Imħallfin
4 Imbagħad ulied Israel reġgħu bdew jagħmlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova issa li Eħud kien miet.+ 2 Għalhekk, Ġeħova biegħhom+ f’id Ġabin is-sultan taʼ Kangħan, li kien isaltan f’Ħasor;+ u l-kap taʼ l-armata tiegħu kien Sisera,+ u kien jgħammar f’Ħaroset+ tal-ġnus. 3 U wlied Israel bdew jgħajtu lil Ġeħova,+ għax hu kellu disaʼ mitt karru tal-gwerra armati bi xfafar tal-ħadid,+ u hu ħaqar lil ulied Israel+ bi ħruxija għal għoxrin sena.
4 Issa Debora, profetessa,+ il-mara taʼ Lappidot, kienet tiġġudika lil Israel f’dak iż-żmien partikulari. 5 U kienet tgħammar taħt is-siġra tal-palm taʼ Debora bejn Rama+ u Betel+ fir-reġjun muntanjuż t’Efrajm; u wlied Israel kienu jitilgħu għandha biex tgħarrafhom il-ġudizzji t’Alla. 6 U bagħtet issejjaħ lil Barak+ bin Abinogħam minn Kedes-naftali+ u qaltlu: “Ġeħova l-Alla taʼ Israel tak il-kmand: ‘Mur u nfirex mal-Muntanja Tabor,+ u trid tieħu miegħek għaxart elef raġel minn ulied Naftali+ u minn ulied Żebulun.+ 7 U jien niġbed lejk+ fil-wied* taʼ Kison+ lil Sisera+ l-kap taʼ l-armata taʼ Ġabin+ u l-karrijiet tal-gwerra tiegħu u l-folla tiegħu, u jien tabilħaqq nagħtih f’idejk.’”+
8 Għal dan, Barak qalilha: “Jekk tiġi miegħi, jien immur ukoll; imma jekk ma tiġix miegħi, ma mmurx.” 9 U hi qalet: “Żgur niġi miegħek. Madankollu, mhux se jkollok unur fit-triq li sejjer fiha, għax Ġeħova se jerħi* lil Sisera f’idejn mara.”+ B’dan, Debora qamet u marret maʼ Barak lejn Kedes.+ 10 U Barak beda jsejjaħ lil Żebulun+ u lil Naftali flimkien lejn Kedes, u telgħu warajh għaxart elef raġel;+ u Debora telgħet miegħu.
11 Issa Ħeber+ il-Keni kien infired mill-Kenin,+ ulied Ħobab, il-kunjatu taʼ Mosè,+ u kellu t-tinda tiegħu mwaqqfa ħdejn is-siġra l-kbira f’Sagħnannim, li qiegħda f’Kedes.
12 Imbagħad irrapportaw lil Sisera li Barak bin Abinogħam+ kien telaʼ lejn il-Muntanja Tabor.+ 13 Minnufih Sisera sejjaħ flimkien il-karrijiet kollha tal-gwerra tiegħu, id-disaʼ mitt karru tal-gwerra armati bi xfafar tal-ħadid,+ u lin-nies kollha li kienu miegħu, minn Ħaroset tal-ġnus sal-wied taʼ Kison.+ 14 Debora issa qalet lil Barak: “Qum, għax dan hu l-jum li fih Ġeħova se jagħti lil Sisera f’idek. M’huwiex Ġeħova li ħareġ quddiemek?”+ U Barak niżel minn fuq il-Muntanja Tabor b’għaxart elef raġel warajh. 15 U Ġeħova tefaʼ f’konfużjoni+ lil Sisera u l-karrijiet kollha tal-gwerra tiegħu u lill-kamp tiegħu quddiem is-sejf taʼ Barak u qeridhom. Fl-aħħar, Sisera niżel minn fuq il-karru u ħarab bil-mixi. 16 U Barak telaq jiġri wara+ l-karrijiet tal-gwerra+ u l-kamp sa Ħaroset tal-ġnus, u b’hekk il-kamp kollu taʼ Sisera waqaʼ b’xifer is-sejf. Lanqas wieħed ma tħalla.+
17 Inkwantu għal Sisera,+ hu ħarab bil-mixi lejn it-tinda taʼ Ġagħel+ mart Ħeber il-Keni,+ għax kien hemm il-paċi bejn Ġabin is-sultan taʼ Ħasor+ u n-nies taʼ dar Ħeber il-Keni. 18 Imbagħad Ġagħel ħarġet tiltaqaʼ maʼ Sisera u qaltlu: “Għaddi s’hawn, sidi, għaddi s’għandi. Tibżax.” Għalhekk, hu dar għal għandha fit-tinda. Iktar tard hi għattietu b’kutra. 19 Imbagħad qalilha: “Jekk jogħġbok, agħtini nixrob naqra ilma, għax għandi l-għatx.” Għaldaqstant, hi fetħet flixkun tal-ġild+ bil-ħalib u tatu jixrob,+ u wara dan għattietu. 20 U hu qalilha: “Oqgħod fid-daħla tat-tinda, u jekk jiġi xi ħadd u jistaqsik, ‘Hawn xi raġel?’ int għidlu, ‘Le!’”
21 U Ġagħel mart Ħeber ħadet musmar tat-tinda u martell f’idha. Imbagħad resqet lejh inkiss inkiss u daħħlitlu l-musmar ġo ngħasu+ u sammritu maʼ l-art, waqt li kien rieqed fil-fond u għajjien. U hekk miet.+
22 U Barak kien qed jiġri wara Sisera. Ġagħel issa ħarġet tiltaqaʼ miegħu u qaltlu: “Ejja ħa nurik ir-raġel li qed tfittex.” Għalhekk, daħal għandha, u, ara, kien hemm Sisera mixħut mejjet, bil-musmar f’ngħasu.
23 B’hekk, dakinhar Alla rażżan+ lil Ġabin is-sultan taʼ Kangħan quddiem ulied Israel. 24 U id ulied Israel saret iktar u iktar iebsa kontra Ġabin is-sultan taʼ Kangħan,+ sakemm kienu qerdu lil Ġabin is-sultan+ taʼ Kangħan.