejn il-kampanja biex jiltaqgħu maʼ Israel; u l-battalja seħħet fil-foresta t’Efrajm.+ 7 Fl-aħħar, in-nies taʼ Israel+ ġew megħlubin+ hemmhekk quddiem il-qaddejja taʼ David, u l-qatla hemmhekk kienet kbira dakinhar, għoxrin elf raġel. 8 U l-battalja hemmhekk infirxet fuq dik l-art kollha safejn tagħti l-vista. Iżjed minn hekk, il-foresta belgħet iktar nies milli belaʼ s-sejf dakinhar.
9 Issa Absalom sab ruħu quddiem il-qaddejja taʼ David. U Absalom kien riekeb fuq bagħal, u l-bagħal daħal taħt il-friegħi minsuġin taʼ siġra kbira ħafna, u b’hekk rasu nqabdet fis-siġra l-kbira, u baqaʼ mdendel bejn sema u art,+ waqt li l-bagħal li kien taħtu baqaʼ sejjer. 10 Imbagħad kien hemm raġel li rah u kellem lil Ġowab+ u qallu: “Ara! Rajt lil Absalom imdendel maʼ siġra kbira.” 11 Għal dan, Ġowab qal lir-raġel li kien qed ikellmu: “U, ara, int rajtu, u għala ma qtiltux u ħallejtu jaqaʼ fl-art hemmhekk? Imbagħad kien ikolli nagħtik għaxar biċċiet tal-fidda u ċinturin.”+ 12 Imma r-raġel qal lil Ġowab: “Għalkemm jintiżnuli elf biċċa tal-fidda fuq il-pali taʼ idejja, m’għandix immidd idi fuq bin is-sultan; għax aħna smajnieh lis-sultan meta lilek u lil Abisaj u lil Ittaj ordnalkom u qalilkom, ‘Araw, intom min intom, li tieħdu ħsieb iż-żagħżugħ, Absalom.’+ 13 Għax inkella nkun aġixxejt bi tradiment kontrih u l-kwistjoni kollha ma kinitx tkun moħbija mis-sultan,+ u int stess kont tibqaʼ indifferenti.” 14 U Ġowab qallu: “Ħa ma nibqax hawnhekk b’dan il-mod quddiemek!” U malli qal hekk qabad tliet vleġeġ f’idu u niffidhom+ f’qalb Absalom waqt li kien għadu ħaj qalb+ il-friegħi tas-siġra l-kbira. 15 Imbagħad għaxar qaddejja li kienu qed iġorru l-armi taʼ Ġowab ġew hemmhekk u darbu lil Absalom, sabiex joqtluh.+ 16 Ġowab issa daqq il-qarn,+ biex in-nies ma jibqgħux jiġru wara Israel; għax Ġowab kien żammhom lura n-nies. 17 Fl-aħħar, huma qabdu lil Absalom u tefgħuh f’ħofra kbira fil-foresta u tellgħu fuqu gozz kbir ferm taʼ ġebel.+ Inkwantu għal Israel kollu, dawn ħarbu kull wieħed lejn daru.
18 Issa Absalom, meta kien għadu ħaj, kien ħa u waqqaf għalih stess kolonna,+ li qiegħda fil-Pjanura l-Baxxa tas-Sultan,+ għax qal: “M’għandi ebda iben sabiex ifakkar ismi.”+ Għalhekk, il-kolonna semmieha b’ismu stess,+ u għadha tissejjaħ il-Monument t’Absalom sa dan il-jum.
