Numri
31 Imbagħad Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 2 “Agħmel vendetta+ mill-Midjanin+ għal ulied Israel. Imbagħad tinġabar maʼ niesek.”+
3 Għalhekk, Mosè kellem lin-nies u qalilhom: “Armaw minn fostkom irġiel għall-gwerra, sabiex jintużaw kontra Midjan ħalli jġibu l-vendetta taʼ Ġeħova fuq Midjan.+ 4 Għandkom tibagħtu fl-armata elf minn kull tribù mit-tribujiet kollha taʼ Israel.” 5 Għaldaqstant, mill-eluf+ taʼ Israel ġew inkarigati elf minn kull tribù, tnax-il elf li huma armati għall-gwerra.+
6 Imbagħad Mosè bagħathom fl-armata, elf minn kull tribù, lilhom u lil Fineħas,+ bin Elegħażar il-qassis, li kien inkarigat mill-għodod imqaddsin u t-trumbetti+ biex jindaqqu s-sejħiet. 7 U dawn iggwerraw kontra Midjan, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè, u qatlu lil kull raġel u tifel.+ 8 U qatlu lis-slaten taʼ Midjan flimkien mal-maqtulin l-oħrajn, jiġifieri, Evi, Rekem, Żur, Ħur, u Reba, il-ħames slaten taʼ Midjan;+ u qatlu wkoll lil Balgħam,+ bin Begħor, bis-sejf. 9 Imma wlied Israel ġarrew fil-jasar lin-nisa taʼ Midjan u liċ-ċkejknin tagħhom;+ u serqulhom l-annimali domestiċi kollha u l-bhejjem kollha u l-mezz t’għajxien kollu tagħhom. 10 U ħarqu bin-nar+ il-bliet kollha li kienu marru joqogħdu fihom u l-kampijiet kollha tagħhom li kienu mdawrin bil-ħitan. 11 U ħadu l-priża+ kollha u kulma ħatfu, kemm nies u kemm annimali domestiċi. 12 U ġabu għand Mosè u Elegħażar, il-qassis, u għand il-ġemgħa taʼ wlied Israel l-ilsiera u kulma nħataf u l-priża, lejn il-kamp, lejn il-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab,+ li qegħdin biswit il-Ġordan f’Ġeriko.
13 Imbagħad Mosè u Elegħażar, il-qassis, u l-kapijiet ewlenin kollha tal-ġemgħa ħarġu jiltaqgħu magħhom ’il barra mill-kamp. 14 U Mosè tgħaddab għall-irġiel maħturin tal-qawwiet tal-ġlied,+ il-kapijiet taʼ l-eluf u l-kapijiet tal-mijiet li kienu deħlin mill-kampanja militari. 15 Għalhekk, Mosè qalilhom: “In-nisa kollha ħallejtuhom ħajjin?+ 16 Ara! Huma kienu li, għall-kelma taʼ Balgħam, ħajru lil ulied Israel iwettqu nuqqas taʼ fedeltà+ lejn Ġeħova minħabba l-kwistjoni taʼ Pegħor,+ u b’hekk il-flaġell ġie fuq il-ġemgħa taʼ Ġeħova.+ 17 U issa oqtlu lis-subien kollha fost iċ-ċkejknin, u oqtlu lil kull mara li mteddet maʼ raġel u kellha x’taqsam miegħu.+ 18 U ħallu ħajjin għalikom il-bniet kollha li ma jafux x’jiġifieri li timtedd maʼ raġel.+ 19 U intom ikkampjaw ’il barra mill-kamp għal sebat ijiem. Kulmin qatel lil xi ruħ+ u kulmin mess lil xi ħadd maqtul,+ intom għandkom tippurifikaw+ ruħkom fit-tielet jum u fis-sebaʼ jum, intom u l-ilsiera tagħkom. 20 U għandkom tippurifikaw mid-dnub+ kull libsa u kull oġġett tal-ġild u kulma hu magħmul mix-xagħar tal-mogħoż u kull oġġett taʼ l-injam.”
