Ġenesi
44 Iktar tard hu ordna lir-raġel li kien jiħodlu ħsieb daru,+ u qallu: “Imla l-ixkejjer taʼ l-irġiel bl-ikel skond kemm jifilħu jġorru, u poġġi l-flus taʼ kull wieħed f’wiċċ l-ixkora tiegħu.+ 2 Imma qiegħed it-tazza tiegħi, it-tazza tal-fidda, f’wiċċ l-ixkora taż-żgħir flimkien mal-flus għaċ-ċereali tiegħu.” Għalhekk, hu għamel skond dak li qallu Ġużeppi.+
3 Il-jum kien sebaħ meta ntbagħtu l-irġiel+ bil-ħmir tagħhom. 4 Ħarġu mill-belt u ma kinux tbiegħdu ħafna meta Ġużeppi qal lir-raġel li kien jiħodlu ħsieb daru: “Qum! Mur iġri wara l-irġiel u kun ċert li tilħaqhom u tgħidilhom, ‘Għala ħallastu l-ġid bid-deni?+ 5 M’hijiex din it-tazza li jixrob minnha sidi u li biha jaqra s-sinjali b’sengħa kbira?+ Azzjoni ħażina għamiltu.’”
6 Fil-fatt, hu laħaqhom u qalilhom dan il-kliem. 7 Imma huma qalulu: “Sidi għala qed jgħidilna dan il-kliem? Il-qaddejja tiegħek ma jgħaddilhomx minn moħħhom li jagħmlu ħaġa bħal din. 8 Ara! Il-flus li sibna f’wiċċ l-ixkejjer tagħna ġibnihomlok lura mill-art taʼ Kangħan.+ Mela, kif stajna nisirqu l-fidda jew id-deheb minn dar sidek?+ 9 Ħa jmut dak il-wieħed minn fost l-ilsiera tiegħek li tinstab għandu u nsiru aħna wkoll ilsiera taʼ sidi.”+ 10 Għalhekk, qalilhom: “Ħa jsir issa eżatt skond kliemkom.+ B’hekk, dak li tinstab għandu jsir ilsir tiegħi,+ imma intom tkunu misjubin innoċenti.” 11 U huma malajr niżżlu kull wieħed l-ixkora tiegħu fl-art u kull wieħed fetaħ l-ixkora tiegħu stess. 12 U hu beda jfittex bir-reqqa. Beda bil-kbir u spiċċa biż-żgħir. Sa fl-aħħar, it-tazza nstabet fl-ixkora taʼ Benjamin.+
13 Imbagħad ċarrtu ħwejjiġhom+ u kull wieħed għabba lura t-tagħbija tiegħu fuq il-ħmar tiegħu u reġgħu lura lejn il-belt. 14 U Ġuda+ u ħutu daħlu fid-dar taʼ Ġużeppi, u hu kien għadu hemm; u nxteħtu wiċċhom fl-art quddiemu.+ 15 Ġużeppi issa qalilhom: “X’azzjoni hi din li għamiltuli? Ma kontux tafu li bniedem bħali jistaʼ jaqra s-sinjali b’sengħa kbira?”+ 16 Għal dan, Ġuda qallu: “X’nistgħu ngħidulu lil sidi? Xi kliem nistgħu ngħidu? U kif nistgħu niġġustifikaw lilna nfusna?+ L-Alla l-veru kixef l-iżball taʼ l-ilsiera tiegħek.+ Ara! Aħna lsiera taʼ sidi,+ kemm aħna u kemm dak li f’idu nstabet it-tazza!” 17 Madankollu, Ġużeppi qal: “Ma jgħaddilix minn moħħi li nagħmel dan!+ Il-bniedem li f’idu nstabet it-tazza hu dak li jsir ilsir tiegħi.+ Il-kumplament tistgħu titilgħu bis-sliem għand missierkom.”+
18 Ġuda issa resaq lejh u qallu: “Nitolbok, sidi, jekk jogħġbok, ħa jgħid kelma l-ilsir tiegħek biex jisimgħu sidi,+ u ħa ma tisħonx ir-rabja tiegħek+ kontra l-ilsir tiegħek, għaliex int daqs il-Fargħun.+ 19 Sidi staqsa lill-ilsiera tiegħu u qalilhom, ‘Għandkom missier jew ħu?’ 20 Għalhekk, għedna lil sidi, ‘Għandna missier xwejjaħ u tifel taʼ xjuħitu, iż-żgħir.+ Imma ħuh mejjet, u b’hekk minn ommu baqaʼ hu waħdu,+ u missieru tassew iħobbu.’ 21 U int għedt lill-ilsiera tiegħek, ‘Niżżluhuli sabiex narah b’għajnejja.’+ 22 Imma aħna għedna lil sidi, ‘It-tifel ma jistax jitlaq lil missieru. Jekk jitlaq lil missieru, dan żgur imut.’+ 23 Imbagħad int għedt lill-ilsiera tiegħek, ‘Jekk ħukom iż-żgħir ma jinżilx magħkom, intom ma tarawx iżjed wiċċi.’+
24 “U ġara li aħna tlajna għand missieri, l-ilsir tiegħek, u għednielu l-kliem taʼ sidi. 25 Iktar tard missierna qalilna, ‘Morru lura, ixtrulna ftit ikel.’+ 26 Imma aħna għednielu, ‘Ma nistgħux ninżlu. Aħna ninżlu jekk ħuna ż-żgħir ikun magħna, għaliex ma nistgħux naraw wiċċ dak ir-raġel jekk ħuna ż-żgħir ma jkunx magħna.’+ 27 Imbagħad missieri, l-ilsir tiegħek, qalilna, ‘Intom tafu tajjeb li marti ma wilditlix ħlief żewġ subien.+ 28 Iktar tard wieħed minnhom kien miegħi u telaqni u jien għedt: “Ah, żgur li tqattaʼ bċejjeċ!”+ u ma rajtux iżjed. 29 Jekk tieħdu lil dan ukoll minn quddiemi u jiġrilu xi aċċident u jmut, żgur li fi xjuħiti bl-għali titfgħuni fil-Qabar.’*+
30 “U issa, malli nasal għand missieri, l-ilsir tiegħek, u t-tifel ma jkunx magħna, billi ruħu hi marbuta maʼ ruħ it-tifel,+ 31 jiġri li malli jara li t-tifel m’huwiex hemm hu żgur li jmut, u l-ilsiera tiegħek tabilħaqq li se jniżżlu fi xjuħitu lil missierna, l-ilsir tiegħek, u bl-għali jitfgħuh fil-Qabar. 32 Għax l-ilsir tiegħek għamel tajjeb+ għat-tifel sakemm ikun ’il bogħod minn missieru, u qal, ‘Jekk nonqos li nġibhulek lura, allura nkun dnibt kontra missieri għal dejjem.’+ 33 Għalhekk issa, jekk jogħġbok, ħa jibqaʼ l-ilsir tiegħek minflok it-tifel bħala lsir taʼ sidi, sabiex it-tifel jitlaʼ maʼ ħutu.+ 34 Għax kif nistaʼ nitlaʼ għand missieri u t-tifel ma jkunx miegħi, u mbagħad nara l-għali li ġej fuq missieri?”+