L-Aħbar Tajba Skont Mattew
19 Wara li Ġesù qal dan, hu telaq mill-Galilija u wasal ħdejn il-fruntieri tal-Lhudija, in-naħa l-oħra tal-Ġordan. 2 Folol kbar marru warajh, u hu fejjaqhom hemm.
3 U l-Fariżej marru għandu bil-ħsieb li jittestjawh u staqsewh: “Skont il-Liġi, jistaʼ raġel jiddivorzja lill-mara tiegħu għal kwalunkwe raġuni?” 4 Ġesù wiġibhom: “Ma qrajtux li meta Alla ħalaqhom għamilhom raġel u mara? 5 U Alla qal: ‘Minħabba f’hekk, raġel iħalli lil missieru u lil ommu, jingħaqad maʼ martu, u huma jsiru ġisem wieħed.’ 6 Għalhekk m’għadhomx iżjed tnejn, imma saru ġisem wieħed. Mela jekk Alla għaqqadhom flimkien, m’għandu jifridhom ħadd.” 7 Imbagħad qalulu: “Mela għala Mosè kkmanda li raġel jistaʼ jagħtiha ċ-ċertifikat tad-divorzju u jkeċċiha?” 8 Qalilhom: “Mosè ħalliekom tiddivorzjaw lin-nisa tagħkom għax intom raskom iebsa, imma dan ma kienx l-iskop t’Alla fil-bidu. 9 Imma jien ngħidilkom li kull min jiddivorzja lil martu ħlief minħabba l-immoralità sesswali* u jiżżewweġ oħra, jagħmel adulterju.”
10 Id-dixxipli qalulu: “Jekk inhu hekk, ma jaqbillekx tiżżewweġ.” 11 Hu qalilhom: “Mhux kulħadd jistaʼ jagħmel dan, imma dawk biss li jaċċettaw ir-rigal.* 12 Għax hemm ewnuki* li twieldu hekk, hemm ewnuki li saru hekk min-nies, u hemm dawk li ma żżewġux* minħabba s-Saltna t’Alla.* Min jistaʼ jgħix b’dan il-mod, ħa jagħmel hekk.”
13 Imbagħad in-nies ħadu għandu xi tfal żgħar biex iberikhom billi jpoġġi jdejh fuqhom u jitlob għalihom, imma d-dixxipli rrabjaw magħhom. 14 Iżda Ġesù qal: “Ħalluhom jiġu għandi t-tfal. Tipprovawx twaqqfuhom, għax is-Saltna t’Alla* hi għal dawk li huma bħalhom.” 15 U Ġesù berikhom billi poġġa jdejh fuqhom u mbagħad telaq minn hemm.
16 U mar żagħżugħ għandu u qallu: “Għalliem, x’affarijiet tajbin irrid nagħmel biex ngħix għal dejjem?” 17 Ġesù qallu: “Għala tistaqsini dwar x’affarijiet tajbin għandek tagħmel? Wieħed hemm li jistaʼ jgħid x’inhu tajjeb.* Iżda jekk tixtieq tgħix għal dejjem, ibqaʼ obdi l-kmandamenti.” 18 Qallu: “Liema?” Ġesù wieġbu: “Toqtolx, tagħmilx adulterju, tisraqx, tagħtix xhieda falza, 19 irrispetta lil missierek u lil ommok, u ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.” 20 Iż-żagħżugħ qallu: “Dawn kollha nobdihom. X’jonqosni nagħmel?” 21 Ġesù qallu: “Jekk trid tkun perfett,* mur bigħ kulma għandek u għin lil min hu fqir, u jkollok affarijiet li Alla jqishom importanti.* Imbagħad ejja u kun dixxiplu tiegħi.” 22 Meta ż-żagħżugħ semaʼ dan, telaq bid-dwejjaq, għax kellu ħafna ġid. 23 Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Naċċertakom li hu diffiċli li raġel sinjur jidħol fis-Saltna t’Alla. 24 Iva, hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel sinjur jidħol fis-Saltna t’Alla.”
25 Meta d-dixxipli semgħu dan, stagħġbu ħafna u qalu: “Mela min jistaʼ jiġi salvat?” 26 Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għan-nies dan hu impossibbli, imma għal Alla kollox possibbli.”
27 Imbagħad Pietru qallu: “Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk. Allura x’se nirċievu?” 28 Ġesù qalilhom: “Naċċertakom li Alla se jagħmel kollox ġdid meta jien, Bin il-bniedem, inkun bilqiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħi. Dak iż-żmien, intom li ġejtu warajja se toqogħdu bilqiegħda fuq 12-il tron u tiġġudikaw lit-12-il tribù t’Iżrael. 29 U kull min telaq id-dar tiegħu, lil ħutu subien jew bniet, lil missieru, lil ommu, lit-tfal, jew l-artijiet biex ikun dixxiplu tiegħi se jirċievi 100 darba iktar u jkollu l-ħajja taʼ dejjem.
30 “Imma ħafna li huma l-ewwel se jiġu l-aħħar, u dawk li huma l-aħħar se jiġu l-ewwel.