Levitiku
20 U Ġeħova ssokta jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Għandek tgħid lil ulied Israel, ‘Kull raġel minn ulied Israel, u kull resident barrani li jgħammar bħala barrani f’Israel, li jagħti lil xi ħadd minn uliedu lil Molek,+ żgur li għandu jingħata l-mewt. In-nies tal-pajjiż għandhom iħaġġruh sakemm imut. 3 U inkwantu għalija, jien se ndawwar wiċċi kontra dan ir-raġel, u se naqtgħu minn fost il-poplu tiegħu,+ għaliex ikun ta lil xi wħud minn uliedu lil Molek bl-iskop li jniġġes il-post qaddis tiegħi+ u jkasbar l-isem qaddis tiegħi.+ 4 U jekk in-nies tal-pajjiż jagħlqu għajnejhom apposta għal dan ir-raġel meta jagħti lil xi ħadd minn uliedu lil Molek u ma jagħtuhx il-mewt,+ 5 imbagħad jien, min-naħa tiegħi, żgur li se ndawwar wiċċi kontra dan ir-raġel u l-familja tiegħu,+ u tabilħaqq li se naqtaʼ minn fost il-poplu lilu u lil kulmin ikollu relazzjoni immorali+ flimkien miegħu billi jkollu relazzjoni immorali maʼ Molek.
6 “‘Inkwantu għal xi ħadd* li jdur lejn il-medji taʼ l-ispirti+ u lejn dawk li xogħolhom hu li jbassru l-ġrajjiet+ sabiex ikollu relazzjoni immorali magħhom, jien żgur li se ndawwar wiċċi kontra dan il-bniedem* u naqtgħu minn fost il-poplu tiegħu.+
7 “‘U tridu tqaddsu lilkom infuskom u turu li intom qaddisin,+ għaliex jien Ġeħova Alla tagħkom. 8 U tridu tħarsu l-istatuti tiegħi u tagħmluhom.+ Jien Ġeħova li qed inqaddiskom.+
9 “‘Jekk ikun hemm xi raġel li jisħet lil missieru u lil ommu,+ żgur li għandu jingħata l-mewt.+ Għax ikun seħet lil missieru u lil ommu. Demmu stess ikun fuqu.+
10 “‘Issa raġel li jagħmel adulterju maʼ mart raġel ieħor ikun għamel adulterju maʼ mart sieħbu.+ Żgur li għandu jingħata l-mewt, sew l-adulteru u sew l-adultera.+ 11 U raġel li jimtedd maʼ mart missieru jkun kixef l-għera taʼ missieru.+ It-tnejn li huma żgur li għandhom jingħataw il-mewt. Demmhom stess ikun fuqhom. 12 U jekk raġel jimtedd maʼ mart ibnu, it-tnejn li huma żgur li għandhom jingħataw il-mewt.+ Ikunu għamlu xi ħaġa li tmur kontra dak li hu naturali. Demmhom stess ikun fuqhom.+
13 “‘U meta raġel jimtedd maʼ raġel l-istess bħalma jimtedd maʼ mara, it-tnejn li huma jkunu għamlu xi ħaġa mistkerrha.+ Żgur li għandhom jingħataw il-mewt. Demmhom stess ikun fuqhom.
14 “‘U jekk raġel jieħu lil xi mara u lil ommha, din tkun kondotta laxka.+ Għandhom jaħarqu lilu u lilhom fin-nar,+ sabiex ma jkunx hemm iktar kondotta laxka+ f’nofskom.
15 “‘U jekk raġel ikollu relazzjoni sesswali* maʼ bhima,+ żgur li għandu jingħata l-mewt, u l-bhima għandkom toqtluha. 16 U jekk mara tersaq lejn xi bhima biex ikollha x’taqsam magħha,+ trid toqtol lill-mara u lill-bhima. Żgur li għandhom jingħataw il-mewt. Demmhom stess ikun fuqhom.
17 “‘U jekk raġel jieħu lil oħtu, bint missieru jew bint ommu, u jara l-għera tagħha, u hi tara l-għera tiegħu, dan ikun għajb.+ Għalhekk, iridu jiġu maqtugħin minn quddiem għajnejn ulied il-poplu tagħhom. Hu jkun kixef l-għera t’oħtu. Għandu jwieġeb għall-iżball tiegħu.
18 “‘U jekk raġel jimtedd maʼ mara li jkollha t-tnixxija tad-demm taʼ kull xahar u jikxef l-għera tagħha, ikun kixef it-tnixxija tagħha, u hi nfisha tkun kixfet it-tnixxija taʼ demmha.+ Għalhekk, it-tnejn li huma jridu jiġu maqtugħin minn fost il-poplu tagħhom.
19 “‘U tikxifx l-għera t’oħt ommok+ jew t’oħt missierek,+ għax tkun kxift l-għera+ taʼ qariba mid-demm. Għandhom iwieġbu għall-iżball tagħhom. 20 U raġel li jimtedd maʼ mart zijuh ikun kixef l-għera taʼ zijuh.+ Għandhom iwieġbu għall-iżball tagħhom. Għandhom imutu bla tfal.+ 21 U jekk raġel jieħu mart ħuh, din tkun xi ħaġa mistmerra.+ Ikun kixef l-għera taʼ ħuh. Għandhom jibqgħu bla tfal.
22 “‘U intom tridu tħarsu l-istatuti+ kollha tiegħi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji+ kollha tiegħi u tagħmluhom, sabiex l-art li se niħodkom biex tgħammru fiha ma tobżoqkomx ’il barra.+ 23 U timxux fuq l-istatuti tal-ġnus li qed inkeċċihom minn quddiemkom,+ għaliex huma għamlu dawn l-affarijiet kollha u jien nistmerrhom.+ 24 Għaldaqstant għedtilkom:+ “Intom, min-naħa tagħkom, se tieħdu f’idejkom l-art tagħhom, u jien, min-naħa tiegħi, se nagħtihielkom biex tiħduha f’idejkom, art li tnixxi ħalib u għasel.+ Jien Ġeħova Alla tagħkom, li fridtkom mill-popli.”+ 25 Tridu tagħmlu distinzjoni bejn il-bhima nadifa u dik mhix nadifa u bejn it-tajra mhix nadifa u dik nadifa;+ u tniġġsux ruħkom+ bil-bhima u t-tajra u kwalunkwe ħaġa li titħarrek fuq l-art u li jien fridtilkom meta ddikjarajthom mhux nodfa. 26 U tridu turu li intom qaddisin għalija,+ għaliex jien, Ġeħova, qaddis;+ u se nifridkom mill-popli biex tkunu tiegħi.+
27 “‘U inkwantu għal raġel jew mara li jkunu medji taʼ l-ispirti jew ikollhom spirtu taʼ tbassir,+ żgur li għandhom jingħataw il-mewt.+ Għandhom iħaġġruhom sakemm imutu. Demmhom stess ikun fuqhom.’”+