LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 15 pp. 173-182
  • Nonoraw lill-​Ġenituri Anzjani Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nonoraw lill-​Ġenituri Anzjani Tagħna
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • NIRRIKONOXXU L-​ĦTIĠIJIET EMOZZJONALI
  • NASSISTU BI ĦTIĠIJIET MATERJALI
  • L-​IMĦABBA U L-​ISSAGRIFIKAR TAGĦNA NFUSNA
  • UŻA L-​EMPATIJA U L-​KOMPRENSJONI
  • INŻOMMU ATTITUDNI XIERQA
  • DAWK LI JIEĦDU ĦSIEB JEĦTIEĠU MIN JIEĦU ĦSIEBHOM UKOLL
  • SAĦĦA IKTAR MIN-​NORMAL
  • Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar li Tieħu Ħsieb il-​Ġenituri Meta Jikbru?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Nieħdu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Onora lil dawk fostkom imdaħħlin fiż-żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Il-Familja Kristjana Tgħin lix-Xjuħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 15 pp. 173-182

Kapitlu Ħmistax

Nonoraw lill-​Ġenituri Anzjani Tagħna

1. Liema djun għandna mal-​ġenituri tagħna, u għalhekk kif għandna nħossuna u naġixxu lejhom?

“ISMAʼ minn missierek li tak il-​ħajja, u tmaqdarx ’l ommok meta tixjieħ,” ta parir ir-​raġel għaref taʼ żmien twil ilu. (Proverbji 23:22) ‘Jien qatt ma se noħlom li nagħmel hekk!’ għandek mnejn tgħid int. Minflok ma mmaqdru lil ommijietna​—jew lil missirijietna—​il-biċċa l-​kbira minna għandna mħabba profonda lejhom. Aħna nirrikonoxxu li għandna dejn kbir magħhom. L-​ewwelnett, il-​ġenituri tagħna tawna l-​ħajja. Waqt li Jehovah hu s-​Sors tal-​ħajja, mingħajr il-​ġenituri tagħna aħna sempliċement ma konniex neżistu. Lill-​ġenituri tagħna ma nistgħu nagħtuhom xejn li huwa prezzjuż daqs il-​ħajja nfisha. Imbagħad, aħseb ftit dwar is-​sagrifiċċju, l-​indokrar anzjuż, l-​ispejjeż, u l-​attenzjoni bl-​imħabba involuti f’li wieħed jgħin lil tifel biex minn tarbija jasal sa l-​istat t’adult. Kemm huwa raġonevoli, għalhekk, li l-​Kelma t’Alla tagħti l-​parir: “Weġġah ’il missierek u ’l ommok . . . sabiex ikollok ir-​riżq u tul għomrok fuq l-​art”!​—Efesin 6:​2, 3.

NIRRIKONOXXU L-​ĦTIĠIJIET EMOZZJONALI

2. Tfal kbar kif jistgħu jagħtu “dak li ħaqqhom” lill-​ġenituri tagħhom?

2 L-​appostlu Pawlu kiteb lil Kristjani: “[L-ulied jew ulied l-​ulied] għandhom jitgħallmu l-​ewwel jagħmlu dmirhom billi jġibu rispett lill-​familja tagħhom u jroddu lill-​ġenituri [u lin-​nanniet] tagħhom dak li ħaqqhom; għax dan jogħġob lil Alla.” (1 Timotju 5:4) Tfal kbar joffru “dak li ħaqqhom” billi juru apprezzament għas-​snin taʼ mħabba, xogħol, u attenzjoni li tawhom il-​ġenituri u n-​nanniet tagħhom. Mod wieħed kif it-​tfal jistgħu jagħmlu dan huwa billi jirrikonoxxu li bħal kull persuna oħra, uħud ixjeħ jeħtieġu l-​imħabba u l-​assiguranza​—spiss b’mod iddisprat. Bħalna lkoll, jeħtieġ li jħossuhom stmati. Jeħtieġ li jħossu li l-​ħajjiet tagħhom huma taʼ siwi.

