It-Tieni Kronaki
32 Wara li Ħeżekija għamel dawn l-affarijiet b’lealtà, ir-Re Sennakerib tal-Assirja telaʼ kontra Ġuda. Hu assedja l-bliet iffortifikati bil-ħsieb li jiħodhom taħt idejh.
2 Meta Ħeżekija ra li Sennakerib ġie bil-ħsieb li jiggwerra kontra Ġerusalemm, 3 hu ħa parir mingħand l-uffiċjali u l-gwerriera tiegħu u ddeċieda li jwaqqaf l-ilmijiet tal-għejun taʼ barra l-belt, u huma appoġġawh. 4 Għalhekk, inġabru ħafna nies, u waqqfu l-għejun kollha u l-wied li jgħaddi minn nofs l-art, u qalu: “Għala għandhom ir-rejiet tal-Assirja jiġu u jsibu ħafna ilma?”
5 Barra minn hekk, hu kompla jaħdem b’determinazzjoni u reġaʼ bena s-sur kollu li kien waqaʼ u tellaʼ torrijiet fuqu, u fuq barra tellaʼ sur ieħor. Hu sewwa wkoll l-Għolja* tal-Belt taʼ David, u għamel ħafna armi u tarki. 6 Imbagħad inkariga kapijiet tal-battalja fuq in-nies, ġabarhom fil-pjazza taʼ bieb il-belt, u inkuraġġiehom* billi qal: 7 “Kunu kuraġġużi u sodi. Tibżgħux u titwerwrux minħabba r-re tal-Assirja u l-ħafna nies li hemm miegħu, għax hemm iktar magħna milli miegħu. 8 Hu għandu s-saħħa tal-bnedmin,* imma aħna għandna lil Ġeħova l-Alla tagħna biex jgħinna u jiġġieled il-battalji tagħna.” U n-nies ġew inkuraġġiti b’dak li qalilhom ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda.
9 Wara dan, waqt li kien Lakis mas-suldati tiegħu, ir-Re Sennakerib tal-Assirja bagħat il-qaddejja tiegħu Ġerusalemm għand ir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda u n-nies kollha taʼ Ġuda li kienu Ġerusalemm, u qalulhom:
10 “Hekk jgħid ir-Re Sennakerib tal-Assirja, ‘Fiex qed tafdaw biex bqajtu f’Ġerusalemm waqt li hi assedjata? 11 Ħeżekija qed iqarraq bikom u ħa jħallikom tmutu bil-ġuħ u bl-għatx, billi jgħidilkom: “Żgur li Ġeħova se jeħlisna minn idejn ir-re tal-Assirja.” 12 Hu stess neħħa l-postijiet għall-qima u l-artali tal-Alla tagħkom* u mbagħad qal lil Ġuda u lil Ġerusalemm: “Għandkom tmilu quddiem artal wieħed u toffru d-duħħan tas-sagrifiċċji fuqu.” 13 Ma tafux x’għamilnielhom jien u missirijieti lin-nies tal-pajjiżi kollha? Setgħu l-allat tal-popli jeħilsu lil pajjiżhom minn idi? 14 Missirijieti qerdu ħafna popli u ħadd minn allathom ma setaʼ jeħles lill-poplu tiegħu minn idi. Allura għala taħsbu li l-Alla tagħkom jistaʼ jeħliskom minni? 15 Tħallux lil Ħeżekija jqarraq jew jidħaq bikom b’dan il-mod! Tafdawx fih, għax ebda alla taʼ xi poplu jew saltna ma setaʼ jeħles lill-poplu tiegħu minn idi u minn id missirijieti. Aħseb u ara kemm se jeħliskom minni l-Alla tagħkom!’”
