L-Aħbar Tajba Skont Mattew
15 Imbagħad xi Fariżej u skribi telqu minn Ġerusalemm u marru għand Ġesù u qalulu: 2 “Id-dixxipli tiegħek għala ma jżommux mat-tradizzjonijiet taʼ dawk taʼ qabilna? Pereżempju, huma ma jaħslux idejhom* qabel ma jieklu.”
3 Hu wiġibhom: “Intom għala żżommu mat-tradizzjonijiet tagħkom waqt li tiksru l-kmandamenti t’Alla? 4 Pereżempju Alla qal, ‘Irrispetta lil missierek u lil ommok,’ u ‘Kull min joffendi* lil missieru jew lil ommu għandu jinqatel.’ 5 Imma intom tgħidu li persuna tistaʼ tgħid lil missierha jew lil ommha li ma tistax tgħinhom, għax dak li għandha diġà hu ddedikat lil Alla bħala rigal, 6 u allura ma jkollhiex għalfejn tirrispettahom. B’hekk, it-tradizzjonijiet tagħkom ġabu l-kelma t’Alla fix-xejn. 7 Ja ipokriti! Sewwa pprofetizza dwarkom Isaija meta qal, 8 ‘Dawn in-nies ifaħħruni bi kliemhom, imma ma jħobbunix. 9 Għalxejn jibqgħu jqimuni, għax dak li jgħallmu hu bbażat fuq dak li jgħidu n-nies, u mhux fuq dak li jgħid Alla.’” 10 Imbagħad qal lin-nies biex imorru ħdejh u qalilhom: “Ejjew ħa titgħallmu u tifhmu. 11 Bniedem ma jitniġġisx b’dak li jiekol, imma b’dak li jgħid.”
12 Imbagħad id-dixxipli marru fuqu u qalulu: “Taf li fixkilt lill-Fariżej b’dak li għedt?” 13 Wiġibhom: “Kull pjanta li ma ħawwilx Missieri tas-sema, se tinqalaʼ mill-għeruq. 14 Tagħtux kashom. Huma nies għomja li jmexxu lil oħrajn. Għalhekk, jekk agħmi jmexxi lil agħmi, it-tnejn jaqgħu fil-ħofra.” 15 Pietru staqsieh: “Tistaʼ tispjegalna?” 16 Għal dan Ġesù qal: “Lanqas intom għadkom ma fhimtu? 17 Ma tafux li kulma tieklu jgħaddi mill-istonku u jispiċċa fid-dranaġġ? 18 Però, kulma tgħid persuna jiġi mill-qalb. Huma dawn l-affarijiet li jniġġsuha. 19 Pereżempju, mill-qalb joħroġ raġunar ħażin li jwassal għal qtil, adulterju, immoralità sesswali,* serq, xhieda falza, u dagħa.* 20 Dawn huma l-affarijiet li jniġġsu bniedem. Imma mhux se jitniġġes għax jiekol mingħajr ma jaħsel idejh.”*
21 Ġesù telaq minn hemm u mar fir-reġjun taʼ Tir u Sidon. 22 Mara mill-Feniċja li kienet toqgħod f’dawk l-inħawi marret titolbu bil-ħniena u b’leħen għoli: “Mulej, Bin David, urini ħniena jekk jogħġbok. It-tifla tiegħi qed tbati ħafna għax għandha demonju fiha.” 23 Imma hu ma qalilha xejn. Allura d-dixxipli ħeġġewh biex jibgħatha ’l hemm, għax kienet se tibqaʼ tgħajjat warajhom. 24 Hu wieġeb: “Alla bagħatni biex ngħin lin-nies t’Iżrael biss, li huma bħal nagħaġ mitlufin.” 25 Imma l-mara marret, mielet quddiemu, u qaltlu: “Mulej għinni!” 26 Hu wiġibha: “Mhux sewwa li tieħu l-ikel tat-tfal u tagħtih lill-klieb żgħar.” 27 Hi qaltlu: “Vera Mulej, imma l-klieb żgħar xorta jieklu mill-frak li jaqaʼ mill-mejda taʼ sidhom.” 28 Imbagħad Ġesù qalilha: “Int għandek fidi kbira. Ħa jsir kif tixtieq.” U t-tifla tagħha fieqet dak il-ħin stess.
29 Wara li Ġesù telaq minn hemm, mar ħdejn il-Baħar tal-Galilija, telaʼ fuq il-muntanja, u qagħad bilqiegħda hemm. 30 Imbagħad folol kbar marru ħdejh, u dawn ħadulu nies li ma kinux jitkellmu, li ma kinux jaraw, zopop, b’diżabbiltà, u ħafna oħrajn, u fejjaqhom. 31 Allura l-folla baqgħet mistagħġba meta rat lil dawk li ma jitkellmux jitkellmu, lil dawk b’diżabbiltà jfiqu, lil dawk li jzappu jimxu, u lil dawk li ma jarawx jaraw. B’hekk, in-nies faħħru lill-Alla t’Iżrael.
32 Imbagħad Ġesù għajjat lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Qed nitħassarhom lil dawn in-nies, għax diġà ilhom tlett ijiem miegħi u m’għandhomx x’jieklu. Ma rridx nibgħathom lura bil-ġuħ* li ma jmurx jagħtihom xi ħass ħażin fit-triq.” 33 Imma d-dixxipli qalulu: “Aħna qegħdin f’post imwarrab, kif nistgħu nġibu biżżejjed ħobż biex nitimgħu lil dawn in-nies kollha?” 34 Għal dan Ġesù qalilhom: “Kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa, u ftit ħut żgħir.” 35 Allura qal lin-nies biex ipoġġu bilqiegħda. 36 Hu ħa s-sebaʼ ħobżiet u l-ħut, qal talba, qasam il-ħobż, beda jagħtihom lid-dixxipli, u dawn tawhom lin-nies. 37 Kulħadd kiel u xebaʼ, u b’li kien għad fadal imlew sebat iqfief kbar. 38 Kien hemm 4,000 raġel li kielu, minbarra n-nisa u t-tfal. 39 Wara li bagħat lin-nies lura, telaʼ fid-dgħajsa u mar fir-reġjun taʼ Magadan.