LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/08 pp. 6-9
  • Kif Tibni Żwieġ li Jirnexxi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tibni Żwieġ li Jirnexxi
  • Stenbaħ!—2008
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Isforz Hu Premjanti
  • “Ħa Jkun iż-Żwieġ Onorabbli”
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Tistaʼ Ssalvah Iż-Żwieġ Tiegħek!
    Stenbaħ!—2001
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2008
g 10/08 pp. 6-9

Kif Tibni Żwieġ li Jirnexxi

IŻ-​ŻWIEĠ jistaʼ jitqabbel maʼ vjaġġ, wieħed li jippreżenta ħafna sorpriżi—xi wħud pjaċevoli, oħrajn koroh. Ċirkustanzi li ma nkunux qed nistennewhom jistgħu jġibu ostakli għal għarrieda, li xi wħud minnhom jistgħu jidhru mingħajr soluzzjoni. Minkejja dan, ħafna nies jirnexxilhom jagħmlu dan il-​vjaġġ bil-​ferħ u bi ftit problemi. Tabilħaqq, iż-​żwiġijiet li jirnexxu m’humiex dawk bl-​inqas ammont taʼ problemi imma dawk li fihom il-​koppji jimmaniġġaw sew il-​problemi.

X’taħseb li jistaʼ jagħmel il-​vjaġġ taż-​żwieġ iktar taʼ suċċess u pjaċevoli? Ħafna koppji jħossu li għandhom bżonn ‘mappa tat-​triq taż-​żwieġ’ li tidderiġihom fi triqithom. L-​iktar “mappa” li jistgħu joqogħdu fuqha u li għandha l-​iktar pariri t’awtorità dwar iż-​żwieġ hija provduta mill-​Oriġinatur taż-​żwieġ—Alla Ġeħova. Però, ma jfissirx li għax ikollna l-​Kelma ispirata tiegħu, il-​Bibbja Mqaddsa, aħna meħlusin awtomatikament mill-​problemi. Minflok, din fiha direzzjoni prattika li koppji miżżewġin għandhom bżonn isegwu biex igawdu żwieġ li jirnexxi.—Salm 119:105; Efesin 5:21-33; 2 Timotju 3:16.

Ejja nidentifikaw ftit mis-​sinjali Skritturali—prinċipji Bibliċi fundamentali—li jistgħu jkunu t’għajnuna biex jiggwidawk matul il-​vjaġġ taʼ żwieġ hieni u li jirnexxi.

▸ Ittratta ż-​żwieġ bħala sagru. “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:6) Il-​Ħallieq oriġina l-​arranġament taż-​żwieġ meta introduċa lill-​ewwel raġel, Adam, maʼ martu, Eva. (Ġenesi 2:21-24) Kristu Ġesù, li ra b’għajnejh l-​ewwel żwieġ matul l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, ikkonferma li l-​intenzjoni wara l-​għaqda taż-​żwieġ taʼ Adam u Eva kienet li tinbeda relazzjoni dejjiema. Hu qal: “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—Mattew 19:4-6.

Meta qal “dak li Alla għaqqad flimkien,” Ġesù ma kienx qed jissuġġerixxi li Alla jirranġa ż-​żwiġijiet fis-​sema. Minflok, hu kien qed jikkonferma li Alla nnifsu oriġina r-​relazzjoni taż-​żwieġ, u għalhekk, għandha tiġi trattata bħala sagra.a

M’għandniex xi ngħidu, l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin ma jixtiqux ikunu ‘magħqudin flimkien’ waqt li jgħixu flimkien f’ambjent biered u nieqes mill-​imħabba. Minflok, huma jixtiequ jgawdu l-​kuntentizza fiż-​żwieġ fejn it-​tnejn li huma jistgħu jirnexxu u jkunu henjin. Jistgħu jkunu ‘magħqudin flimkien’ b’mod hieni jekk japplikaw il-​pariri prattiċi tal-​Ħallieq li nsibuhom fil-​Bibbja.

