Proverbji
25 Dawn ukoll huma l-proverbji taʼ Salamun+ li ġew ikkopjati min-nies taʼ Ħeżekija, is-sultan taʼ Ġuda:+
2 Il-glorja t’Alla hi li kwistjoni jżommha sigrieta,+ u l-glorja tas-slaten hi li jgħarblu l-kwistjoni.+
3 Is-smewwiet għall-għoli+ u l-art għall-fond,+ kif ukoll qalb is-slaten, ma tistax tifhimhom għalkollox.+
4 Ħa jitneħħa l-ħmieġ mill-fidda, u toħroġ irfinuta kollha kemm hi.+
5 Ħa jitneħħa l-bniedem mill-agħar minn quddiem is-sultan,+ u t-tron tiegħu jiġi stabbilit fis-sod permezz tas-sewwa.+
6 Tonorax lilek innifsek quddiem is-sultan,+ u toqgħodx fejn joqogħdu l-kbarat.+ 7 Għax aħjar jgħidlek hu: “Itlaʼ hawnhekk,”+ milli jbaxxik f’għajnejn xi nobbli li tkun taf.+
8 Tgħaġġilx biex tagħmel kawża legali, għax imbagħad x’se tagħmel, meta fl-aħħar jumiljak għajrek?+ 9 Iddefendi l-kawża tiegħek m’għajrek,+ u tikxifx id-diskors kunfidenzjali taʼ ħaddieħor;+ 10 li ma jmurx min ikun qed jismaʼ jġiegħlek tistħi u r-rapport ħażin tiegħek ma jkunx jistaʼ jitħassar.
11 Kelma li tingħad f’waqtha hi bħal tuffieħ tad-deheb f’tinqix tal-fidda.+
12 Min iwiddeb bl-għerf hu bħal misluta tad-deheb, u bħal ornament taʼ deheb fin, għall-widna li tismaʼ.+
13 Bħall-frisk tal-borra+ f’jum il-ħsad hu l-mibgħut leali għal dawk li jibagħtuh, għax hu jsaħħaħ mill-ġdid ruħ is-sidien tiegħu.+
14 Bħal sħab u riħ mingħajr xita hu l-bniedem li jiftaħar b’rigal li ma tax.+
15 Il-paċenzja tipperswadi kmandant, u lsien ġwejjed jistaʼ jkisser għadma.+
16 Sibt l-għasel?+ Kul kemm għandek bżonn, sabiex ma tiħux iżżejjed u jkollok taqilgħu.+
17 Tmiddx saqajk f’dar għajrek taʼ sikwit, li ma tmurx ixxebbgħu u jsir jobogħdok.
18 Min jixhed kontra għajru fil-falz qisu mazza tal-gwerra u sejf u vleġġa misnuna.+
19 Bħal sinna mkissra u sieq imfekka hija l-fiduċja taʼ traditur fi żmien l-hemm.+
20 Min ineħħi l-libsa f’jum kiesaħ hu bħal ħall fuq l-alkali* u bħal għannej li jgħanni lil qalb imnikkta.+
21 Jekk min jobogħdok hu bil-ġuħ, agħtih jiekol il-ħobż; u jekk hu bil-għatx, agħtih jixrob l-ilma.+ 22 Għax tkun qed tiġmaʼ l-ġamar fuq rasu,+ u Ġeħova jippremjak.+
23 Ir-riħ mit-tramuntana jġib xita bil-qliel bħal bl-uġigħ tal-ħlas;+ u l-ilsien li jikxef sigriet iġib kundanna.+
24 Aħjar tgħammar f’rokna fuq bejt milli fl-istess dar maʼ mara ġellieda.+
25 Bħal ilma kiesaħ għal ruħ għajjiena,+ hekk hu rapport tajjeb minn art imbiegħda.+
26 Għajn imniġġsa u bir rovinat hu l-ġust li jogħtor quddiem il-bniedem mill-agħar.+
27 Mhux tajjeb li tiekol ħafna għasel;+ u meta n-nies ifittxu l-glorja tagħhom stess, xi glorja tkun din?+
28 Bħal belt minfuda, mingħajr sur, hu l-bniedem li ma jrażżanx l-ispirtu tiegħu.+