3. Kif nistgħu nonoraw lill-​ġenituri u lin-​nanniet?

3 Mela nistgħu nonoraw lill-​ġenituri u n-​nanniet tagħna billi nuruhom li nħobbuhom. (1 Korintin 16:14) Jekk il-​ġenituri tagħna ma joqogħdux magħna, għandna niftakru illi li jisimgħu mingħandna jistaʼ jfisser ħafna għalihom. Ittra ferriħija, telefonata, jew żjara tistaʼ tikkontribwixxi bil-​kbir għall-​ferħ tagħhom. Miyo, li tgħix fil-​Ġappun, meta kellha 82 sena kitbet: “Binti [li żewġha hu ministru li jivvjaġġa] tgħidli: ‘Ma, jekk jogħġbok “ivvjaġġa” magħna.’ Tibgħatli r-​rotta ppjanata u n-​numru tat-​telefon tagħhom għal kull ġimgħa. Jien nistaʼ niftaħ il-​mappa tiegħi u ngħid: ‘Eħe. Issa qegħdin hawn!’ Jien dejjem nirringrazzja lil Jehovah għall-​barka li għandi tifla bħal din.”

NASSISTU BI ĦTIĠIJIET MATERJALI

4. It-​tradizzjoni reliġjuża Lhudija kif inkuraġġiet nuqqas taʼ mogħdrija lejn ġenituri anzjani?

4 Jistaʼ jkun illi li wieħed jonora lill-​ġenituri tiegħu jinvolvi wkoll li jieħu ħsieb il-​ħtiġijiet materjali tagħhom? Iva. Spiss hekk jiġri. Fi żmien Ġesù l-​mexxejja reliġjużi Lhud appoġġjaw it-​tradizzjoni li jekk individwu jkun iddikjara li l-​flus jew il-​propjetà tiegħu kienu “offerta lil Alla,” hu kien ikun meħlus mir-​responsabbiltà li jużahom biex jieħu ħsieb il-​ġenituri tiegħu. (Mattew 15:​3-6) X’qalb iebsa! Fil-​fatt, dawk il-​mexxejja reliġjużi kienu qegħdin jinkuraġġixxu lin-​nies mhux biex jonoraw lill-​ġenituri tagħhom imma biex jittrattawhom bi stmerrija billi jiċħdu b’mod egoist il-​ħtiġijiet tagħhom. Aħna żgur li qatt ma rridu li nagħmlu hekk!​—Dewteronomju 27:16.

5. Minkejja provvedimenti magħmulin mill-​gvernijiet taʼ xi pajjiżi, li wieħed jonora lill-​ġenituri tiegħu għala kultant jinkludi li jagħtihom għajnuna finanzjarja?

5 Illum, f’ħafna pajjiżi, programmi soċjali appoġġjati mill-​gvern jipprovdu għal xi wħud mill-​ħtiġijiet materjali taʼ l-​anzjani, bħalma huma l-​ikel, l-​ilbies, u l-​kenn. Iżjed minn hekk, l-​anzjani nfushom għandhom mnejn kellhom il-​ħila jġemmgħu xi sold għal meta jixjieħu. Imma jekk dak li ġemmgħu jispiċċalhom jew ma jkunx biżżejjed, it-​tfal jonoraw lill-​ġenituri tagħhom billi jagħmlu dak li jistgħu biex jissodisfaw il-​ħtiġijiet tal-​ġenituri. Fil-​fatt, li wieħed jieħu ħsieb il-​ġenituri xjuħ huwa evidenza taʼ devozzjoni lejn Alla, jiġifieri, id-​devozzjoni tiegħu lejn Alla Jehovah, l-​Oriġinatur taʼ l-​arranġament tal-​familja.

L-​IMĦABBA U L-​ISSAGRIFIKAR TAGĦNA NFUSNA

6. Liema arranġamenti t’abitazzjoni għamlu xi wħud sabiex jieħdu ħsieb il-​ħtiġijiet tal-​ġenituri tagħhom?

6 Ħafna tfal adulti wieġbu għall-​ħtiġijiet tal-​ġenituri tagħhom neqsin mis-​saħħa b’imħabba u sagrifikar tagħhom infushom. Xi wħud ħadu lill-​ġenituri tagħhom fi djarhom stess jew marru joqogħdu qrib tagħhom. Oħrajn marru joqogħdu mal-​ġenituri tagħhom. Taʼ spiss, arranġamenti bħal dawn urew li kienu barka kemm għall-​ġenituri u kemm għat-​tfal.

