Mattew
19 Issa, meta temm dan il-kliem, Ġesù telaq mill-Galilija u ġie fil-fruntieri tal-Lhudija, in-naħa l-oħra tal-Ġordan.+ 2 Ukoll, marru warajh folol kbar, u fejjaqhom hemmhekk.+
3 Resqu lejh il-Fariżej u, bil-ħsieb li jipprovawh, staqsewh: “Skond il-liġi, jistaʼ raġel jiddivorzja lil martu għal kwalunkwe raġuni?”+ 4 Hu wieġeb u qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara+ 5 u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu+ u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’?+ 6 Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”+ 7 Qalulu: “Allura Mosè għala ordna li wieħed jagħtiha ċertifikat taʼ tkeċċija u jiddivorzjaha?”+ 8 Qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija taʼ qalbkom+ li Mosè ċedielkom li tiddivorzjaw lin-nisa tagħkom, imma dan ma kienx hekk mill-bidu.+ 9 Jien ngħidilkom li kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”+
10 Id-dixxipli qalulu: “Jekk din hi s-sitwazzjoni taʼ raġel maʼ martu, ma jaqbillekx tiżżewweġ.”+ 11 Hu qalilhom: “Mhux kulħadd jagħmel il-wisaʼ għal dan il-kliem, imma dawk biss li għandhom din l-għotja.+ 12 Għax hemm ewnuċi li twieldu hekk minn ġuf ommhom,+ u hemm ewnuċi li ntgħamlu ewnuċi mill-bnedmin, u hemm ewnuċi li għamlu lilhom infushom ewnuċi minħabba s-saltna tas-smewwiet. Min jistaʼ, ħa jagħmel il-wisaʼ għal dan.”+
13 Imbagħad ġabulu xi tfal żgħar biex ipoġġi idejh fuqhom u jitlob; imma d-dixxipli ċanfruhom.+ 14 Iżda Ġesù qal: “Ħalluhom it-tfal żgħar, u tibqgħux iżżommuhom milli jiġu għandi, għax is-saltna tas-smewwiet hi taʼ min hu bħalhom.”+ 15 U poġġa idejh fuqhom u telaq minn hemmhekk.+
16 Issa, ara, resaq wieħed fuqu u qallu: “Għalliem, liema għemil tajjeb irrid nagħmel sabiex nikseb il-ħajja taʼ dejjem?”+ 17 Qallu: “Għala tistaqsini dwar x’inhu tajjeb? Wieħed hemm li hu tajjeb.+ Iżda, jekk trid tidħol fil-ħajja, osserva l-kmandamenti kontinwament.”+ 18 Qallu: “Liema?”+ Ġesù qal: “Toqtolx,+ Tagħmilx adulterju,+ Tisraqx,+ Tixhidx falz,+ 19 Onora lil missierek u lil ommok,+ u, Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”+ 20 Iż-żagħżugħ qallu: “Dawn kollha ħaristhom; x’jonqosni iktar?” 21 Ġesù qallu: “Jekk trid tkun perfett, mur bigħ dak li għandek u agħti lill-foqra u jkollok teżor fis-sema,+ u ejja kun segwaċi tiegħi.”+ 22 Meta ż-żagħżugħ semaʼ dan, telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.+ 23 Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew ngħidilkom li se jkun diffiċli għal raġel għani biex jidħol fis-saltna tas-smewwiet.+ 24 Nerġaʼ ngħidilkom, Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel għani jidħol fis-saltna t’Alla.”+
25 Meta d-dixxipli semgħu dan, issorprendew ruħhom ħafna u qalulu: “Min tassew jistaʼ jiġi salvat?”+ 26 Waqt li ħares fiss lejhom, Ġesù qalilhom: “Għall-bnedmin dan hu impossibbli, imma għal Alla kollox hu possibbli.”+
27 Imbagħad wieġeb Pietru u qallu: “Ara! Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk; allura aħna x’se jmissna?”+ 28 Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, Fit-tiġdid taʼ kollox, meta Bin il-bniedem joqgħod bil-qiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom li ġejtu warajja toqogħdu wkoll bil-qiegħda fuq tnax-il tron, tiġġudikaw lit-tnax-il tribù taʼ Israel.+ 29 U kulmin telaq id-djar tiegħu jew lil ħutu subien jew bniet jew lil missieru jew lil ommu jew lit-tfal jew l-artijiet minħabba ismi jingħata ħafna iktar u jiret il-ħajja taʼ dejjem.+
30 “Imma ħafna li huma l-ewwel ikunu l-aħħar u taʼ l-aħħar l-ewwel.+