19 Issa Aħimgħas,+ bin Sadok, qal: “Ħa niġri, jekk jogħġbok, u nagħti l-aħbar lis-sultan, għaliex Ġeħova għamillu ħaqq biex jeħilsu minn id l-għedewwa tiegħu.”+ 20 Imma Ġowab qallu: “M’intix raġel li tagħti l-aħbarijiet illum, u l-aħbar trid tagħtiha ġurnata oħra; imma llum tagħtix l-aħbar, għar-raġuni li miet bin is-sultan stess.”+ 21 Imbagħad Ġowab qal lill-Kusi:+ “Mur għid lis-sultan dak li rajt.” U l-Kusi miel quddiem Ġowab u telaq jiġri. 22 Aħimgħas, bin Sadok, reġaʼ qal lil Ġowab: “Issa ħa jiġri li jrid, u ħalli lili wkoll, jekk jogħġbok, niġri wara l-Kusi.” Madankollu, Ġowab qallu: “Għalfejn għandek tiġri int ukoll, ibni, meta ma tinstab ebda aħbar għalik?” 23 Xorta waħda qallu: “Issa ħa jiġri li jrid, ħallini niġri.” Għalhekk, qallu: “Iġri!” U Aħimgħas telaq jiġri mit-triq li tagħti għad-Distrett,+ u mbagħad għadda lill-Kusi.
24 Issa David kien bil-qiegħda bejn iż-żewġ bibien.+ Sadanittant, l-għassies+ telaʼ fuq is-saqaf tal-bieb tas-sur. Sa fl-aħħar refaʼ għajnejh u lemaħ raġel jiġri waħdu. 25 Għalhekk, l-għassies sejjaħ u kellem lis-sultan, u s-sultan qal: “Jekk qiegħed waħdu, għandu xi aħbar f’fommu.” U baqaʼ ġej, joqrob dejjem iktar. 26 L-għassies issa ra raġel ieħor jiġri. Għalhekk, l-għassies sejjaħ lil dak li kien għassa mal-bieb u qallu: “Ara! Raġel ieħor jiġri waħdu!” u s-sultan qal: “Dan ukoll qed iġorr xi aħbar.” 27 U l-għassies issokta jgħid: “Qed nara li l-mod kif jiġri l-ewwel wieħed hu bħall-mod kif jiġri+ Aħimgħas,+ bin Sadok,” u s-sultan qallu: “Dan raġel tajjeb,+ u b’aħbar tajba+ għandu jiġi.” 28 Imbagħad Aħimgħas sejjaħ u qal lis-sultan: “Kollox sew!” U hu miel wiċċu lejn l-art quddiem is-sultan. U ssokta jgħid: “Ikun imbierek+ Ġeħova Alla tiegħek, li rażżan+ l-irġiel li refgħu idhom kontra sidi s-sultan!”
29 Madankollu, is-sultan qallu: “Jinsab tajjeb iż-żagħżugħ Absalom?” U Aħimgħas wieġbu: “Rajt l-għagħa kbira li qamet x’ħin Ġowab bagħat il-qaddej tas-sultan u l-qaddej tiegħek, u ma kontx naf x’kienet.”+ 30 Għalhekk, is-sultan qallu: “Ersaq fil-ġenb u oqgħod hawnhekk.” Għal dan, hu resaq fil-ġenb u qagħad hemmhekk.
31 U, ara, kien ġej il-Kusi,+ u l-Kusi beda jgħid: “Ħa jaċċetta sidi s-sultan l-aħbar, għax Ġeħova għamillek ħaqq illum biex jeħilsek minn id dawk kollha li qamu kontrik.”+ 32 Imma s-sultan qal lill-Kusi: “Jinsab tajjeb iż-żagħżugħ Absalom?” U l-Kusi wieġbu: “Jalla l-għedewwa taʼ sidi s-sultan u dawk kollha li qamu kontrik biex jagħmlulek il-ħsara jsiru bħaż-żagħżugħ.”+
33 Imbagħad is-sultan ħassu mħawwad u telaʼ fl-għorfa+ taʼ fuq id-daħla tal-bieb u nfexx jibki; u hekk qal hu u miexi: “Ibni Absalom, ibni, ibni+ Absalom! O mhux li mitt jien, jien stess, minflokok, Absalom ibni, ibni!”+