7. Għala huwa tajjeb li ma taġixxix bil-​għaġla f’li tieħu deċiżjonijiet rigward ġenituri anzjani?

7 Kultant, iżda, ċaqliq bħal dan ma jkollux riżultati tajbin. Għala? Forsi għaliex id-​deċiżjonijiet jittieħdu wisq bil-​għaġla jew huma bbażati biss fuq l-​emozzjoni. “[I]r-raġel għaqli jqis il-​mixi tiegħu,” twissi l-​Bibbja bil-​għaqal. (Proverbji 14:​15, KŻ) Per eżempju, suppost li ommok li hi anzjana qiegħda ssibha diffiċli li tgħix waħedha u int taħseb li hi tistaʼ tibbenefika billi tiġi toqgħod miegħek. F’li tikkunsidra l-​passi tiegħek bil-​għaqal, tistaʼ tikkunsidra dan li ġej: Liema huma l-​ħtiġijiet attwali tagħha? Hemm xi servizzi soċjali tal-​privat jew sponsorjati mill-​istat li joffru soluzzjoni alternattiva aċċettabbli? Trid hi tiċċaqlaq? Jekk trid, il-​ħajja tagħha b’liema modi se tiġi effettwata? Se jkollha tħalli l-​ħbieb warajha? Dan kif jistaʼ jeffettwaha emozzjonalment? Tkellimthom dawn l-​affarijiet magħha? Ċaqliqa bħal din kif tistaʼ teffettwa lilek, lill-​parti l-​oħra, lit-​tfal tiegħek stess? Jekk ommok teħtieġ il-​kura, min se jipprovdiha? Tistaʼ r-​responsabbiltà tinqasam? Iddiskutejt il-​kwistjoni maʼ dawk kollha involuti direttament?

8. Maʼ min għandek mnejn tkun tistaʼ tikkonsulta meta tkun qiegħed tiddeċiedi kif se tgħin lill-​ġenituri anzjani tiegħek?

8 Ladarba r-​responsabbiltà li jieħdu ħsieb tinvolvi lit-​tfal kollha ġo familja, għandu mnejn ikun għaqli li tinżamm konferenza tal-​familja sabiex kulħadd ikun jistaʼ jieħu sehem f’li jittieħdu d-​deċiżjonijiet. Jistaʼ wkoll ikun t’għajnuna li titkellem maʼ l-​anzjani fil-​kongregazzjoni Kristjana jew maʼ ħbieb li ffaċċjaw sitwazzjoni simili. “Tifsil taʼ xogħol bla ħsieb jisfa fix-​xejn,” twissi l-​Bibbja, “imma bil-​pariri taʼ ħafna jmur tajjeb.”​—Proverbji 15:22.

UŻA L-​EMPATIJA U L-​KOMPRENSJONI

9, 10. (a) Minkejja li qegħdin jikbru fl-​età, liema konsiderazzjoni għandha tingħata lil uħud anzjani? (b) Huma x’inhuma l-​passi li tifel adult jieħu għan-​nom tal-​ġenituri tiegħu, x’għandu dejjem jagħtihom?

9 L-​empatija u l-​komprensjoni huma meħtiġin biex nonoraw lill-​ġenituri anzjani tagħna. Hekk kif is-​snin iġibu magħhom konsegwenzi serji, uħud ixjeħ jistgħu jsibuha iktar u iktar diffiċli biex jimxu, jieklu, u jiftakru. Għandhom mnejn ikollhom bżonn l-​għajnuna. Spiss it-​tfal isiru konċernati żżejjed u jippruvaw jipprovdu gwida. Imma l-​anzjani huma adulti b’għomor mimli għerf u esperjenza, għomor li matulu ħadu ħsieb tagħhom infushom u wkoll ħadu deċiżjonijiet għalihom infushom. L-​identità tagħhom u r-​rispett lejhom infushom jistgħu jiċċentraw fuq l-​irwol tagħhom bħala ġenituri u adulti. Ġenituri li jħossu li jkollhom jgħaddu l-​kontroll taʼ ħajjithom lil uliedhom għandhom mnejn isiru dipressi jew irrabjati. Xi wħud jieħdu fastidju bi u jirreżistu lil dawk li f’għajnejhom jistgħu jidhru bħala sforzi biex jisirqulhom l-​indipendenza tagħhom.