Minħabba li aħna lkoll imperfetti, ma nistgħux nevitaw in-​nuqqas taʼ ftehim u d-​differenzi. Madankollu, spiss żwieġ li jirnexxi ma jiddependix daqstant minn kemm hi kompatibbli l-​koppja imma iktar minn kemm tadatta ruħha għad-​differenzi. Għalhekk, waħda mill-​iktar snajjaʼ essenzjali fiż-​żwieġ hi l-​abbiltà li n-​nuqqas taʼ ftehim jiġi solvut bl-​imħabba, għaliex l-​imħabba “tgħaqqad kollox flimkien f’armonija perfetta.”—Kolossin 3:14, English Standard Version.

▸ Tkellem b’rispett. “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf, imma lsien l-​għorrief hu fejqan.” (Proverbji 12:18) Ir-​riċerkaturi sabu li ħafna konversazzjonijiet jispiċċaw kif jibdew. Għalhekk, jekk konversazzjoni tibda b’rispett, hemm iktar ċans li tispiċċa bl-​istess mod. Għall-​kuntrarju, int taf kemm tistaʼ tweġġaʼ meta xi ħadd li tħobb ikellmek bla ma jaħsibha. Għalhekk, itlob dwar din il-​kwistjoni u kun determinat li int stess titkellem b’dinjità, b’rispett, u b’affezzjoni. (Efesin 4:31) “Għalkemm naraw id-​dgħjufijiet taʼ xulxin,” tispjega mara Ġappuniża jisimha Haruko,b li ilha miżżewġa 44 sena, “aħna nipprovaw nirrispettaw lil xulxin bi kliemna u bl-​attitudni tagħna. Dan għenna nibnu żwieġ li jirnexxi.”

▸ Stinka biex turi qalb tajba u mogħdrija. “Kunu qalbkom tajba maʼ xulxin, agħdru b’tenerezza.” (Efesin 4:32) Meta jkun hemm nuqqas taʼ qbil kbir, huwa faċli li r-​rabja ġġib ir-​rabja. Annette, fil-​Ġermanja, li ilha fi żwieġ hieni għal 34 sena, tammetti: “M’huwiex faċli li tibqaʼ kalma taħt pressjoni—it-​tendenza hi li tgħid affarijiet li jirrabjaw lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħek, u dan jagħmel l-​affarijiet agħar.” Madankollu, jekk tistinka biex turi qalb tajba u mogħdrija, tistaʼ tagħmel ħafna biex twitti t-​triq għall-​paċi fiż-​żwieġ.

▸ Uri l-​umiltà. “Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma b’umiltà [qisu] lill-​oħrajn superjuri.” (Filippin 2:3) Ħafna nuqqas taʼ qbil jinqalaʼ minħabba li l-​imseħbin fiż-​żwieġ bi kburija jipprovaw iwaħħlu fl-​imseħbin tagħhom għall-​problemi li jinqalgħu minflok ma jfittxu modi kif itejbu s-​sitwazzjoni għal xulxin b’umiltà. L-​umiltà tistaʼ tgħinek ma tinsistix li għandek raġun f’nuqqas taʼ qbil.

▸ Tiħux għalik malajr. “Tgħaġġilx biex tieħu għalik.” (Ekkleżjasti 7:9) Ipprova evita t-​tendenza li ma taqbilx mal-​ħarsa tas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek jew li tiddefendi ruħek malajr jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tistaqsi dwar xi ħaġa li tkun għedt jew għamilt. Minflok, agħti widen u rrikonoxxi dak li jgħid is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Aħseb sewwa qabel ma twieġeb. Ħafna koppji jindunaw tard wisq fil-​ħajja li jkun aħjar li tirbaħ il-​qalb milli l-​argument.