16 Il-qaddejja tiegħu komplew jitkellmu kontra Ġeħova l-Alla l-veru u kontra Ħeżekija l-qaddej tiegħu. 17 Sa ittri kiteb biex imaqdar lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael u biex jitkellem kontrih, u qal: “Bħalma l-allat tal-popli l-oħra ma ħelsux lill-poplu tagħhom minn idi, l-Alla taʼ Ħeżekija mhux se jeħles lill-poplu tiegħu minni.” 18 Huma baqgħu jgħajtu bil-lingwa tal-Lhud lin-nies taʼ Ġerusalemm li kienu fuq is-sur, ħalli jbeżżgħuhom u jwerwruhom, u jieħdu l-belt taħt idejhom. 19 Huma tkellmu kontra l-Alla taʼ Ġerusalemm bħalma tkellmu kontra l-allat tal-popli tal-art, li jagħmluhom il-bnedmin. 20 Imma r-Re Ħeżekija u l-profeta Isaija bin Għamoż baqgħu jitolbu dwar dan u jgħajtu lil Alla għall-għajnuna.
21 Imbagħad, Ġeħova bagħat anġlu u qered lil kull gwerrier b’saħħtu, mexxej, u kap fil-kampijiet tar-re tal-Assirja, u b’hekk dan mar lura lejn pajjiżu umiljat. Iktar tard daħal fit-tempju tal-alla tiegħu u wħud mit-tfal tiegħu qatluh bix-xabla. 22 B’hekk, Ġeħova salva lil Ħeżekija u lin-nies taʼ Ġerusalemm minn id ir-Re Sennakerib tal-Assirja u l-għedewwa l-oħrajn kollha u tahom il-mistrieħ minnhom. 23 U ħafna ħadu rigali lil Ġeħova f’Ġerusalemm u affarijiet mill-aqwa lir-Re Ħeżekija taʼ Ġuda, u wara dan kien irrispettat ħafna mill-popli kollha.
24 Dak iż-żmien Ħeżekija marad u kien wasal biex imut. Hu talab lil Ġeħova, li wieġbu u tah sinjal.* 25 Imma Ħeżekija ma weriex apprezzament għall-ġid li sarlu, għax tkabbar. B’hekk, Alla rrabja miegħu u maʼ Ġuda u Ġerusalemm. 26 Madankollu, Ħeżekija umilja ruħu u ma baqax kburi. Anki n-nies taʼ Ġerusalemm hekk għamlu, u Ġeħova ma kkastigahomx fi żmien Ħeżekija.
27 U Ħeżekija kellu ħafna ġid u glorja. Hu għamel imħażen għall-fidda, id-deheb, il-ħaġar prezzjuż, iż-żejt tal-balzmu, it-tarki, u l-affarijiet prezzjużi kollha. 28 Għamel ukoll imħażen għaċ-ċereali* u għall-inbid u ż-żejt ġdid, kif ukoll stalel għall-annimali kollha li kienu jrabbu u għall-imrieħel. 29 Hu bena bliet għalih, u kiseb ammont kbir taʼ mrieħel taʼ nagħaġ u baqar, għax Alla tah ħafna u ħafna ġid. 30 Kien Ħeżekija li waqqaf l-għajn tal-ilma taʼ Giħon u għaddieh ’l isfel lejn il-Punent, lejn il-Belt taʼ David. Ħeżekija rnexxa f’kulma għamel. 31 Madankollu, meta l-kelliema tal-uffiċjali taʼ Babilonja ntbagħtu għandu biex jistaqsuh dwar is-sinjal* li kien ġara fil-pajjiż, l-Alla l-veru ħallieh jiddeċiedi waħdu x’jagħmel biex isir jaf kulma għandu f’qalbu.
32 Il-bqija tal-istorja taʼ Ħeżekija u kulma għamel bi mħabba u lealtà* huma miktubin fil-viżjoni tal-profeta Isaija bin Għamoż fil-Ktieb tar-Rejiet taʼ Ġuda u t’Iżrael. 33 Imbagħad Ħeżekija miet u difnuh fit-telgħa lejn il-postijiet tad-dfin taʼ dawk li jiġu minn David.* In-nies kollha taʼ Ġuda u Ġerusalemm onorawh f’mewtu. U ibnu Manasse sar re minfloku.