10 M’hemmx soluzzjonijiet faċli għal problemi bħal dawn, imma turi qalb tajba jekk tħalli lil ġenituri anzjani jieħdu ħsieb tagħhom infushom u jieħdu d-​deċiżjonijiet tagħhom stess skond kemm ikun possibbli. Huwa għaqli li ma tiħux deċiżjonijiet dwar x’inhu l-​aħjar għall-​ġenituri tiegħek mingħajr ma l-​ewwel titkellem magħhom. Għandhom mnejn ikunu tilfu ħafna. Ħallihom iżommu dak li għad għandhom. Għandek mnejn issib li inqas ma tipprova tikkontrolla l-​ħajjiet tal-​ġenituri tiegħek, iktar se tkun aħjar ir-​relazzjoni tiegħek magħhom. Huma se jkunu iktar henjin, u hekk ukoll se tkun int. Saħansitra jekk ikun neċessarju li tinsisti fuq ċerti affarijiet għall-​ġid tagħhom, li tonora lill-​ġenituri tiegħek jirrikjedi li tagħtihom id-​dinjità u r-​rispett li jistħoqqilhom. Il-​Kelma t’Alla tagħti l-​parir: “Qum quddiem ix-​xiħ, b’xagħru abjad, u agħtih qima u ibżaʼ minn Alla tiegħek.”​—Levitiku 19:32.

INŻOMMU ATTITUDNI XIERQA

11-13. Jekk ir-​relazzjoni taʼ tifel adult mal-​ġenituri tiegħu ma kenitx tajba fil-​passat, kif jistaʼ xorta waħda jimmaniġġa l-​isfida taʼ li jieħu ħsiebhom fis-​snin avanzati tagħhom?

11 Kultant problema li jiffaċċjaw ulied adulti f’li jonoraw lill-​ġenituri tagħhom imdaħħlin fiż-​żmien tinvolvi r-​relazzjoni li kellhom mal-​ġenituri tagħhom fi ċkunithom. Forsi missierek kien biered u ma jurix imħabba, ommok dominanti u stretta. Għandek mnejn għadek tħossok frustrat, irrabjat, jew urtat għaliex ma kinux il-​ġenituri li int ridthom li jkunu. Tistaʼ tegħlibhom sentimenti bħal dawn?a

12 Basse, li trabba fil-​Finlandja, jirrakkonta: “Missieri tar-​rispett kien qeda bħala fizzjal taʼ l-​SS fil-​Ġermanja Nazista. Kien jitlef it-​tempra malajr, u mbagħad kien ikun perikoluż. Hu sawwat lil ommi ħafna drabi quddiem għajnejja. Darba waħda meta kien irrabjat għalija, xejjer iċ-​ċintorin tiegħu u laqatni f’wiċċi bil-​bokkla. Din laqtitni tant bil-​qawwi li mbramt għal fuq is-​sodda.”

13 Madankollu, kien hemm naħa oħra tal-​munita. Basse jżid: “Mill-​banda l-​oħra, hu kien jaħdem iebes ferm u m’eżentax ruħu milli jieħu ħsieb il-​familja materjalment. Qatt ma wrieni affezzjoni paterna, imma kont naf li hu kien imweġġaʼ emozzjonalment. Ommu kienet keċċietu ’l barra meta kien tifel żgħir. Kiber jiġġieled u daħal fil-​gwerra bħala żagħżugħ. Jien stajt nifhem b’xi mod u ma tajtux tort. Meta kbirt, ridt ngħinu kemm stajt sakemm miet. Din ma kenitx ħaġa faċli, imma għamilt dak li stajt. Ipprovajt inkun iben tajjeb sa l-​aħħar, u naħseb li hu aċċettani bħala tali.”

14. Liema skrittura tapplika fis-​sitwazzjonijiet kollha, inklużi dawk li jqumu f’li wieħed jieħu ħsieb ġenituri anzjani?

14 F’sitwazzjonijiet tal-​familja, bħal fi kwistjonijiet oħrajn, japplika l-​parir tal-​Bibbja: “Ilbsu mela sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-​Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.”​—Kolossin 3:​12, 13.