▸ Agħraf meta għandek tibqaʼ sieket. ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ (Ġakbu 1:19) Żgur li l-​komunikazzjoni tajba hija waħda mill-​iktar sinjali importanti fit-​triq taʼ żwieġ hieni. Għala, mela, il-​Bibbja tgħid li hemm “żmien li toqgħod kwiet”? (Ekkleżjasti 3:7) Dan jistaʼ jkun il-​waqt li tagħti widen bl-​iskop li tifhem x’inhu jgħid is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek, u dan il-​fatt hu parti vitali mill-​komunikazzjoni li tinvolvi li ssir taf x’inhu jħoss eżatt is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek u għala tħossha hekk.

▸ Ismaʼ b’empatija. “Ifirħu maʼ min jifraħ; ibku maʼ min jibki.” (Rumani 12:15) L-​empatija hija neċessarja biex tikkomunika b’mod effettiv għaliex tippermettilek tħoss x’inhu jħoss verament minn ġewwa s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Din tistaʼ tgħin biex toħloq ambjent li fih l-​opinjonijiet u s-​sentimenti taʼ kull wieħed jiġu trattati b’rispett u dinjità. “Meta nitkellmu dwar il-​problemi tagħna,” tistqarr Nella fil-​Brażil, li ilha miżżewġa 32 sena, “jien dejjem nagħti widen b’attenzjoni kbira sabiex nifhem il-​ħsibijiet u s-​sentimenti taʼ Manuel.” Meta s-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek tkun qed titkellem, ikun iż-​“żmien li [int] toqgħod kwiet” u tagħti widen b’empatija.

▸ Idra uri l-​apprezzament. “Uru li intom grati.” (Kolossin 3:15) Żwiġijiet b’saħħithom huma karatterizzati minn irġiel u nisa li jagħmlu żgur li l-​imseħbin tagħhom iħossuhom apprezzati. Madankollu, fir-​rutina taʼ kuljum tal-​ħajja miżżewġa, xi mseħbin fiż-​żwieġ jittraskuraw dan l-​aspett vitali tal-​komunikazzjoni u sempliċement jassumu li l-​imseħbin tagħhom iħossuhom stmati. Dr. Ellen Wachtel tgħid: “Ħafna koppji jistgħu juru li japprezzaw lil xulxin jekk sempliċement jaħsbu dwar li jagħmlu dan.”

In-​nisa b’mod partikulari għandhom bżonn li jiġu żgurati mill-​imħabba taʼ żewġhom u li hu jesprimi l-​apprezzament tiegħu lejhom. Intom l-​irġiel tistgħu tagħmlu ħafna biex issaħħu ż-​żwieġ tagħkom u l-​benesseri taʼ martkom, kif ukoll tagħkom stess, billi tagħmluha mira li tikkummentaw b’apprezzament dwar l-​għemejjel u l-​kwalitajiet pożittivi taʼ martkom.

Huwa vitali li tassigurawhom kemm bil-​kliem u kemm b’modi oħrajn. Meta intom l-​irġiel tagħtu lil martkom bewsa ġentili, karezza b’qalb tajba, jew tbissima ħelwa, tkunu qed tgħidu ħafna iktar minn sempliċement “inħobbok.” Dawn l-​affarijiet jassigurawha li hi speċjali għalikom u li għandkom bżonnha. Agħtuha ċempila jew ibagħtulha messaġġ elettroniku u għidulha, “Qed nimmissjak” jew “Kif int sejra?” Jekk lil martkom ilkom minn mindu kontu għarajjes ma tgħidulha kliem bħal dan, ikun taʼ benefiċċju li terġgħu tibdew tagħmlu dan. Komplu tgħallmu xi jmiss qalb l-​imseħbin tagħkom.

Kliem omm is-​Sultan Lemwel taʼ Israel tal-​qedem huwa tassew adattat: “Żewġha wkoll ifaħħarha u jgħidilha: ‘Ħafna nisa wrew ħila kbira, imma inti lkoll għaddejthom.’” (Proverbji 31:1, 28, 29, Il-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni [1996]) Meta kienet l-​aħħar darba li faħħart lil martek? Jew int mara, lil żewġek?

