Lill-Filippin
3 Għalhekk ħuti, ibqgħu ifirħu bħala dixxipli tal-Mulej. Mhix problema għalija li nerġaʼ niktbilkom l-istess affarijiet, għax hu għall-ġid* tagħkom.
2 Oqogħdu attenti minn dawk li jaġixxu bħall-klieb; oqogħdu attenti minn dawk li moħħhom biex iweġġgħu lil ħaddieħor; oqogħdu attenti minn dawk li jaqtgħu l-ġisem.* 3 Aħna għandna ċ-ċirkonċiżjoni vera, għax aħna naqdu lil Alla bil-gwida tal-ispirtu tiegħu, u l-fiduċja tagħna hi fi Kristu Ġesù u mhux fil-kwalifiki tal-bniedem.* 4 Imma min-nies kollha, jien għandi għal xiex inkun fiduċjuż fil-kwalifiki tiegħi.*
Jekk ħaddieħor jaħseb li hu kkwalifikat, jien għandi iktar raġuni minnu: 5 Jien ġejt ċirkonċiż fit-tmien jum, jien Iżraeli mit-tribù taʼ Benjamin, u Lhudi minn ġenituri Lhud. Bħala Fariżew, obdejt il-Liġi sal-inqas dettall. 6 Kont żeluż f’li nippersegwita lill-kongregazzjoni. Urejt li jien bla ħtija għax għamilt affarijiet li huma ġusti skont il-Liġi. 7 Minkejja dan, dak li kont naħseb li jagħmilni tant ikkwalifikat, issa nqisu li ma jiswa xejn* minħabba l-Kristu. 8 Fil-fatt, inqis l-affarijiet kollha bla valur meta nqabbilhom mal-għarfien taʼ valur prezzjuż ħafna dwar Kristu Ġesù l-Mulej tiegħi. Jien ċedejt* l-affarijiet kollha għalih u nqishom bħal skart,* sabiex ikolli l-approvazzjoni tal-Kristu 9 u nitqies bħala dixxiplu tiegħu. Imma ma ngħidx li jien ġust minħabba li nobdi l-Liġi, iżda għax għandi fidi fil-Kristu. Iva, Alla jqis ġusti lil dawk li għandhom fidi fil-Kristu. 10 Ix-xewqa tiegħi hi li nsir naf lill-Kristu, il-qawwa tal-irxoxt tiegħu, u li nbati bħalu. Saħansitra lest li mmut mewta taʼ tbatija bħal tiegħu, 11 bit-tama li niġi rxoxtat mill-mewt minn tal-ewwel.
12 Jien għadni ma rċivejtx dan il-premju u għadni ma sirtx perfett, imma qed nagħmel l-aħjar tiegħi biex nieħu l-premju li għażel Kristu Ġesù għalija. 13 Ħuti, jien ma nħossx li diġà rbaħt il-premju. Li naf żgur hu li qed ninsa l-affarijiet li ħallejt warajja u qed niġġebbed għall-affarijiet taʼ quddiemi. 14 Qed nagħmel l-aħjar tiegħi biex nirbaħ il-premju fis-sema* li Alla se jagħti lil dawk li għażel* permezz taʼ Kristu Ġesù. 15 Aħna lkoll li aħna maturi, għandu jkollna l-istess attitudni. Jekk xi ħadd minnkom jaħsibha differenti, Alla se jurih x’inhi l-attitudni t-tajba. 16 Għamilna kemm għamilna progress, ejjew nibqgħu nimxu bl-istess mod.
17 Ħuti, għandkom tipprovaw timitaw lili u tinnotaw lil dawk li qed jimxu fuq l-eżempju li ħallejnielkom. 18 Hemm ħafna li qed imaqdru l-mewt tal-Kristu fuq iz-zokk tat-tortura.* Jien kont insemmihomlkom spiss, imma issa nibki meta nsemmihom. 19 Huma se jispiċċaw jinqerdu; l-alla tagħhom hu x-xewqa tagħhom;* huma kburin bl-affarijiet taʼ mistħija li jagħmlu; huma jaħsbu biss dwar l-affarijiet tad-dinja. 20 Imma aħna ċittadini tas-sema, u qed inħarsu ’l quddiem biex niġu salvati mill-Mulej Ġesù Kristu. 21 Hu se jbiddel il-ġisem dgħajjef tagħna għal wieħed glorjuż bħal tiegħu. Hu se juża l-qawwa kbira tiegħu biex jagħmel dan, l-istess qawwa li rċieva biex iġib kollox taħt il-kontroll tiegħu.