21 Elegħażar, il-qassis, imbagħad qal lill-irġiel taʼ l-armata li kienu marru għall-battalja: “Dan hu l-istatut tal-liġi li Ġeħova kkmanda lil Mosè, 22 ‘Huwa biss id-deheb, il-fidda, ir-ram aħmar, il-ħadid, il-landa, u ċ-ċomb, 23 kulma jiflaħ għan-nar, li għandkom tgħaddu min-nar,+ u jkun nadif. Biss għandu jiġi purifikat bl-ilma biex jindaf.+ U dak kollu li ma jiflaħx għan-nar għandkom tgħadduh mill-ilma.+ 24 U taħslu ħwejjiġkom fis-sebaʼ jum u tkunu nodfa, u mbagħad tkunu tistgħu tidħlu fil-kamp.’”+
25 U Ġeħova qallu lil Mosè: 26 “Għodd kulma nħataf, dawk li nqabdu, kemm nies u kemm annimali domestiċi, int u Elegħażar, il-qassis, u l-kapijiet taʼ missirijiet il-ġemgħa. 27 U aqsam bin-nofs kulma nħataf bejn dawk li ħadu sehem fil-battalja u ħarġu għall-kampanja militari u l-bqija kollha tal-ġemgħa.+ 28 U bħala taxxa+ għal Ġeħova ħu minn fost il-gwerriera li ħarġu għall-kampanja militari ruħ waħda minn kull ħames mija, mill-bnedmin, mill-baqar, mill-ħmir, u min-nagħaġ. 29 Min-nofs tagħhom għandkom tiħduha u tagħtuha lil Elegħażar, il-qassis, bħala l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova.+ 30 U min-nofs li ngħata lil ulied Israel għandek tieħu wieħed minn kull ħamsin, mill-bnedmin, mill-baqar, mill-ħmir, min-nagħaġ, u minn kull tip t’annimal domestiku, u tagħtihom lil-Leviti,+ dawk li għandhom l-obbligu li jieħdu ħsieb it-tabernaklu taʼ Ġeħova.”+
31 U Mosè u Elegħażar, il-qassis, għamlu sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 32 U l-priża, il-bqija minn dak li kien inħataf min-nies li kienu ħarġu għall-kampanja militari, kienet sitt mija u ħamsa u sebgħin elf nagħġa, 33 u tnejn u sebgħin elf baqra, 34 u wieħed u sittin elf ħmar. 35 Inkwantu għall-erwieħ umani,+ in-nisa li ma kinux jafu x’jiġifieri li timtedd maʼ raġel,+ dawn kollha kienu tnejn u tletin elf ruħ. 36 U n-nofs li kien sehem dawk li ħarġu għall-kampanja militari kien tliet mija u sebgħa u tletin elf u ħames mija mill-merħla tan-nagħaġ. 37 U t-taxxa+ għal Ġeħova mill-merħla tan-nagħaġ kienet sitt mija u ħamsa u sebgħin. 38 U mill-merħla tal-baqar kien hemm sitta u tletin elf, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet tnejn u sebgħin. 39 U l-ħmir kienu tletin elf u ħames mija, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet wieħed u sittin. 40 U l-erwieħ umani kienu sittax-il elf, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet tnejn u tletin ruħ. 41 Imbagħad Mosè ta t-taxxa bħala kontribuzzjoni taʼ Ġeħova lil Elegħażar, il-qassis,+ sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.+
42 U min-nofs taʼ wlied Israel, li Mosè kien qasmu minn dak li kien taʼ l-irġiel li ggwerraw: 43 In-nofs tal-ġemgħa mill-merħla tan-nagħaġ kien tliet mija u sebgħa u tletin elf u ħames mija, 44 u mill-merħla tal-baqar, sitta u tletin elf, 45 u l-ħmir, tletin elf u ħames mija, 46 u erwieħ umani, sittax-il elf. 47 Imbagħad min-nofs is-sehem li kien taʼ wlied Israel, Mosè ħa l-wieħed minn kull ħamsin li kellu jieħu mill-bnedmin u mill-annimali domestiċi, u tahom lil-Leviti,+ dawk li kellhom iħarsu l-obbligu+ li jieħdu ħsieb it-tabernaklu taʼ Ġeħova, sewwasew bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
48 U l-irġiel maħturin li kienu fuq l-eluf taʼ l-armata,+ il-kapijiet taʼ l-eluf u l-kapijiet tal-mijiet,+ resqu quddiem Mosè, 49 u qalu lil Mosè: “Il-qaddejja tiegħek għaddew il-gwerriera li jinsabu taħt il-kmand tagħna u lanqas wieħed ma ġie rapportat li hu nieqes minna.+ 50 Għalhekk, ħa jippreżenta kull wieħed dak li sab bħala offerta lil Ġeħova,+ oġġetti tad-deheb, ornamenti li jintlibsu fis-saqajn, brazzuletti, ċrieket tas-siġill,+ imsielet, u tiżjin tan-nisa,+ sabiex nagħmlu tpattija għalina quddiem Ġeħova.”
51 Għaldaqstant, Mosè u Elegħażar, il-qassis, aċċettaw id-deheb mingħandhom,+ il-ġojjelli kollha. 52 U d-deheb kollu tal-kontribuzzjoni li taw lil Ġeħova kien sittax-il elf, sebaʼ mija u ħamsin xekel, mingħand il-kapijiet taʼ l-eluf u l-kapijiet tal-mijiet. 53 Kull raġel mill-armata ħa sehmu mill-priża.+ 54 Għalhekk, Mosè u Elegħażar, il-qassis, aċċettaw id-deheb mingħand il-kapijiet taʼ l-eluf u tal-mijiet u ħaduh fit-tinda tal-laqgħa bħala tifkira+ għal ulied Israel quddiem Ġeħova.