▸ Kun ħafif biex taħfer. “Tħallux ix-​xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati.” (Efesin 4:26) Fiż-​żwieġ, it-​tnejn li intom se tiżbaljaw. Għalhekk, huwa essenzjali li tkunu lesti li taħfru. Clive u Monica, fl-​Afrika t’Isfel, li żżewġu 43 sena ilu, sabuh tassew t’għajnuna dan il-​parir Bibliku. Clive jispjega, “Aħna nipprovaw inpoġġu fil-​prattika l-​prinċipju li hemm f’Efesin 4:26, u nipprovaw inkunu ħfief biex naħfru lil xulxin, minħabba li nafu li dan jogħġob lil Alla. Imbagħad inħossuna tajjeb dwar is-​sitwazzjoni, immorru norqdu b’kuxjenza nadifa, u norqdu sew.”

Proverbju tal-​qedem osserva b’mod għaqli: “Hija ħaġa sabiħa . . . li [tħalli] nuqqas għaddej.” (Proverbji 19:11) Annette, li semmejnieha qabel, taqbel maʼ dan u żżid: “M’huwiex possibbli li jkollok żwieġ tajjeb mingħajr il-​maħfra.” Hi tispjega għala: “Inkella tibdew iżżommu f’qalbkom u jikber in-​nuqqas taʼ fiduċja, u dan jeqred iż-​żwieġ bil-​mod il-​mod. Permezz tal-​maħfra, ir-​rabta taż-​żwieġ tagħkom tissaħħaħ u intom tersqu eqreb lejn xulxin.”

Jekk int weġġajt is-​sentimenti tas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek, taqbadx u tikkonkludi li sempliċement se taħfirlek u tinsa. Spiss biex tagħmel paċi jirrikjedi li tagħmel waħda mill-​iktar affarijiet diffiċli li min hu miżżewweġ għandu bżonn jagħmel: Ammetti li żbaljajt. Minkejja dan, sib mod kif b’umiltà tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk: “Jiddispjaċini qalbi. Għamilt żball.” Jekk b’umiltà titlob apoloġija se tirbaħ ir-​rispett, se tgħin biex tibni l-​fiduċja fir-​relazzjoni, u se żżid il-​paċi tal-​moħħ tiegħek stess.

▸ Ibqaʼ leali lejn żewġek jew martek u lejn iż-​żwieġ tiegħek. “[Ir-raġel u l-​mara] m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:6) Intom wegħedtu solennement quddiem Alla u l-​bniedem u lil xulxin li se tibqgħu flimkien, minkejja l-​problemi li jistgħu jinqalgħu.c Madankollu, l-​impenn taż-​żwieġ m’huwiex sempliċi dmir legali. Minflok, huwa mqanqal mill-​imħabba sinċiera u mill-​qalb u jirrifletti ġieħ u unur lejn xulxin u lejn Alla. Mela qatt iddgħajjef ir-​relazzjoni sagra taż-​żwieġ billi titkessaħ mas-​sess oppost; uri interess romantiku biss fis-​sieħeb jew fis-​sieħba tiegħek.—Mattew 5:28.

▸ Is-​sagrifiċċju persunali jsaħħaħ l-​impenn taż-​żwieġ. “Tfittxux l-​interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-​interessi persunali taʼ l-​oħrajn.” (Filippin 2:4) Mod wieħed kif issaħħaħ l-​impenn taż-​żwieġ hu li tpoġġi l-​bżonnijiet u l-​preferenzi tas-​sieħeb jew tas-​sieħba qabel tiegħek. Premji, li ilu miżżewweġ 20 sena, jagħmilha mira li jgħin lil martu, li taħdem full-time, fix-​xogħol tad-​dar. “Jien ngħin lil Rita fit-​tisjir u fit-​tindif u f’xogħol ieħor ħalli jkollha ħin u enerġija biex tagħmel affarijiet li tieħu gost bihom.”