DAWK LI JIEĦDU ĦSIEB JEĦTIEĠU MIN JIEĦU ĦSIEBHOM UKOLL

15. Li tieħu ħsieb il-​ġenituri għala huwa kultant taʼ dwejjaq?

15 Li wieħed jieħu ħsieb ġenitur nieqes mis-​saħħa huwa xogħol iebes, li jinvolvi bosta dmirijiet, ħafna responsabbiltà, u sigħat twal. Imma l-​iktar parti diffiċli hija spiss dik emozzjonali. Xi dwejjaq li tara lill-​ġenituri tiegħek jitilfu s-​saħħa, il-​memorja, u l-​indipendenza tagħhom. Sandy, li tgħix Puerto Rico, tirrakkonta: “Ommi kienet in-​nukleu tal-​familja tagħna. Kien ferm taʼ wġigħ li tieħu ħsiebha. L-​ewwel bdiet izzappap; imbagħad kellha bżonn bastun, imbagħad apparat għall-​mixi, imbagħad siġġu tar-​roti. Wara dan baqgħet sejra għall-​agħar sakemm mietet. Żviluppat kanċer fl-​għadam u kellha bżonn min jieħu ħsiebha l-​ħin kollu​—lejl u nhar. Konna naħsluha u nitimgħuha u naqrawlha. Dan kien diffiċli ferm​—speċjalment emozzjonalment. Meta rrealizzajt li ommi kienet qiegħda tmut, bkejt għaliex kont inħobbha ferm.”

16, 17. Liema parir jistaʼ jgħin lil dak li jieħu ħsieb biex hu jżomm ħarsa bbilanċjata taʼ l-​affarijiet?

16 Jekk issib ruħek f’sitwazzjoni simili, x’tistaʼ tagħmel biex tkampa? Se jgħinek ħafna li tagħti widen lil Jehovah billi taqra l-​Bibbja u titkellem miegħu permezz tat-​talb. (Filippin 4:​6, 7) B’mod prattiku, kun żgur li tiekol ikliet ibbilanċjati u ipprova orqod biżżejjed. Billi tagħmel dan, se tkun f’qagħda aħjar, kemm emozzjonalment u kemm fiżikament, biex tieħu ħsieb il-​maħbuba jew il-​maħbub tiegħek. Forsi tistaʼ tirranġa għal mistrieħ kultant mir-​rutina taʼ kuljum. Saħansitra jekk btala m’hijiex possibbli, xorta waħda huwa għaqli li twarrab xi ħin għal rilassar. Sabiex taqtaʼ xi ftit, għandek mnejn tkun tistaʼ tirranġa biex xi ħaddieħor joqgħod mal-​ġenitur marid tiegħek.

17 Hija ħaġa komuni li l-​adulti li jieħdu ħsieb xi ħadd jippretendu żżejjed minnhom infushom. Imma tħossokx ħati għal dak li ma tistax tagħmel. F’xi ċirkostanzi jistaʼ jkollok bżonn tafda l-​maħbuba jew il-​maħbub tiegħek taħt il-​ħarsien taʼ xi dar taʼ l-​anzjani. Jekk int qiegħed tieħu ħsieb xi ħadd, kun raġonevoli f’dak li tistenna minnek innifsek. Trid tibbilanċja l-​ħtiġijiet mhux biss tal-​ġenituri tiegħek imma wkoll taʼ wliedek, tal-​parti l-​oħra fiż-​żwieġ, u tiegħek innifsek.

SAĦĦA IKTAR MIN-​NORMAL

18, 19. Jehovah għamel liema wegħda t’appoġġ, u liema esperjenza turi li hu jżomm din il-​wegħda?

18 Permezz tal-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, Jehovah b’imħabba jipprovdi gwida li tistaʼ tgħin ħafna lil persuna f’li tieħu ħsieb ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien, imma dik m’hijiex l-​unika għajnuna li jipprovdi. “Qrib il-​Mulej lejn kull min isejjaħlu,” kiteb is-​salmista taħt ispirazzjoni. “Jismaʼ l-​għajta tagħhom, u jsalvahom.” Jehovah se jsalva, jew jippreserva, lill-​uħud leali tiegħu saħansitra minn ġo l-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli.​—Salm 145:​18, 19.

