Levitiku
27 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Jekk raġel jagħmel offerta t’erwieħ b’wegħda speċjali+ lil Ġeħova skond il-valur stmat, 3 u l-valur stmat ikun taʼ raġel minn għoxrin sena sa sittin sena, il-valur stmat ikun ħamsin xekel fidda skond ix-xekel tal-post qaddis. 4 Imma jekk tkun mara, il-valur stmat irid ikun tletin xekel. 5 U jekk l-età tkun minn ħames snin sa għoxrin sena, il-valur stmat tat-tifel jew tar-raġel irid ikun għoxrin xekel u għall-mara għaxar xwiekel. 6 U jekk l-età tkun minn xahar sa ħames snin, il-valur stmat tat-tifel irid ikun ħames+ xwiekel fidda u għat-tifla l-valur stmat irid ikun tliet xwiekel fidda.
7 “‘Issa jekk l-età tkun minn sittin sena ’l fuq, jekk ikun raġel, il-valur stmat irid ikun ħmistax-il xekel u għall-mara għaxar xwiekel. 8 Imma jekk ikun ftaqar wisq biex jagħti l-valur stmat,+ hu jrid iqiegħed lill-individwu quddiem il-qassis, u l-qassis irid jagħti stima tiegħu.+ Il-qassis jagħti stima tiegħu skond kemm ikun jiflaħ+ iħallas min jagħmel il-wegħda.
9 “‘U jekk tkun bhima, bħal dik li wieħed jippreżenta b’offerta lil Ġeħova, kulma jagħti lil Ġeħova jsir xi ħaġa qaddisa.+ 10 Ma jistax jagħti xi ħaġa minflokha, u ma jistax jibdilha, it-tajba mal-ħażina jew il-ħażina mat-tajba. Imma jekk fil-fatt jibdel bhima m’oħra, kemm din stess u kemm dik li jibdilha magħha għandhom isiru xi ħaġa qaddisa. 11 U jekk tkun xi bhima mhix nadifa,+ bħal dik li wieħed ma jistax jippreżenta b’offerta lil Ġeħova,+ irid iqiegħed il-bhima quddiem il-qassis.+ 12 U l-qassis irid jagħti stima tagħha sew jekk tkun tajba u sew jekk tkun ħażina. Skond kemm jistma l-valur+ il-qassis, daqshekk tkun tiswa. 13 Imma jekk fil-fatt ikun irid jixtriha lura, mal-valur stmat irid iżid wieħed minn ħamsa+ tal-valur tagħha.
14 “‘Issa jekk raġel iqaddes lil daru bħala xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova, il-qassis irid jagħti stima tagħha sew jekk tkun tajba u sew jekk tkun ħażina.+ Skond kemm jistmaha l-qassis, daqshekk għandha tiswa. 15 Imma jekk min iqaddisha jkun irid jixtri lura daru, magħha jrid iżid wieħed minn ħamsa tal-flus tal-valur stmat;+ u ssir tiegħu.
16 “‘U jekk raġel ikun irid iqaddes xi parti mir-rabaʼ+ tiegħu lil Ġeħova, il-valur irid ikun stmat skond kemm ikun fiha żerriegħa: jekk fiha ħomer+ żerriegħa tax-xgħir, allura ħamsin xekel fidda. 17 Jekk hu jqaddes l-għalqa tiegħu mis-sena tal-Ġublew+ ’il quddiem, għandha tiswa skond il-valur stmat. 18 U jekk iqaddes l-għalqa tiegħu wara l-Ġublew, il-qassis irid jikkalkulalu l-prezz skond is-snin li jkun fadal sas-sena tal-Ġublew li jkun imiss, u għandu jsir tnaqqis mill-valur stmat.+ 19 Imma jekk min iqaddisha fil-fatt jixtri l-għalqa lura, magħha jrid iżid wieħed minn ħamsa tal-flus tal-valur stmat, u tkun tiegħu.+ 20 Issa jekk l-għalqa ma jixtrihiex lura, imma l-għalqa tinbiegħ lil raġel ieħor, ma tistax terġaʼ tinxtara lura. 21 U meta l-għalqa tinħeles fil-Ġublew, din trid issir xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova, bħala għalqa li tkun dedikata.*+ Din issir tal-qassis.+
22 “‘U jekk lil Ġeħova jqaddislu l-għalqa li jkun xtara u li ma tkunx parti mir-rabaʼ tiegħu,+ 23 il-qassis irid jikkalkulalu l-ammont tal-valur sas-sena tal-Ġublew, u jrid jagħti l-valur stmat f’dak il-jum.+ Din hi xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova.+ 24 Fis-sena tal-Ġublew l-għalqa terġaʼ lura għand min begħhielu, għand dak li l-art tkun tiegħu.+
25 “‘Issa kull valur għandu jkun stmat bix-xekel tal-post qaddis. Ix-xekel għandu jammonta għal għoxrin gera.+
26 “‘Huwa biss l-ewwel imwieled fost il-bhejjem, li jitwieled bħala l-ewwel imwieled għal Ġeħova,+ li ebda bniedem m’għandu jqaddsu. Sew jekk barri u sew jekk nagħġa, dawn ikunu taʼ Ġeħova.+ 27 U jekk ikun fost il-bhejjem mhux nodfa+ u jrid jifdih skond il-valur stmat, irid iżid miegħu wieħed minn ħamsa tal-valur tiegħu.+ Imma jekk ma jinxtarax lura jrid jinbiegħ skond il-valur stmat.
28 “‘Biss ebda ħaġa li raġel jiddedikaha lil Ġeħova għall-qerda,*+ minn kulma hu tiegħu, sew jekk mill-bnedmin, sew jekk mill-bhejjem, u sew jekk mir-rabaʼ tiegħu, ma tistaʼ tinbiegħ, u ebda ħaġa dedikata ma tistaʼ tinxtara lura.+ Hi xi ħaġa mill-iktar qaddisa għal Ġeħova. 29 Ebda individwu li jkun dedikat għall-qerda minn fost il-bnedmin ma jistaʼ jiġi mifdi.+ Żgur li għandu jingħata l-mewt.+
30 “‘U kull parti minn għaxra+ taʼ l-art, miż-żerriegħa taʼ l-art u l-frott tas-siġra, hi taʼ Ġeħova. Hi xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. 31 U jekk raġel ikun irid fil-fatt jixtri lura xi ħaġa mill-parti minn għaxra tiegħu, għandu jżid magħha wieħed minn ħamsa tal-valur tagħha.+ 32 Inkwantu għal kull parti minn għaxra tal-merħla tal-baqar u tal-merħla tan-nagħaġ, kulma jgħaddi minn taħt l-għasluġ,+ l-għaxar ras għandha ssir xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova. 33 M’għandux joqgħod jara jekk hix tajba jew ħażina, u lanqas m’għandu jibdilha. Imma jekk fil-fatt jibdilha, kemm din stess u kemm dik li jibdilha magħha għandhom isiru xi ħaġa qaddisa.+ Ma tistax tinxtara lura.’”
34 Dawn huma l-kmandamenti+ li Ġeħova ta lil Mosè bħala kmandi għal ulied Israel fuq il-Muntanja Sinaj.+