L-​Isforz Hu Premjanti

Kultant, ix-​xogħol iebes involut biex jinbena żwieġ hieni jistaʼ jġiegħel lil xi wħud jaqtgħu qalbhom. Madankollu, tħallux il-​problemi jġegħlukom taqtgħu qalbkom mill-​impenn taż-​żwieġ jew tabbandunaw dak kollu li tkunu ħdimtu għalih fil-​vjaġġ tagħkom flimkien.

“Meta tagħmel sforz sinċier u turi li trid li ż-​żwieġ tiegħek jirnexxi, tistaʼ tgawdi l-​barka taʼ Ġeħova,” jissuġġerixxi Simon, li ż-​żwieġ tiegħu rnexxa għal dawn l-​aħħar 33 sena. Meta lealment tappoġġaw lil xulxin fi żminijiet diffiċli u meta tgawdu ż-​żminijiet tajbin flimkien se tissaħħu fil-​vjaġġ sodisfaċenti taʼ żwieġ li jirnexxi.

[Noti taʼ taħt]

a Ġesù qal li l-​unika bażi biex ir-​rabta taż-​żwieġ tinħall bil-​libertà li l-​individwu jerġaʼ jiżżewweġ hija ż-​żína—relazzjonijiet sesswali barra ż-​żwieġ.—Mattew 19:9.

b Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

c Il-Bibbja tippermetti li l-​imseħbin innoċenti jkollhom id-​dritt jiddeċiedu jekk iridux jiddivorzjaw lill-​imseħbin li jkun għamlu adulterju. (Mattew 19:9) Ara l-​artiklu “The Bible’s Viewpoint: Adultery—To Forgive or Not to Forgive?” (“Il-​Ħarsa tal-​Bibbja: L-​Adulterju—Għandek Taħfer jew Le?”) fil-​ħarġa taʼ l-​Awake! tat-​8 t’Awissu, 1995.

[Kumment f’paġna 6]

Il-​Bibbja hi bħal mappa għall-​vjaġġ taż-​żwieġ

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

Meta Għandkom Bżonn Tiddiskutu Problema

◼ Agħżlu ħin meta ħadd minnkom ma jkun għajjien.

◼ Tikkritikawx; kunu pożittivi maʼ xulxin.

◼ Tinterrompux; agħtu ċans lil xulxin biex titkellmu u tisimgħu.

◼ Irrikonoxxu s-​sentimenti tas-​sieħeb jew tas-​sieħba tagħkom.

◼ Uru l-​empatija lejn xulxin, anki meta ma taqblux.

◼ Kunu raġunevoli u flessibbli.

◼ B’umiltà itolbu apoloġija meta tiżbaljaw.

◼ Uru l-​apprezzament u l-​affezzjoni.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]

Għal Żwieġ li Jirnexxi

◼ Żommu sod mal-​prinċipji tal-​Bibbja li jsaħħu ż-​żwieġ.

◼ Warrbu l-​ħin għaż-​żwieġ tagħkom u għas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħkom.

◼ Inkuraġġixxu t-​tenerezza, l-​imħabba, u l-​affezzjoni.

◼ Kunu taʼ min jafdakom u leali.

◼ Uru qalb tajba u rispett.

◼ Aqsmu l-​piż tax-​xogħol tad-​dar.

◼ Agħmlu li tistgħu biex il-​konversazzjonijiet taʼ bejnietkom ikunu pjaċevoli.

◼ Idħqu u rrilassaw flimkien.

◼ Ibqgħu aħdmu biex issaħħu ż-​żwieġ tagħkom.

[Kaxxa/Stampa f’paġna 9]

Għall-​Meditazzjoni Persunali

◼ Fuq xiex għandi bżonn naħdem l-​iktar fiż-​żwieġ tiegħi?

◼ Liema passi rrid nieħu biex nagħmel dan?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja