Ġeremija
14 Din kienet il-kelma taʼ Ġeħova lil Ġeremija dwar in-nixfa:+ 2 Ġuda tnikket,+ u l-bibien tiegħu ddgħajfu.+ Intefgħu maʼ l-art imdejqin,+ u nstemaʼ l-għajat taʼ Ġerusalemm.+ 3 Il-kbarat bagħtu lil dawk taʼ taħthom għall-ilma.+ Dawn marru ħdejn il-ġwiebi, iżda ma sabux ilma.+ Reġgħu lura bil-ġarar tagħhom vojta. Ġew imġegħlin jistħu,+ kienu diżappuntati, u għattew rashom.+ 4 Minħabba li ma niżlitx xita fil-pajjiż,+ il-ħamrija xxaqqet, u l-bdiewa stħaw u għattew rashom.+ 5 U anki ċ-ċerva li wildet fir-rabaʼ kellha titlaq il-ferħ tagħha, għax ma kienx hemm ħaxix tari. 6 U ż-żebri+ waqfu fuq l-għoljiet għerjin, jilhġu għan-nifs bħax-xakalli; għajnejhom għajjenin għax m’hemmx ħdura.+ 7 Għalkemm l-iżbalji tagħna jixhdu kontrina, O Ġeħova, aġixxi minħabba ismek;+ għax l-atti tagħna taʼ infedeltà kotru;+ kontrik dnibna aħna.+
8 O tama taʼ Israel,+ is-Salvatur tiegħu+ fi żmien l-hemm,+ għala qisek resident barrani fil-pajjiż, bħal vjaġġatur li ġie biex iqattaʼ l-lejl?+ 9 Għala qisek raġel miblugħ, bħal wieħed setgħan li ma jistaʼ jsalva lil ħadd?+ Imma int qiegħed fostna,+ O Ġeħova, u fuqna ssejjaħ ismek.+ Tiddiżappuntaniex.
10 Hekk qal Ġeħova dwar dan il-poplu: “Ħadu pjaċir jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn;+ lil saqajhom ma rażżnuhomx.+ Għaldaqstant, Ġeħova xejn ma ħa pjaċir bihom.+ Issa hu se jiftakar l-iżball tagħhom u jitlob kont taʼ dnubiethom.”+
11 U Ġeħova qalli: “Titlobx li dawn in-nies jaħbtilhom tajjeb.+ 12 Meta jsumu u jgħajtu bil-ħrara ma nismagħhomx;+ u meta joffru l-offerti sħaħ tal-ħruq u l-offerti tal-qmuħ, ma niħux pjaċir bihom;+ għax bis-sejf u bil-ġuħ u bil-pesta se neqridhom.”+
13 Għal dan għedt: “Jaħasra, O Mulej Sovran Ġeħova! Ara, il-profeti qed jgħidulhom, ‘M’intom se taraw l-ebda sejf, u l-ebda ġuħ m’hu ġej fuqkom, imma paċi vera se nagħtikom f’dan il-post.’”+
14 Imbagħad Ġeħova qalli: “Gideb qed jipprofetizzaw f’ismi l-profeti.+ Mhux jien bgħatthom, u la kkmandajthom u lanqas kellimthom.+ Viżjoni falza, teħbir, kliem bla siwi,+ u l-ingann taʼ qalbhom qed jipprofetizzawlkom.+ 15 Għalhekk, dan qal Ġeħova dwar il-profeti li qed jipprofetizzaw f’ismi mingħajr ma bgħatthom, u li qed jgħidu li l-ebda sejf jew ġuħ m’hu ġej fuq dan il-pajjiż, ‘Bis-sejf u bil-ġuħ se jinqerdu dawk il-profeti.+ 16 U n-nies li qed jisimgħuhom jipprofetizzaw se jispiċċaw mitfugħin ’il barra fit-toroq taʼ Ġerusalemm minħabba l-ġuħ u s-sejf, u ma jkun hemm ħadd biex jidfinhom—lilhom, lin-nisa tagħhom u lil uliedhom subien u bniet.+ U l-gwaj li ġabu nferrgħu fuqhom.’+
17 “U għidilhom din il-kelma, ‘Ħalli għajnejja jxerrdu d-dmugħ lejl u nhar u ma jiqfux,+ għax il-verġni, bint il-poplu tiegħi, tkissret b’tisbita kbira,+ b’ferita fonda li m’hemmx fejqan għaliha.+ 18 Jekk noħroġ fir-rabaʼ, nara lill-maqtulin bis-sejf!+ U jekk nidħol fil-belt, nara l-mard minħabba l-ġuħ!+ Għax kemm il-profeta u kemm il-qassis marru jiġġerrew f’pajjiż li ma kinux jafuh.’”+
19 Ċħadt lil Ġuda għalkollox?+ Int* stmerrejt lil Sijon?+ Għala sawwatna, u m’hemmx fejqan għalina?+ Ittamajna għall-paċi, imma ma ġie xejn tajjeb; għal żmien taʼ fejqan, u, ara, ġie biżaʼ kbir!+ 20 O Ġeħova, aħna nirrikonoxxu ħżunitna, l-iżball taʼ missirijietna,+ għax aħna dnibna kontrik.+ 21 Minħabba ismek tonqosniex mir-rispett;+ tistmerrx it-tron glorjuż tiegħek.+ Ftakar; tiksirx il-patt tiegħek magħna.+ 22 Fost l-idoli fiergħa tal-ġnus,+ hemm xi wieħed li jistaʼ jniżżel ix-xita, jew jistgħu s-smewwiet minn rajhom jitfgħu l-ħalbiet tax-xita?+ Mhux int, O Ġeħova Alla tagħna?+ U aħna fik nittamaw, għax int għamilt dawn l-affarijiet kollha.+