Numri
35 U Ġeħova ssokta jkellem lil Mosè fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab biswit il-Ġordan+ f’Ġeriko u jgħidlu: 2 “Ordna lil ulied Israel biex jagħtu lil-Leviti bliet+ mill-wirt tagħhom ħalli joqogħdu fihom, u għandhom jagħtu lil-Leviti l-mergħat taʼ madwar il-bliet.+ 3 U l-bliet iservu biex joqogħdu fihom huma, waqt li l-mergħat tagħhom iservu għall-annimali domestiċi tagħhom u kulma hu meħtieġ biex iżommuhom u għall-bhejjem salvaġġi kollha tagħhom. 4 U l-mergħat tal-bliet, li tagħtu lil-Leviti, ikunu mis-sur tal-belt ’il barra, elf kubitu dawramejt. 5 U kejlu ’l barra mill-belt fuq in-naħa tal-lvant elfejn kubitu u fuq in-naħa tan-nofsinhar elfejn kubitu u fuq in-naħa tal-punent elfejn kubitu u fuq in-naħa tat-tramuntana elfejn kubitu, bil-belt fin-nofs. Dan iservi għalihom bħala mergħat tal-bliet.
6 “Dawn huma l-bliet li tagħtu lil-Leviti: sitt ibliet tar-refuġju,+ li tagħtu biex dak li joqtol jaħrab hemmhekk,+ u minbarra dawn tagħtu tnejn u erbgħin belt oħra. 7 Il-bliet kollha li tagħtu lil-Leviti jkunu tmienja u erbgħin belt, dawn flimkien mal-mergħat tagħhom.+ 8 Il-bliet li tagħtu jkunu mill-wirt taʼ wlied Israel.+ Mingħand il-ħafna tieħdu ħafna, u mingħand il-ftit tieħdu ftit.+ Kull wieħed, skond il-wirt tiegħu li jieħu biex ikun tiegħu, jagħti ftit mill-bliet tiegħu lil-Leviti.”
9 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 10 “Kellem lil ulied Israel, u għidilhom, ‘Intom se taqsmu l-Ġordan biex tmorru fl-art taʼ Kangħan.+ 11 U tridu tagħżlu bliet konvenjenti għalikom. Dawn iservu għalikom bħala bliet tar-refuġju, u dak li jolqot lil xi ħadd* mhux apposta u joqtlu jrid jaħrab hemmhekk.+ 12 U l-bliet iservu għalikom bħala refuġju minħabba dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm,+ sabiex dak li joqtol ma jmutx qabel ma jidher quddiem il-ġemgħa għall-ġudizzju.+ 13 U l-bliet li tagħtu, is-sitt ibliet tar-refuġju, ikunu għad-dispożizzjoni tagħkom. 14 Tagħtu tlett ibliet din in-naħa tal-Ġordan,+ u tagħtu tlett ibliet fl-art taʼ Kangħan.+ Dawn iservu bħala bliet tar-refuġju. 15 Dawn is-sitt ibliet se jservu bħala refuġju għal ulied Israel u għar-resident barrani+ u għall-immigrant f’nofshom, biex kulmin joqtol lil xi ħadd mhux apposta jaħrab fihom.+
16 “‘Issa jekk jidorbu b’xi ħaġa tal-ħadid, u b’hekk imut, hu jkun qattiel.+ Il-qattiel żgur li għandu jingħata l-mewt.+ 17 U jekk jidorbu b’ġebla żgħira li biha jistaʼ jmut, u b’hekk imut, hu jkun qattiel. Il-qattiel żgur li għandu jingħata l-mewt. 18 U jekk jidorbu b’xi ħaġa żgħira taʼ l-injam li biha jistaʼ jmut, u b’hekk imut, hu jkun qattiel. Il-qattiel żgur li għandu jingħata l-mewt.
19 “‘Dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu+ għad-demm għandu joqtol lill-qattiel. Meta jiltaqaʼ miegħu, joqtlu hu stess. 20 U jekk jimbottah b’mibegħda+ jew iwaddablu xi ħaġa waqt li jkun qed jonsoblu,+ u b’hekk imut, 21 jew b’għadwa jidorbu b’idu, u b’hekk imut, dak li jidorbu żgur li għandu jingħata l-mewt. Hu jkun qattiel. Dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm għandu joqtol lill-qattiel meta jiltaqaʼ miegħu.+
22 “‘Imma jekk ikun bla mistenni u mingħajr għadwa li jimbottah jew li jwaddablu xi ħaġa bla ma jkun qed jonsoblu,+ 23 jew, mingħajr ma jarah, iwaddab ġebla li jistaʼ joqtlu biha jew iwaqqagħha fuqu, u b’hekk imut, waqt li ma jkunx l-għadu tiegħu u ma jkunx qed jipprova jweġġgħu, 24 il-ġemgħa trid tiġġudika bejn dak li jidorbu u dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm skond dawn il-ġudizzji.+ 25 U l-ġemgħa+ trid teħles lil dak li joqtol minn id dak li għandu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm, u l-ġemgħa trid tieħdu lura lejn il-belt tar-refuġju tiegħu li jkun ħarab fiha, u hu jrid jgħammar fiha sakemm imut il-qassis il-kbir li ġie midluk biż-żejt qaddis.+
26 “‘Imma jekk dak li joqtol, fil-fatt, joħroġ ’il barra minn tarf il-belt tar-refuġju tiegħu li jaħrab fiha, 27 u dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu+ għad-demm isibu ’l barra minn tarf il-belt tar-refuġju tiegħu, u dak li jkollu d-dritt jivvendika ruħu għad-demm joqtol lil dak li joqtol, hu ma jkollu ebda ħtija tad-demm. 28 Għax hu għandu jgħammar fil-belt tar-refuġju tiegħu sal-mewt tal-qassis il-kbir,+ u wara li jmut il-qassis il-kbir, dak li joqtol ikun jistaʼ jmur lura lejn l-art li tkun tiegħu. 29 U dawn iservu għalikom bħala statut għall-ġudizzju matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom fil-postijiet kollha fejn tgħammru intom.
30 “‘Kulmin jaħbat għal xi ħadd u joqtlu għandu jinqatel bħala qattiel+ skond fomm ix-xhieda,+ u xhud wieħed ma jistax jixhed kontra xi ħadd biex dan imut. 31 U tieħdu ebda fidwa għall-ħajja taʼ qattiel li ħaqqu jmut,+ għax żgur li għandu jingħata l-mewt.+ 32 U tiħdux fidwa għal dak li jaħrab lejn il-belt tar-refuġju, ħalli jkun jistaʼ jerġaʼ jmur jgħammar f’artu qabel il-mewt tal-qassis il-kbir.
33 “‘U tniġġsux l-art li qegħdin fiha; għaliex hu d-demm li jniġġes l-art,+ u għall-art m’hemm ebda tpattija għad-demm li jkun ixxerred fuqha ħlief bid-demm taʼ dak li xerrdu.+ 34 U tniġġsux l-art li qed tgħammru fiha u li jien qed ngħammar f’nofsha; għax jien Ġeħova qed ngħammar f’nofs ulied Israel.’”+