19 Myrna, fil-​Filippini, dan tgħallmitu meta kienet qiegħda tieħu ħsieb ommha, li sfat ipparalizzata minn puplesija. “M’hemm xejn iktar dipressanti milli tara lill-​maħbuba tiegħek issofri, u ma tistax tgħidlek fejn juġagħha,” tikteb Myrna. “Kien sewwa sew bħal meta taraha tegħreq naqra naqra, u ma kien hemm xejn li stajt nagħmel. Ħafna drabi kont ninżel għarkobbtejja u nitkellem maʼ Jehovah dwar kemm kont għajjiena. Għajjatt bħal David, li talab bil-​ħniena lil Jehovah biex ipoġġi d-​dmugħ tiegħu fi flixkun u jiftakar fih. [Salm 56:9 (56:​8, NW)] U bħalma wiegħed Jehovah, hu tani s-​saħħa li kelli bżonn. ‘Il-​Mulej waqaf miegħi.’”​—Salm 18:19 [18:18, NW].

20. Liema wegħdi tal-​Bibbja jgħinu lil dawk li jieħdu ħsieb biex jibqgħu ottimisti, saħansitra jekk il-​wieħed li qegħdin jieħdu ħsiebu jmut?

20 Intqal illi li wieħed jieħu ħsieb ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien huwa “storja mingħajr tmiem feliċi.” Minkejja saħansitra l-​aħjar sforzi f’li wieħed jieħu ħsieb taʼ xi ħadd, ix-​xjuħ għandhom mnejn imutu, bħalma ġralha omm Myrna. Imma dawk li jafdaw f’Jehovah jafu li l-​mewt m’hijiex it-​tmiem taʼ l-​istorja. L-​appostlu Pawlu qal: “Nittama f’Alla . . . kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena għad iqumu minn bejn l-​imwiet.” (Atti 24:15) Dawk li tilfu lil ġenituri anzjani fil-​mewt jiksbu faraġ mit-​tama taʼ l-​irxoxt flimkien mal-​wegħda taʼ dinja ġdida li tgħaxxqek, xogħol idejn Alla, u li fiha “ma jkunx hemm iżjed mewt.”​—Apokalissi 21:4.

21. Liema riżultati tajbin jiġu milli wieħed jonora lil ġenituri anzjani?

21 Il-​qaddejja t’Alla għandhom rispett profond lejn il-​ġenituri tagħhom, avolja dawn forsi xjaħu. (Proverbji 23:​22-24) Huma jonorawhom. F’li jagħmlu hekk, jesperjenzaw dak li jgħid il-​proverbju mnebbaħ: “Jithennew bik missierek u ommok, u tifraħ bik dik li welditek!” (Proverbji 23:25) U fuq kollox, dawk li jonoraw lill-​ġenituri anzjani tagħhom jogħġbu u jonoraw ukoll lil Alla Jehovah.

[Nota taʼ taħt]

a Hawnhekk m’aħniex qegħdin niddiskutu sitwazzjonijiet li fihom il-​ġenituri kienu ħatjin t’abbuż estrem mill-​poter u mill-​fiduċja tagħhom, dak li jistaʼ jitqies bħala li huma ħatjin taʼ delitt.

DAWN IL-​PRINĊIPJI TAL-​BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LILNA BIEX NONORAW LILL-​ĠENITURI ANZJANI TAGĦNA?

Għandna nagħtu dak li ħaqqhom lill-​ġenituri u lin-​nanniet.​—1 Timotju 5:4.

Kulma nagħmlu jrid isir bl-​imħabba.​—1 Korintin 16:14.

Deċiżjonijiet importanti qatt m’għandhom jittieħdu bil-​għaġla.​—Proverbji 14:15.

Ġenituri anzjani, saħansitra jekk huma morda u qegħdin jiddgħajfu, iridu jiġu rrispettati.​—Levitiku 19:32.

Aħna mhux dejjem se niffaċċjaw il-​prospett taʼ li nixjieħu u mmutu.​—Apokalissi 21:4.

[Stampa f’paġna 179]

M’huwiex għaqli li tieħu deċiżjonijiet għal ġenitur mingħajr ma tkellmu qabel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja