Ġeremija
12 Int ġust,+ O Ġeħova, meta nsemmagħlek l-ilment tiegħi, iva, meta nitkellem miegħek dwar il-ġudizzji tiegħek. Iżda, il-ħżiena għala rnexxew,+ u għala ħadd mit-tradituri m’għandu inkwiet? 2 Int ħawwilthom u huma qabbdu l-għeruq. Komplew sejrin ’il quddiem, u taw ukoll il-frott. Int qrib fuq fommhom, imma ’l bogħod minn qalbhom.*+ 3 U int, O Ġeħova, lili tafni sew;+ int tarani, u eżaminajtli qalbi biex tara hix marbuta miegħek.+ Agħżilhom bħal nagħaġ għall-qatla,+ u warrabhom għal jum il-qtil. 4 Kemm se ddum tiddgħajjef l-art,+ u jinxef il-ħaxix kollu tar-rabaʼ?+ Minħabba l-ħażen taʼ dawk li jgħammru fiha nqerdu l-bhejjem u t-tjur.+ Għax huma qalu: “Hu ma jarahx il-futur tagħna.”
5 Jekk għejejt tiġri man-nies, mela kif tistaʼ ttellaq maż-żwiemel?+ Jekk tħossok fiduċjuż f’pajjiż fejn hemm il-paċi,+ x’se tagħmel fl-imsaġar folti taʼ mal-Ġordan?+ 6 Għax saħansitra ħutek u dar missierek aġixxew miegħek bi tradiment.+ Anki huma ġew jgħajtu kemm jifilħu warajk. Tafdahomx sempliċement għax jgħidulek kliem sabiħ.+
7 “Tlaqt lil dari;+ abbandunajt il-wirt tiegħi;+ irħejt il-maħbuba tiegħi* f’idejn l-għedewwa tagħha.+ 8 Hi, il-wirt tiegħi, saret għalija bħal iljun fil-foresta. Għolliet leħinha kontrija. Għalhekk bgħadtha.+ 9 Għalija, il-wirt tiegħi+ hu bħal għasfur tal-priża b’ħafna lwien; l-għasafar tal-priża jduru għalih.+ Ejjew, inġabru flimkien, bhejjem salvaġġi kollha tar-rabaʼ; ġibuhom ħa jieklu.+ 10 Bosta rgħajja+ ħarbtu l-għalqa tad-dwieli tiegħi;+ għaffġuli sehmi taħt saqajhom.+ Sehmi, li tant kien sabiħ,+ ġabuhuli xagħri abbandunat. 11 Sar art abbandunata;+ nixef u ġie abbandunat.+ Il-pajjiż kollu ġie abbandunat, għax ħadd ma ħa l-affarijiet bis-serjetà.+ 12 Dawk li ħarbtu l-pajjiż ġew fil-passaġġi kollha tax-xagħri. Għax is-sejf taʼ Ġeħova qed jiblaʼ lin-nies minn tarf sa tarf tal-pajjiż.+ L-ebda ħliqa ħajja m’għandha sliem. 13 Żergħu l-qamħ, imma ħasdu x-xewk.+ Infilġu bix-xogħol għalxejn.+ U jkollhom jistħu bil-prodotti tagħhom tar-rabaʼ minħabba r-rabja taħraq taʼ Ġeħova.”
14 Hekk qal Ġeħova: “Lill-ġirien ħżiena tiegħi kollha,+ li qed imissu l-wirt li jien tajt lill-poplu tiegħi, iva, lil Israel,+ ara, qed naqlagħhom minn arthom;+ u d-dar taʼ Ġuda naqlagħha minn ġo nofshom.+ 15 U jiġri li wara li nkun qlajthom mill-għeruq jien nerġaʼ nħenn għalihom+ u nġibhom lura, kulħadd lejn wirtu u kulħadd lejn artu.”+
16 “U jiġri li jekk jitgħallmu sew it-triqat tal-poplu tiegħi billi jaħilfu b’ismi,+ ‘Daqskemm Ġeħova hu ħaj!’ bħalma huma għallmu lill-poplu tiegħi jaħilfu b’Bagħal,+ huma wkoll ikollhom post f’nofs il-poplu tiegħi.+ 17 Imma jekk ma jobdux, jien naqlaʼ wkoll lil dak il-ġens mill-għeruq, naqilgħu u neqirdu,”+ hija l-kelma taʼ Ġeħova.