Ġwanni
13 Peress li minn qabel il-festa tal-Qbiż kien jaf li kienet waslet is-siegħa tiegħu+ biex imur minn din id-dinja għal għand Missieru,+ Ġesù, għax ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja,+ baqaʼ jħobbhom sa l-aħħar. 2 Issa kienu waqt l-ikla taʼ fil-għaxija. Ix-Xitan kien diġà daħħalha f’qalb Ġuda l-Iskarjota,+ bin Xmun, biex jittradih.+ 3 Billi kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh+ u li kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla,+ Ġesù 4 qam mill-ikla taʼ fil-għaxija u poġġa l-mantar tiegħu fil-ġenb. U qabad xugaman u tħażżem.+ 5 Imbagħad, poġġa l-ilma ġo friskatur u beda jaħsel saqajn+ id-dixxipli u jixxottahomlhom bix-xugaman li kien imħażżem bih. 6 U wasal ħdejn Xmun Pietru. Dan qallu: “Mulej, se taħsilli saqajja?”+ 7 Ġesù wieġeb u qallu: “Dak li qed nagħmel ma tifhmux għalissa, imma tifhmu iktar ’il quddiem.”+ 8 Qallu Pietru: “Żgur li qatt m’int se taħsilli saqajja.” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsilhomlokx,+ ma jkollok ebda sehem miegħi.” 9 Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma wkoll idejja u rasi.” 10 Qallu Ġesù: “Min inħasel,+ saqajh biss għandu bżonn jinħaslulu, għax ikun nadif kollu kemm hu. U intom nodfa, imma mhux ilkoll.” 11 Fil-fatt, kien jaf min kien se jittradih.+ Għalhekk qal: “M’intomx ilkoll nodfa.”
12 Issa, meta kien ħaslilhom saqajhom u libes il-mantar, reġaʼ qagħad mal-mejda u qalilhom: “Tafu x’għamiltilkom? 13 Intom issejħuli, ‘Għalliem,’+ u, ‘Mulej,’+ u sewwa tgħidu, għax hekk jien.+ 14 Għalhekk, jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsiltilkom saqajkom,+ intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin.+ 15 Għax ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.+ 16 Tassew, tassew, ngħidilkom, L-ilsir mhux akbar minn sidu, lanqas il-mibgħut m’hu akbar minn dak li bagħtu.+ 17 Jekk tafu dan, henjin intom jekk tagħmluh.+ 18 M’iniex qed ngħid għalikom ilkoll; naf lil min għażilt.+ Imma dan sabiex titwettaq l-Iskrittura,+ ‘Dak li kien jiekol mill-ħobż tiegħi għolla għarqubu kontrija.’+ 19 Qed ngħidilkom minn issa qabel ma jiġri,+ sabiex meta jiġri, temmnu li jien hu. 20 Tassew, tassew, ngħidilkom, Min jilqaʼ lil min nibgħat jien, jilqaʼ lili wkoll.+ U min jilqaʼ lili, jilqaʼ wkoll lil dak li bagħatni.”+
21 Wara li qal dan, Ġesù tnikket fl-ispirtu tiegħu, u xehed u qal: “Tassew, tassew, ngħidilkom, Wieħed minnkom se jittradini.”+ 22 Id-dixxipli bdew iħarsu lejn xulxin, għax ma kinux jafu għal min kien qed jgħid dan.+ 23 Kien hemm bil-qiegħda qrib ħdan Ġesù wieħed mid-dixxipli tiegħu, u Ġesù kien iħobbu.+ 24 Għalhekk, Xmun Pietru għamillu sinjal b’rasu u qallu: “Għidlu għal min qed jgħid.” 25 Għalhekk, dan id-dixxiplu ntelaq lura fuq sider Ġesù u qallu: “Mulej, min hu?”+ 26 Imbagħad, Ġesù wieġbu: “Hu dak li se nagħtih il-loqma li nbill.”+ U wara li bill il-loqma, qabad u taha lil Ġuda, bin Xmun l-Iskarjota. 27 U wara li Ġuda ħa l-loqma daħal fih Satana.+ Għalhekk, Ġesù qallu: “Dak li se tagħmel, agħmlu iktar malajr.” 28 Madankollu, ħadd minn dawk li kienu mal-mejda ma kien jaf għal liema skop qallu dan. 29 Fil-fatt, peress li Ġuda kien iżomm il-kaxxa tal-flus,+ xi wħud kienu qed jimmaġinaw li Ġesù kien qed jgħidlu: “Ixtri dak li għandna bżonn għall-festa,” jew biex jagħti xi ħaġa lill-foqra.+ 30 Għalhekk, wara li ngħata l-loqma, ħareġ minnufih. U kien bil-lejl.+
31 Wara li ħareġ, Ġesù qal: “Issa Bin il-bniedem hu glorifikat,+ u Alla hu glorifikat permezz tiegħu. 32 Alla nnifsu jigglorifikah,+ u se jigglorifikah minnufih. 33 Uliedi ċkejknin,+ qiegħed magħkom ftit ieħor. Tfittxuni; u bħalma għedt lil-Lhud, ‘Fejn sejjer jien intom ma tistgħux tiġu,’+ l-istess ngħid lilkom fil-preżent. 34 Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien,+ ħobbu intom ukoll lil xulxin.+ 35 B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”+
36 Qallu Xmun Pietru: “Mulej, fejn sejjer?” Ġesù wieġbu: “Fejn sejjer jien int ma tistax tiġi warajja issa, imma tiġi warajja iktar tard.”+ 37 Qallu Pietru: “Mulej, għala ma nistax niġi warajk fil-preżent? Jien nagħti ruħi għalik.”+ 38 Ġesù wieġbu: “Tagħti ruħek għalija? Tassew, tassew, ngħidlek, Żgur ma jiddinx is-serduq qabel ma tkun ċħadtni tliet darbiet.”+