Atti
28 Meta salvajna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.+ 2 U n-nies li kienu jitkellmu bi lsien barrani wrewna qalb tajba li ma bħalha,+ għax qabbdu n-nar u laqgħuna lkoll u tawna l-għajnuna minħabba li kienet nieżla x-xita u kien il-ksieħ.+ 3 U x’ħin Pawlu ġabar qabda ħatab u tefgħu fin-nar, ħarġet lifgħa minħabba s-sħana u qabdet maʼ idu. 4 Meta n-nies tal-post raw il-ħliqa velenuża mdendla maʼ idu, bdew jgħidu lil xulxin: “Żgur li dan ir-raġel hu xi qattiel, għax għalkemm salva mill-għarqa, il-ġustizzja pattithielu u ma ħallitux jibqaʼ jgħix.” 5 Madankollu, hu farfar il-ħliqa velenuża fin-nar u ma ġralu xejn.+ 6 Imma huma kienu qed jistennewh jintefaħ b’infjammazzjoni jew jaqaʼ u jmut f’daqqa. Wara li stennew għal ħin twil u raw li ma ġratlu ebda ħsara, biddlu fehmithom u bdew jgħidu li kien xi alla.+
7 Issa viċin dak il-post kien hemm l-artijiet tal-ħâkem tal-gżira, li kien jismu Publiju; u dan laqagħna bl-ospitalità u żammna tlett ijiem għandu minn qalbu. 8 U ġara li missier Publiju kien mixħut, maħkum mid-deni u mid-disenterija, u Pawlu daħal ħdejh u talab, qiegħed idejh+ fuqu u fejqu.+ 9 Wara li ġara dan, anki l-bqija tan-nies tal-gżira li kellhom xi mard bdew jiġu għandu u jitfejqu.+ 10 U onorawna wkoll b’ħafna għotjiet u, meta konna se nsalpaw, għabbewlna dak li kellna bżonn.
11 Tliet xhur wara salpajna fuq ġifen minn Lixandra+ li kien għadda x-xitwa fil-gżira u li kellu fil-pruwa s-simbolu taʼ “Wlied Żews.” 12 U dħalna fil-port taʼ Sirakuża fejn bqajna tlett ijiem, 13 u minn hemmhekk dorna u wasalna Reġġju. L-għada qam riħ min-nofsinhar u wasalna Putijoli fit-tieni jum. 14 Hawnhekk sibna l-aħwa, u dawn talbuna bil-ħrara biex nibqgħu magħhom sebat ijiem. U hekk tlaqna lejn Ruma. 15 Meta l-aħwa t’hemmhekk semgħu bina ġew jiltaqgħu magħna sa ħdejn is-Suq t’Appju u t-Tliet Taverni u, malli lemaħhom, Pawlu radd ħajr lil Alla u għamel il-kuraġġ.+ 16 Meta fl-aħħar dħalna Ruma, Pawlu tħalla+ jgħix waħdu bis-suldat għassa miegħu.
17 Madankollu, tlett ijiem wara sejjaħ flimkien lill-kbarat tal-Lhud. Meta nġemgħu, qalilhom: “Irġiel, aħwa, għalkemm m’għamilt xejn kontra l-poplu jew id-drawwiet taʼ missirijietna,+ minn Ġerusalemm ngħatajt bħala priġunier f’idejn ir-Rumani.+ 18 U wara li interrogawni,+ dawn xtaqu jeħilsuni,+ għax ma kien hemm ebda raġuni għalxiex joqtluni.+ 19 Imma meta l-Lhud baqgħu jiħduha kontra dan, kelli nappella+ għal quddiem Ċesari, imma mhux għax kelli xi ħaġa fuqiex nakkuża lil ġensi. 20 Kien għalhekk li tlabt bil-ħrara biex narakom u nkellimkom, għax minħabba t-tama+ taʼ Israel jien marbut b’din il-katina.”+ 21 Qalulu: “La rċivejna ittri dwarek mil-Lhudija, u lanqas ħadd mill-aħwa li wasal ma rrapporta jew qal xi ħaġa ħażina dwarek. 22 Imma naħsbu li hu xieraq li nisimgħu mingħandek kif taħsibha, għax fil-fatt aħna nafu li din is-setta+ kullimkien jitkellmu kontriha.”+
23 Issa ftiehmu miegħu dwar il-ġurnata, u ġew għandu fejn kien joqgħod u l-għadd tagħhom kien akbar minn qabel. U minn fil-għodu sa fil-għaxija, spjegalhom dwar dan billi tahom xiehda bir-reqqa dwar is-saltna t’Alla+ u billi pprova jipperswadihom dwar Ġesù kemm mil-liġi taʼ Mosè+ u kemm mill-Profeti.+ 24 U xi wħud bdew jemmnu+ dak li ntqal, imma oħrajn m’emmnux.+ 25 Għalhekk, peress li ma kinux qed jaqblu bejniethom, bdew jitilqu. Imbagħad Pawlu għamel dan il-kumment:
“Sewwa qal l-ispirtu qaddis lil missirijietkom permezz tal-profeta Isaija, 26 meta qal, ‘Mur għand dan il-poplu u għidlu: “Tisimgħu kemm tisimgħu żgur ma tifhmux; u tħarsu kemm tħarsu żgur ma tarawx.+ 27 Għax qalb dan il-poplu ma tqanqlitx, u semgħu b’widnejhom imma ma rreaġixxewx, u għalqu għajnejhom; hekk qatt m’huma se jaraw b’għajnejhom u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu dan b’qalbhom u jduru lura, u jien infejjaqhom.”’+ 28 Għalhekk, kunu afu li dan il-mezz li bih Alla jsalva ntbagħat lill-ġnus;+ u huma żgur jisimgħuh.”+ 29* ——
30 U baqaʼ sentejn sħaħ fid-dar li kien kera,+ u b’qalb tajba kien jilqaʼ lil kulmin kien imur għandu; 31 u kien jippriedka s-saltna t’Alla u jgħallem fuq il-Mulej Ġesù Kristu bl-akbar libertà tal-kelma+ u bla tfixkil.